Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > F’Alla biss jinsabu l-ġustizzja u l-ħniena. Ma nċedux quddiem il-loġika tal-każistika

F’Alla biss jinsabu l-ġustizzja u l-ħniena. Ma nċedux quddiem il-loġika tal-każistika


Il-Ġimgħa 24 ta’ Frar 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Fil-mixja Nisranija ma nistgħux ninnegozjaw il-verità imma jeħtieġ li nkunu ġusti fil-ħniena kif għallimna Ġesù. Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa wissiena biex nitħarsu mill-ipokresija u l-ingann ta’ fidi li nirriduċuha għal-loġika li timxi skont il-każ partikolari – il-każistika.

Il-mistoqsija fil-Vanġelu tal-lum, li jagħmlu dawk li jsegwu lil Ġesù waqt li kien
jipprietka fil-Ġudeja, hi: jista’ raġel jibgħat lil martu?

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-mistoqsija hi nassa, osserva Franġisku. Imma Ġesù japprofitta ruħu mit-tweġiba biex ifisser x’inhu l-aktar importanti fil-fidi.
Ġesù ma jweġibx jekk hux leċitu jew le: ma jidħolx fil-loġika tal-każ dokumentat. Għax dawn, qal il-Papa, kienu jifhmu l-fidi biss fid-dawl ta’ dak li tista’ jew ma tistax tagħmel, safejn tista’ tasal u safejn le. Il-loġika tad-dokumentazzjoni.
Ġesù jevita dan u jagħmel mistoqsija Hu: X’kien ordnalkom Mosè? X’hemm fil-liġi tagħkom?

Dawn jispjegaw li Mosè kien tahom permess li jistgħu jibagħtu lil marthom, u fil-fatt jaqgħu fin-nasba huma. Għax Ġesù jgħidilhom li għandhom qalbhom iebsa u kien għalhekk li Mosè kien kitbilhom dik il-liġi. Ġesù kien qed jgħid il-verità, mingħajr ma daħal fl-istatistika tad-dokumenti. Il-verità.

Ġesù, issokta l-Papa, dejjem jgħid il-verità, jispjega l-affarijiet kif kienu maħluqin, il-verità tal-Iskrittura, tal-Liġi ta’ Mosè. U dan itennih ukoll meta d-dixxipli tiegħu jistaqsuh dwar l-adulterju u jgħidilhom: Min jibgħat lil martu u jiżżewweġ oħra, ikun qed jagħmel adulterju lejn l-ewwel waħda, u jekk il-mara tibgħat lil żewġha u
tiżżewweġ lil ħaddieħor, tkun qed twettaq adulterju.

Imma, staqsa l-Papa, jekk il-verità dwar l-adulterju hi din, jekk l-adulterju hu gravi, kif nistgħu nispjegaw li Ġesù tkellem tant drabi ma’ xi adultera, ma’ pagana? Imbagħad fl-aħħar qalilha: ‘Jien ma nikkundannakx, mur u tidnibx aktar.’ Kif inhu possibbli dan?

Dik hi t-triq ta’ Ġesù, tidher ċara, hi l-mixja li tibda mill-każ dokumentat u timxi lejn il-verità u l-ħniena. Ġesù jinjora d-dokumentazzjoni. Lil dawk li riedu jġarrbuh b’dil-loġika ta’ jekk tistax jew le, f’pass ieħor tal-Vanġelu għajjarhom ipokriti.

Anke fejn jidħol ir-raba’ Kmandament, dawn kienu jiċħdu l-għajnuna lill-ġenituri tagħhom bl-iskuża li kienu jkunu taw offerta kbira lill-Knisja. Id-dokumentazzjoni hi ipokrita. Hu ħsieb ipokritu – nista’, ma nistax… li mbagħad isir aktar fin, aktar dijaboliku: minn hawn s’hawn nista’…. dan huwa ingann.

Il-mixja tan-Nisrani ma ċċedix quddiem il-loġika tad-dokumentazzjoni, imma twieġeb bil-verità li magħha, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, torbot il-ħniena. Għax Ġesù huwa l-inkarnazzjoni tal-ħniena tal-Missier, u ma jistax jiċħad lilu nnifsu.
Ma jistax jiċħad lilu nnifsu għaliex Huwa hu l-Verità tal-Missier u ma jistax jiċħad lilu nnifsu għaliex Huwa hu l-Ħniena tal-Missier. Din hi t-triq li jgħallimna Ġesù: diffiċli biex napplikawha, innota l-Papa, quddiem it-tentazzjonijiet tal-ħajja.

Meta t-tentazzjoni tmisslek qalbek, mhux faċli li toħroġ mil-loġika tad-dokumentazzjoni biex timxi lejn il-verità u l-ħniena. Hemm bżonn tal-grazzja t’Alla biex tgħinna nimxu ‘l quddiem f’dit-triq.

U għandna dejjem nitolbuha dil-grazzja. ‘Mulej, agħmilni ġust, imma ġust bil-ħniena, mhux ġust skont il-każ. Ġust fil-ħniena bħalma inti Int.’ Imbagħad, min moħħu biss fil-każistika jista’ jistaqsi: Imma x’inhu l-aktar importanti f’Alla, il-ġustizzja jew il-ħniena?

Dan hu ħsieb marid li jipprova jiżloq mill-verità… x’inhu l-aktar importanti? Iż-żewġ aspetti mhumiex mifrudin minn xulxin, huma ħaġa waħda għax f’Alla l-ġustizzja hi ħniena u l-ħniena hi ġustizzja.

Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dit-triq, li mhix faċli, imma li thenni lilna u thenni ħafna nies oħra, temm Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: