Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ninsew il-ħajja taż-żewġ uċuħ, ma nistgħux inħallu l-konverżjoni għal għada

Ninsew il-ħajja taż-żewġ uċuħ, ma nistgħux inħallu l-konverżjoni għal għada


Il-Ħamis 23 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

M’għandniex nagħtu skandlu liż-żgħar bil-ħajja taż-żewġ uċuħ għax l-iskandlu qerriedi, u lanqas għandna nħallu l-konverżjoni għal għada. Din l-istedina għamilha l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-Vatikan.

 

Aqta’ idek barra, aqla’ għajnek, imma tagħtix skandlu liż-żgħar, jiġifieri lil min hu ġust, lil dawk li għandhom fiduċja fil-Mulej, li sempliċement jemmnu fil-Mulej. Infatti, għall-Mulej l-iskandlu jeqred.

Imnebbaħ mill-Vanġelu tal-lum, il-Papa staqsa: X’inhu l-iskandlu? L-iskandlu hu li tgħid ħaġa u tagħmel oħra, il-ħajja doppja. Il-ħajja doppja f’kollox: ngħid li jien Kattoliku, immur il-quddies dejjem, membru ta’ xi assoċjazzjoni, imma ħajti mhix Kristjana, lill-impjegati tiegħi ma ntihomx li ħaqqhom, nisfrutta n-nies, nagħmel kummerċ maħmuġ, naħsel il-flus… ħajja doppja.

Hemm bosta Kattoliċi li huma hekk. Dawn jiskandalizzaw. Kemm-il darba smajna b’widnejna min jgħid: jekk dawn huma l-Kattoliċi, allura aħjar li nkun ateu!

Dan hu l-iskandlu, l-iskandlu li jeqirdek. Dan jiġri ta’ kuljum, biżżejjed wieħed jara l-aħbarijiet jew jaqra l-ġurnali. Il-ġurnali mimlijin skandli li jinsabu wkoll fir-riklami li naraw. L-iskandli huma qerrieda, saħaq il-Papa Franġisku.

Il-Papa ġab l-eżempju ta’ ditta li kienet f’xifer il-falliment. L-impjegati ma kellhomx flus biex jixtru l-meħtieġ għax ma kinux jirċievu l-paga. L-awtoritajiet riedu jevitaw li jsir strajk leġittimu imma li kien se jagħmel il-ħsara u riedu jitkellmu mal-mexxejja tad-ditta.

Min kien responsabbli, Kattoliku, kien jinsab fil-Lvant Nofsani, f’bajja jieħu vaganza, u dan in-nies kienu jafuh minkejja li ma deherx fil-ġurnali. Dawn huma l-iskandli, tenna Franġisku.

Fil-Vanġelu, mingħajr ma jsemmi l-kelma ‘skandlu’, imma b’mod li jinftiehem ċar, lil min jagħti skandlu Ġesù jgħidilhom: Int tasal il-ġenna, tħabbat il-bieb u tgħid, ‘Hawn jien, Mulej! Ma tiftakarx li kont immur il-Knisja, kont qribek, kont membru fit-tali għaqda, ma tiftakarx kemm kont nagħti offerti?’

‘Iva,’ jwieġbek, ‘l-offerti niftakarhom, imma kollha kienu maħmuġin, kollha misruqin lill-foqra. Ma nafekx!’ Din tkun it-tweġiba ta’ Ġesù lil min jagħti skandlu u jgħix ħajja doppja.

Il-ħajja doppja tiġi mill-fatt li aħna nimxu fuq il-passjonijiet tal-qalb, id-dnubiet kapitali li huma l-ġrieħi tad-dnub oriġinali, osserva l-Papa.

Proprju l-ewwel qari jħeġġiġna biex ma nafdawx fir-rikkezzi, ma ngħidux: ‘għandi biżżejjed għalija u ma jonqosni xejn.’ Għalhekk il-Papa Franġsiku stedinna biex il-konverżjoni ma nħalluhiex għal għada.

Jagħmlilna tajjeb ilkoll kemm aħna, kompla jgħid, li naħsbu ftit jekk aħniex ngħixu ħajja doppja: nidhru ġusti, nidhru bħala nies tajbin li nemmnu, Kattoliċi tajbin, imma minn taħt qed nagħmlu xi ħaġ’oħra.

U jekk aħna għandna ħafna fiduċja żejda naslu ngħidu: ‘U iva, il-Mulej għad jaħfirli kollox, issa nibqa’ għaddej kif jien.’ ‘Iva, dan mhux sew, imma se nikkonverti għada mhux illum.’

Naħsbu ftit dwar dan, temm il-Papa. Napprofittaw ruħna mill-kelma tal-Mulej u nifhmu li dwar dan il-Mulej hu iebes ħafna: l-iskandlu jeqred.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: