Ir-Randan hu mixja ta’ tama


13. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 1 ta’ Marzu 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’dan il-jum, l-Erbgħa tar-Rmied, nidħlu fiż-Żmien liturġiku tar-Randan. U ladarba qed nagħmlu ċ-ċiklu tal-katekeżi tagħna fuq it-tama Nisranija, illum nixtieq nippreżentalkom ir-Randan bħala mixja ta’ tama.

Fil-fatt, din il-perspettiva dlonk nilmħuha jekk naħsbu kif fil-Knisja r-Randan beda bħala żmien ta’ tħejjija għall-Għid, u għalhekk is-sens kollu ta’ dan il-perjodu ta’ erbgħin jum nistgħu nifhmuh fid-dawl tal-misteru tal-Għid li lejh hu orjentat. Nistgħu nistħajlu lill-Mulej Irxoxt isejħilna biex noħorġu mid-dlamijiet tagħna, u aħna nibdew mexjin lejh, li hu d-Dawl. U r-Randan hu mixja lejn Kristu Rxoxt, hu perjodu ta’ penitenza, anki ta’ sagrifiċċju, imma mhux bħala fini fih innifsu, imma maħsub biex jgħinna nirxoxtaw ma’ Kristu, biex iġedded l-identità batteżimali tagħna, jiġifieri biex nitwieldu mill-ġdid “mill-għoli”, mill-imħabba ta’ Alla (ara Ġw 3:3). Għalhekk li r-Randan, min-natura tiegħu, hu żmien ta’ tama.

Biex nifhmu aħjar xi jfisser dan, irridu nirriferu għall-esperjenza fundamentali tal-eżodu tal-Israelin mill-Eġittu, li l-Bibbja tirrakkonta fil-ktieb li jġib dan l-isem: l-Eżodu. Il-punt tat-tluq hu l-qagħda ta’ jasar fl-Eġittu, il-moħqrija, ix-xogħol iebes u sfurzat. Imma l-Mulej ma nesiex lill-poplu tiegħu u l-wegħda tiegħu: isejjaħ lil Mosè u, bi driegħ qawwi, joħroġ lill-Israelin mill-Eġittu u jmexxihom mid-deżert lejn l-Art tal-ħelsien. Matul din il-mixja mill-jasar għall-ħelsien, il-Mulej jagħti lill-Israelin il-liġi, biex jedukahom kif għandhom iħobbu lilu, is-Sid waħdieni tagħhom, u kif iħobbu lil xulxin bħal aħwa. L-Iskrittura turina li l-eżodu hu twil u mimli tiġrib: simbolikament itul erbgħin sena, jiġifieri t-tul ta’ ħajja ta’ nisel sħiħ. Nisel li, quddiem il-provi tal-mixja, hu dejjem ittentat jibki ż-żmien li għadda fl-Eġittu u li jerġa’ lura. Aħna wkoll ilkoll nafu x’inhi t-tentazzjoni li nerġgħu lura, ilkoll. Imma l-Mulej jibqa’ fidil u dak il-ġens fqajjar, immexxi minn Mosè, fl-aħħar jasal fl-Art Imwiegħda. Din il-mixja kollha hi mwettqa fit-tama: it-tama li għad jaslu f’dik l-Art, u proprju f’dan is-sens hi “eżodu”, ħruġ mill-jasar għall-ħelsien. U dawn l-erbgħin jum huma wkoll għalina lkoll ħruġ mill-jasar, mid-dnub, lejn il-libertà, lejn il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt. Kull pass, kull taħbit, kull prova, kull waqgħa u kull qawmien mill-ġdid, kollox għandu sens biss fi ħdan il-pjan ta’ salvazzjoni ta’ Alla, li għall-poplu tiegħu jrid il-ħajja u mhux il-mewt, il-ferħ u mhux in-niket.

L-Għid ta’ Ġesù hu l-eżodu tiegħu, li bih hu fetħilna t-triq biex naslu għall-ħajja sħiħa, eterna u hienja. Biex jiftħilna din it-triq, din il-mogħdija, Ġesù kellu jitneżża’ mill-glorja tiegħu, jiċċekken, isir ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Biex jiftħilna t-triq għall-ħajja ta’ dejjem swielu demmu kollu, u grazzi għalih aħna ġejna mifdija mill-jasar tad-dnub. Imma dan ma jfissirx li hu diġà għamel kollox u aħna m’hemm bżonn nagħmlu xejn, li hu għadda mis-salib u aħna “se mmorru l-ġenna bil-ferrovija”. Le, mhux hekk. Is-salvazzjoni tagħna bla dubju hi don tiegħu, imma, ladarba hi storja ta’ mħabba, titlob l-“iva” tagħna u s-sehem tagħna fi mħabbtu, kif turina Ommna Marija u warajha l-qaddisin kollha.

Ir-Randan jgħix b’din id-dinamika: Kristu jimxi qabilna bl-eżodu tiegħu, u aħna naqsmu d-deżert grazzi għalih u warajh. Hu ttentat għalina, u rebaħ lit-Tentatur għalina, imma aħna wkoll irridu bħalu naffrontaw it-tentazzjonijiet u negħlbuhom. Hu jagħtina l-ilma ħaj tal-Ispirtu tiegħu, imma aħna rridu nersqu lejn l-għajn tiegħu u nixorbu, fis-Sagramenti, fit-talb, fl-adorazzjoni; hu d-dawl li jirbaħ id-dlamijiet, u aħna rridu nixegħlu l-fjamma ċkejkna li ġiet fdata lilna fil-jum tal-Magħmudija tagħna.

F’dan is-sens ir-Randan hu “sinjal sagramentali tal-konverżjoni tagħna” (Missal Ruman, Kolletta tal-Ewwel Ħadd tar-Randan); min jimxi t-triq tar-Randan dejjem jinsab fit-triq tal-konverżjoni. Ir-Randan hu sinjal sagramentali tal-mixja tagħna mill-jasar għall-ħelsien, li dejjem trid tiġi mġedda. Mixja li ċertament hi impenjattiva, kif għandha tkun, għax l-imħabba titlob impenn, imma hi mixja mimlija tama. Anzi, ngħid iżjed minn hekk: l-eżodu tar-Randan hu l-mixja li fiha l-istess tama tiġi msawra. It-taħbit tal-qsim tad-deżert – il-provi kollha, it-tentazzjonijiet, l-illużjonijiet, it-taqriq kollu… –, dan kollu jiswa biex isawwar tama qawwija, soda, fuq ix-xempju ta’ dik tal-Verġni Marija, li qalb id-dlamijiet tal-passjoni u tal-mewt ta’ Binha ssoktat temmen u tittama fil-qawmien tiegħu, fir-rebħa tal-imħabba ta’ Alla.

B’qalbna miftuħa għal dan ix-xefaq, nidħlu llum fir-Randan. Inħossuna parti mill-poplu qaddis ta’ Alla, u nibdew bil-ferħ din il-mixja ta’ tama.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.