Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Il-Mulej huwa l-premju tat-triq ġewwinija, onestà u integra tar-Randan

Il-Mulej huwa l-premju tat-triq ġewwinija, onestà u integra tar-Randan


L-Erbgħa l-1 ta’ Marzu 2017, Ras ir‑Randan, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Quddiesa tal‑Erbgħa tal‑Irmied, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

 

 

Stampa t-test…

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna FIL-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
“Bejn il-portiku u bejn l-artal ħa jibku l-qassisin, qaddejja tal-Mulej! U ħa jgħidu: ‘ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej, u la tħallix il-wirt tiegħek jaqa’ għaż-żebliħ u jiġi f’ilsien il-ġnus’” (Ġoel 2, 17). Din il-profeżija ta’ Ġoel tinawgura dan l-istaġun partikolari għażiż u qaddis tar-Randan. Hija stedina lis-saċerdoti, qaddejja tal-Mulej, biex jinterċedu għall-poplu billi jitolbu fuqu l-ħniena tal-Mulej: “ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej”. U jitolbuh li l-poplu jkompli fit-triq tal-ġieħ u tad-dinjità li kiseb bil-ħelsien li tah Alla: “tħallix li l-wirt tiegħek jaqa’ għaż-żebliħ, li jiġi f’ilsien il-ġnus”.

Il-profezija tagħmel dan l-appell b’mod l-iżjed solenni: “Doqqu t-tromba f’Sijon! Ordnaw sawma, sejħu laqgħa mqaddsa, iġbru l-poplu, qaddsu l-ġemgħa” (v. 15-16). U dan li qegħdin nagħmlu llejla. F’dan il-jum ta’ sawm, sejjaħna laqgħa qaddisa, inġbarna bħala poplu biex nitqaddsu bir-rit tat-tqegħid tal-irmied. Huwa att ta’ umiltà li jfakkarna kemm aħna dgħajfa u jfakkarna wkoll fl-istedina kontinwa biex nindmu u nemmnu fil-Bxara t-tajba.

Imma l-Mulej Ġesù, meta jitkellem fuq is-sawm fl-Evanġelju, jgħidilna biex nindilku biż-żejt tal-fwieħa. Il-versett qabel l-Evanġelju mis-Salm 94 qalilna: “llum la twebbsux qalbkom iżda isimgħu leħen il-Mulej” (v. 8). Huwa jum ta’ sawm, huwa jum ta’ umiltà, imma mhuwiex jum ta’ disperazzjoni. Illum nibdew pellegrinaġġ ta’ tama, staġun ta’ tisfija, li jippreparana biex fl-Għid qaddis tal-Mulej niċċelebraw ir-rebħa tal-Għarus li ta ħajtu għall-għarusa tiegħu l-Knisja.

Veru li l-profeta Ġoel jgħid: “ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu u l-għarusa mill-kmajra tagħha”, (Ġoel 2, 16) għaliex hemm bżonn nibdew staġun ta’ ċaħda u ta’ rażan li jagħmel li l-laqgħa tal-imħabba u tal-għerusija fi żmien il-Għid tkun iżjed laqgħa ħerqana. B’xi mod lir-ruħ il-Mulej jixtieq ixxennaqha biex it-tgħannieqa tiegħu magħha, imsoffija u ppurifikata fl-Għid, tkun iżjed impenjata u sabiħa.

Il-Mulej fl-Evanġelju magħżul għal din il-ġurnata minn San Mattew, isemmi tliet atteġġjamenti – iżjed milli għemejjel huma atteġġjamenti: il-karità, it-talb u s-sawm. Jinsisti li x-xhud prinċipali tagħhom irid ikun il-Mulej. M’għandniex naddottawhom dawn l-atteġġjamenti għall-wiċċ in-nies għaliex mhumiex biss kwistjoni ta’ għemil estern imma xi ħaġa li toħroġ u titwieled fil-qalb.

Hu jibda bil-karità u jgħidilna l-famuża espresjoni “meta tagħmel karità idejk ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija” (Mt 6, 3). Il-karità tingħata bl-id il-leminija u l-id ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, għaliex il-karità m’għandhiex tkun ostentazzjoni ta’ ġenerożità filantropika imma solidarjetà li ħierġa mill-qalb. “Il-karità tiegħek issir fil-moħbi u Missierek li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (v. 4).

Meta titlob, mhix kwistjoni ta’ kemm titlob jew kemm hi esterna t-talba tiegħek imma meta titlob jgħidilna: “idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, itlob lill-Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (v. 6).

Hekk ukoll is-sawm: “meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierk, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (v. 17).

Innutaw miegħi li meta jitkellem fuq Alla f’dawn it-tliet mumenti, Ġesù jitkellem dwaru bħala Missier, Missierek li jafek, mhux biss jara fil-moħbi imma jaf jgħarbel il-ġewwieni l-iżjed intimu tiegħek. Jaf id-dgħufija tiegħek, imma jagħdrek u jħobbok u jibqa’ jħobbok dejjem. “Missierek dak li jagħraf fil-moħbi jroddlok hu”.

B’xi mod meta nagħmlu l-esperjenza onesta u sinċiera ta’ dawn it-tliet atteġġjamenti: il-karità li taħseb fil-proxxmu, it-talb li jressaqna lejn Alla, is-sawm li jgħallimna r-rażan tal-passjonijiet, tan-negattività tagħna, aħna nagħrfu li l-Missier li jħobbna huwa xhud tagħna u li hu huwa l-ħlas tagħna.

Qatt għamiltu att ta’ karità b’qalb sinċiera u ħassejtu paċi u ferħ indeskrivibbli fil-qalb tagħkom? Qatt irrinunzjajtu għal xi ħaġa biex tkunu integri, onesti – għax dak hu l-veru sawm – u tħoss ċertu paċi fil-qalb tiegħek, ċertu sliem li ma tafx tiddeskrivih? Qatt inti dħalt fil-kamra ta’ ġewwa tal-qalb tiegħek – magari tgerger mal-Mulej ikollok aptit tiggranfalu wiċċu kultant – imma b’sinċerità u onestà, u tħoss il-messaġġ ħelu tiegħu li jgħammillek kuraġġ? Għax il-Mulej ma qallilniex li se jroddilna fil-futur – mhux neċessarjament – il-Mulej iroddilna fil-mument li l-karità tagħna, it-talb tagħna, is-sawm tagħna jkun ħiereġ mill-qalb. Il-Mulej huwa l-premju, hu innifsu huwa l-premju tat-triq ġewwinija, onestà, integra tar-Randan.

Illum jibda l-istaġun tar-rebbiegħa tar-ruħ. Aħna li għandna din ix-xorti kbira li fir-Randan ta’ kull sena, il-kampanja tagħna – dik li għad fadlilna u hemm bżonn nieħdu ħsiebha – tagħmel l-għanja sabiħa tar-rebbiegħa u faċli allura għalina nħarsu lejn in-natura li qiegħda tirxoxta, u r-Randan tagħna ngħixuh f’atmosfera ta’ tama, ta’ stennija u għaliex le? Ta’ ferħ.

Il-bluha tal-karnival għaddiet, nispera, issa jibda l-ferħ tal-istennija li aħna, b’qalb safja u niedma, nersqu fil-Vġili tal-Għid biex niċħdu l-ħażen u nħaddnu t-tajjeb, biex nifirħu li fuq id-dnub rebħet il-ħniena, fuq il-mewt rebħet il-ħajja. “Fi żmien it-tajjeb smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek, araw, issa hu ż-żmien it-tajjeb, araw issa hu jum is-salvazzjoni” (2 Kor 6, 2).

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: