Fit-tama nagħrfu li aħna lkoll salvi (Rum 8:19-27)


12. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 22 ta’ Frar 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Spiss aħna ttentati naħsbu li l-ħolqien hu proprjetà tagħna, li nistgħu nagħmlu użu minnu kif jogħġobna u li m’aħna obbligati nagħtu kont lil ħadd dwaru. Imma fis-silta tal-Ittra lir-Rumani (8:19-27) li għadna kemm smajna parti minnha, l-Appostlu Pawlu jfakkarna li l-ħolqien hu don mill-isbaħ li Alla ħalla f’idejna, biex nistgħu nidħlu f’relazzjoni miegħu u nagħrfu fih il-marka tal-pjan ta’ mħabbtu, li aħna, jum wara l-ieħor, imsejħin nikkollaboraw fit-twettiq tiegħu.

Imma meta jħalli l-egoiżmu jirkbu, il-bniedem jispiċċa jirvina mqar l-isbaħ affarijiet li ġie fdat bihom. U hekk ġara wkoll għall-ħolqien. Aħsbu fl-ilma. L-ilma hu ħaġa sabiħa ħafna u tant importanti; l-ilma jagħtina l-ħajja, jgħinna f’kollox, imma biex nużaw il-minerali qed inniġġsu l-ilma, inħammġu u neqirdu l-ħolqien. Dan hu biss eżempju wieħed. Hemm ħafna oħrajn. Bl-esperjenza traġika tad-dnub, meta farrakna l-komunjoni tagħna ma’ Alla, ksirna dik il-komunjoni tal-bidu ma’ dak kollu li għandna madwarna u spiċċajna biex għarraqna l-ħolqien, u hekk jassarnieh, spiċċa lsir tal-waqgħa tagħna li twassal għall-mewt. U l-konsegwenza ta’ dan kollu qed narawha sseħħ traġikament taħt għajnejna stess, ta’ kuljum. Meta jkisser il-komunjoni ma’ Alla, il-bniedem jitlef il-ġmiel li kellu u jispiċċa jisfigura kull ħaġa li għandu madwaru; u fejn qabel, kollox kien iwasslek għand il-Missier Ħallieq u l-imħabba bla tarf tiegħu, issa jġorr is-sinjal kiebi u vojt tal-kburija u tal-kilba umana. Il-kburija tal-bniedem tabbuża mill-ħolqien u ġġib il-qerda.

Imma l-Mulej ma jitlaqniex waħidna u anki f’dan il-kwadru ta’ qtigħ il-qalb joffrilna perspettiva ġdida ta’ ħelsien, ta’ salvazzjoni universali. Hu dak li jurina Pawlu bil-ferħ, meta jistedinna nagħtu widen għall-krib tal-ħolqien kollu. Fil-fatt, jekk noqogħdu attenti, madwarna kollox qed jokrob: jokrob il-ħolqien stess, nokorbu aħna l-bnedmin u jokrob l-Ispirtu fina, fil-qalb tagħna. Issa dan il-krib mhux lamentazzjoni vojta, bla faraġ, imma – kif jippreċiża l-Appostlu – hu l-krib tal-uġigħ tal-ħlas; hu l-krib ta’ min qed ibati, imma li fl-istess waqt jaf li waslet biex tfeġġ ħajja ġdida. U fil-każ tagħna hu tassew hekk. Aħna għadna qed nitqabdu mal-konsegwenzi tad-dnub tagħna u kollox, madwarna, għadu jġib is-sinjal tal-uġigħ tagħna, tan-nuqqasijiet tagħna, tal-għeluq tagħna. Imma fl-istess waqt nafu li ġejna mifdija mill-Mulej u diġà nistgħu nikkontemplaw u niggostaw minn qabel fina u f’dak li għandna madwarna s-sinjali tal-Qawmien, tal-Għid, li jġib ħolqien ġdid.

Dan hu l-kontenut tat-tama tagħna. In-Nisrani ma jgħixx barra mid-dinja, jaf jagħraf fl-istess ħajtu u f’dak ta’ madwaru s-sinjali tal-ħażen, tal-egoiżmu u tad-dnub. Hu solidali ma’ min qed ibati, ma’ min qed jibki, ma’ min hu emarġinat, ma’ min iħossu qalbu maqtugħa… Imma, fl-istess waqt, in-Nisrani tgħallem jaqra dan kollu bl-għajnejn tal-Għid, bl-għajnejn ta’ Kristu Rxoxt. U għalhekk jaf li qed ngħixu ż-żmien tal-istennija, iż-żmien ta’ xenqa li tmur lil hemm mill-preżent, iż-żmien tal-milja sħiħa. Fit-tama nafu li l-Mulej bil-ħniena tiegħu jrid ifejjaq għalkollox il-qlub miġruħa u mċekkna u dak kollu li l-bniedem għarraq bil-ħażen tiegħu, u li hekk hu se jġedded dinja u umanità ġdida, sa fl-aħħar irrikonċiljati fi mħabbtu.

Kemm drabi aħna l-Insara nħossuna ttentati naqtgħu qalbna, inkunu pessimisti… Xi drabi nħallu jkaxkarna t-tgergir bla siwi, inkella nibqgħu bla kliem u bilkemm nafu x’għandna nitolbu, x’għandna nittamaw… Imma għal darb’oħra jaqbeż għalina l-Ispirtu s-Santu, nifs tat-tama tagħna, li jżomm ħajja l-karba u l-istennija tal-qalb tagħna. L-Ispirtu jara fina iktar minn dak li jidher negattiv bħalissa u jurina minn issa s-smewwiet ġodda u l-art ġdida li l-Mulej qed iħejji għall-umanità.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.