In-Nanna Lien

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

In-Nanna Lien! Hekk kont insejħilha lil mart iz-ziju tal-għażiż missieri li ħallietna nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar fl-età sabiħa ta’ 91 u sena.

In-Nanna Lien kienet waħda mill-aktar nies anzjani ta’ San Ġwann. Kif qal tajjeb iċ-ċelebrant li mexxa l-liturġija tal-Ewkaristija tal-funeral tagħha, illum li tissejjaħ qadim tfisser li tkun antikwat. Jew, biex ngħidha mod ieħor, minn ta’ wara l-muntanji. Madankollu, kif semma tajjeb iċ-ċelebrant, in-Nanna Lien kienet mara li dejjem kellha l-Kuruna f’idejha. Għalkemm kienet anzjana iżda baqgħet dejjem sempliċi. L-għaliex baqgħet titlob sal-aħħar mumenti ta’ ħajjitha! Iżżebbeġ il-Kuruna u titħaddet mal-Mulej!

L-omelija sabiħa li niseġ iċ-ċelebrant fil-funeral tan-Nanna Lien ġagħlitni nsaqsi mistoqsija importanti ħafna, almenu għalija personali: Kemm nitlob jien bħala Patri? U issa nistiednek biex din il-mistoqsija tagħmilha int ukoll, għalik, għal ħajtek stess. Kemm qed nitlob? Kemm ngħaddu ħin hux inpaċpċu u illabalblu fil-vojt! U, ejja ngħiduha kif inhi, xi jkun diskorsna? Il¬-gossip! Jgħidulek il-moderni ala Ingliża. U, ala Maltija, fost frażijiet oħra li ma jixraqx li nsemmu f’dan l-ispazju imma li, mit-tbissima ta’ ħarstek qed nintebaħ li ndunajt jien x’irrid ngħidlek, aħna nqattgħu ħafna minn ħinna ngħidu fuq in-nies! Ejja nkunu sinċieri, x’qed ikun ħafna mill-kontenut ta’ Facebook? Mhux li nikxfu l-għawwar? Mhux li nperrċu d-difetti u d-dnubiet ta’ xulxin? Imma, ngħid jien, dan lant?

Ħa mmur ftit fl-ewwel qari tal-Funeral tan-Nanna Lien li kien meħud mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet. Is-silta li ntagħżlet minn kapitlu 3 fakkrittni tassew fiha! Hekk kienet tgħid din is-silta sabiħa: “Tajjeb il-Mulej ma’ min jistennieh, mar-ruħ li tfittxu. Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej; tajjeb għall-bniedem li jerfa’ l-madmad sa minn żgħożitu, li joqgħod waħdu u sieket, meta jgħabbihulu l-Mulej” (Lam 3:25-28). Hekk niftakarha lin-Nanna Lien, tistenna lill-Mulej, dejjem tfittxu! Kemm kienet titlob. Rużarju wara l-ieħor! U f’talbha kienet tiftakar f’kulħadd. F’ħajjitha batiet. Rabbiet familja kbira. Soffriet il-mewt tal-għażiż żewġha u ta’ tliet uliedha. Imma, minkejja daqshekk tbatija, in-Nanna Lien emmnet f’dak li qal Ġesù lil Marta: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix” (Ġw 11:25).

Wieħed minn neputijiet tagħha meta staqsejtu x’kienu l-ħwejjeġ li n-Nanna Lien kienet għallmietu u spiss kienet ittenni biex tgħallem bihom lill-familja tagħha qalli: “Ir-Rużarju ta’ kuljum u l-kumpanija t-tajba”. X’żewġ ġawhriet dawk! Ejjew inkunu sinċieri: għaliex naħsbu li fil-familji tagħna ta’ denbu twil seħħlu jdaħħal denbu u bih qed jiknes il-valuri sbieħ tal-maħfra, tas-sabar, tal-umiltà u tas-sagrifiċċju? U mhux l-għaliex m’aħniex nitolbu flimkien bħala familja? Fejn mar ir-Rużarju li konna nitolbu għalenija bħala familja filgħaxija? Tgħidlix li dak issa sar parti minn O żmien ħelu kif ħallejtni? L-għaliex, jekk dan sar hekk, allura veru li l-familja tagħna tkun qabdet it-triq tan-niżla? Għall-preċipizju? Għall-qerda? Nixtieq hawnhekk infakkar f’dak li qalilna Papa Franġisku fl-omelija li għamel fil-quddiesa għall-Jum tal-Familja, fl-okkażjoni tas-sena tal-Fidi, tal-Ħadd 27 ta’ Ottubru 2013:

“U nitolbu flimkien ir-Rużarju, fil-familja, hija ħaġa sabiħa wisq, tagħti qawwa kbira. U anke li nitolbu għal xulxin: ir-raġel għal-martu, il-mara għal żewġha, it-tnejn li huma jitolbu għal uliedhom, l-ulied jitolbu għall-ġenituri, għan-nanniet… Nitolbu għal xulxin. Dan huwa nitolbu fil-familja, u dan hu li jagħti qawwa lill-familja: it-talb” (nru. 1).

Barra minhekk is-saħħa lill-familja tiġi wkoll meta nagħmluha ma’ familji u persuni li, fi kliem in-Nanna Lien, huma ta’ kumpanija tajba. Fi kliem Papa Franġisku liż-żgħażagħ Paragwajani, ta’ nhar il-Ħadd 12 ta’ Lulju 2015, il-kumpanija t-tajba tfisser “meta wieħed irid il-ġid lil xi ħadd, jibqa’ qrib tiegħu, jieħu ħsiebu, jgħinu, jgħidlu kif jaħsibha, iva, imma qatt ma jitilqu. Hekk iġib ruħu Ġesù magħna, qatt ma jitlaqna waħidna. Il-ħbieb jissapportjaw lil xulxin, isieħbu lil xulxin, jipproteġu lil xulxin. Hekk jagħmel il-Mulej magħna. Jissapportjana. [Għax] ħbiberija vera [hi] dik il-ħbiberija … fl-istil ta’ Ġesù.”

Grazzi Nanna Lien li b’ħajtek għallimtna li r-Rużarju u l-kumpanija tajba huma żewġ mezzi qawwija tal-qdusija tal-familji tagħna!

One thought on “In-Nanna Lien”

  1. Fr.Mario prosit and thank you got daily refections which i find so.much of great lessons to.pause and act.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading