Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Bidu tar-Randan Imqaddes

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Bidu tar-Randan Imqaddes


L-Erbgħa 1 ta’ Marzu 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fil-Bidu tar-Randan Imqaddes, Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

 

 

INSEWWU T-TIĊRIT TA’ BEJNIETNA

Bħalma kull tant żmien il-magna jkollha bżonn ta’ setting biex taħdem aħjar, hekk ir-Randan huwa għalina żmien partikulari fejn l-Ispirtu ta’ Alla jgħinna nagħmlu setting spiritwali fil-ħajja umana u Nisranija tagħna. Ir-Randan joffrilna l-okkażjoni biex niffukaw fuq dak li qed jipproponilna Alla.

Kif huwa dmir tiegħi bħala ragħaj spiritwali tagħkom, fil-bidu ta’ dan ir-Randan nixtieq nagħmlilkom żewġ proposti biex taħdmu fuqhom – huma żewġ aspetti li nħoss li huwa urġenti li neżaminaw lilna nfusna dwarhom biex nissettjaw ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Kif fakkart fl-Ittra li wassaltilkom illum, “fit-talba mqanqla li għamel lil Missieru dakinhar tal-Ikla tal-aħħar, Ġesù talab qatigħ biex ikun hemm l-għaqda bejn dawk li jemmnu fih: ‘Nitlob għal dawk li għad jemmnu fija… nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni’ (Ġw 17:20-21). Sfortunatament għadna ’l bogħod milli naraw din ix-xewqa tal-Imgħallem mitmuma. Ma humiex ftit dawk li qalbhom imtaqqla minħabba l-firdiet li jeżistu bejnietna. Kull nuqqas ta’ qbil huwa ikrah, imma l-agħar meta dan jinbet fil-familja u jkun kawża ta’ ġlied u diviżjoni li xi kultant jibqgħu anki sal-mewt! Kif jgħid il-qawl, “iż-żmien itul u l-qarn idur”. Aktar ma nħallu jgħaddi ż-żmien jgħaddi, aktar ikun diffiċli li wieħed iħit fejn hu miftuq. Ma nafx kif wieħed jasal biex jagħmel kompromess tal-Vanġelu li huwa daqshekk qawwi dwar il-kmandament tal-imħabba! Verament joħloq tħassib serju l-fatt li minkejja r-reżistenza tagħna biex nagħmlu paċi u nitkellmu, xorta nibqgħu nersqu madwar il-mejda tal-Ewkaristija. Għandu jġagħalna nirriflettu l-kliem ta’ Ġesù meta jgħid li “jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek” (Mt 5:23-24).

It-tieni proposta li nħoss li għandi nagħmel hija marbuta ma’ taqbila. Fostna hawn ħafna rabja, qilla, mibegħda u vendetta. Biżżejjed insemmi li ftit ilu ltqajt ma’ omm li qaltli li fiċ-ċirkustanzi tal-lum tħoss li għandha tgħallem lil bintha ta’ tmien snin biex meta jagħmlulha xi azzjoni, hi tirritalja u tkun aggressiva! Fakkritna fil-liġi tat-tpattija: għajn għal għajn u sinna għal sinna!

Sakemm il-bniedem huwa bniedem, jibqa’ dgħajjef u għalhekk jiżbalja. Imma minkejja li jonqos, ħafna drabi jkun jixtieq jibda paġna ġdida – jixxennaq li jkun riabilitat. Huwa ħafif li wieħed jagħti l-kundanna, imma din ma tfejjaq xejn, anzi xi drabi tkompi tigref il-ferita. Il-proċess tar-riabilitazzjoni huwa wieħed twil, imma joffri fejqan. Il-mediċina li tfejjaq il-marda tat-tort għandha isem: “maħfra”. Il-maħfra mhix biss virtù evanġelika imma umana wkoll. Il-qligħ kbir li hemm meta wieħed jaħfer jew jirċievi l-maħfra jikkonfermawh ħassieba kbar f’diversi oqsma – filosofija, psikoloġija, politika… Il-maħfra vera hija meta naħfru dak li ma jistax jinħafer u meta naħfru mingħajr ma nistennew xejn lura. Mhux qed ngħid li l-maħfra hija ħafifa, imma hi possibbli.

Niftakru li l-Kurċifiss, li fil-ġimgħat li ġejjin inqegħduh fiċ-ċentru tal-laqgħat liturġiċi tagħna, huwa għelm tal-imħabba ta’ Alla li jaħfrilna. Kif jikteb il-Papa Franġisku, biex naħfru lil min hu ħati għalina “dan jitlob l-esperjenza li niġu maħfura minn Alla, iġġustifikati b’xejn mingħajr ebda mertu tagħna. Ġejna milħuqa mill-imħabba qabel biss għamilna xi ħaġa, u din toffrilna opportunità ġdida, timbuttana u tistimulana. Jekk naċċettaw li l-imħabba ta’ Alla hi bla kundizzjonijiet, li l-għożża li għandu l-Missier għalina la tinxtara u lanqas tħallas għalina, allura nkunu nistgħu nħobbu lil hemm minn kull ħaġa oħra, naħfru lill-oħrajn imqar meta kienu inġusti magħna” (Il-ferħ tal-imħabba, 108).

Għalhekk nirrakkomanda li matul dan ir-Randan, nitolbu lill-Mulej jgħinna nsewwu l-firdiet ta’ bejnietna billi naħfru lil xulxin. Hekk inkunu sewwejna ftit mit-tiċrit li hemm bejnietna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: