Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech lis-saċerdoti fi tmiem ta’ rtir tar-Randan

Omelija tal-Isqof Mario Grech lis-saċerdoti fi tmiem ta’ rtir tar-Randan


L-Erbgħa 8 ta’ Marzu 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, lis-saċerdoti fi tmiem ta’ rtir tar-Randan, Dar tal-Irtiri Manresa, il-Belt Victoria.

NINWE TIKKONVERTI LIL ĠONA

Il-liturġija tal-lum tqiegħed għall-attenzjoni tagħna l-figura ta’ Ġona. Kif il-ktieb ta’ Ġona kien ta’ ispirazzjoni biex intisġu r-rakkonti ta’ Pinocchio u Moby Dick, nemmen li l-istess parabbola għandha tispirana biex illum l-Insara, partikularment aħna s-saċerdoti u dawk li qed jitħejjew għas-saċerdozju, ikomplu jiktbu r-rakkont ta’ ħajjithom.

Wieħed għandu joqgħod attent milli jimrad b’dak li jissejjaħ is-sindromu ta’ Ġona. Ġona kien it-tip li ried jipprogramma lil Alla kif kien jiftillu hu. Mhux il-bniedem jirraġuna bħal Alla, imma Alla għandu jirraġuna bħall-bniedem! Fil-fatt, meta Alla bagħtu Ninwe, hu għażel li jmur f’direzzjoni opposta billi salpa lejn Tarsis. Kemm hu faċli li aħna naqgħu fl-istess żball ta’ Ġona, u minflok ma nfittxu nagħmlu r-rieda ta’ Alla, nesegwixxu l-proġetti tagħna.

Ġona ħa dan l-atteġġjament quddiem Alla għaliex kien wisq konvint li kien qed jara ċar – kien ċertissmu minnu nnifsu. Ġona kien konvint li r-Rivelazzjoni kienet kompluta u għalhekk ma kienx hemmx lok li Alla jibqa’ jikxef ħsibijietu. Dan hi l-attitudni ta’ min jagħmel ideoloġija mid-duttrina jew ta’ min iqis id-duttrina bħala kaxxa ta’ verità magħluqa u mingħajr ebda perspettiva li tippermettilu li jinfetaħ għat-tnebbiħ tal-Ispirtu.

Ġona nfixel meta Alla bagħtu f’Ninwe, li kienet “belt kbira”. Dan seta’ ġara għaliex hu kien jippreferi l-ambjent protett tar-“raħal” fejn seta’ jorbot mal-kampnar tar-rettorija, mill-ftuħ u l-isfidi li toffri l-metropoli. Għal Ġona kien jagħmel aktar sens li joqgħod jomxot il-ftit nagħaġ li kellu fil-maqjel milli jmur ifittex u jakkumpanja d-disgħa u disgħin nagħġa l-oħra li kienu mitlufa fil-belt. Ġona għażel li jibqa’ fir-rutina tax-xogħol tiegħu minflok ma jixref fil-metropoli fejn kien hemm il-ġdid. Fuq kollox Ġona ta dahru lil Ninwe għax kienet belt “pagana” b’ħafna sfidi, għax ħalla lilu nnifsu jiddakkar mill-‘aċċidja’ li qatlitlu l-ħeġġa pastorali. Kif jista’ operatur pastorali jippermetti li jinxiflu ż-żelu għall-konverżjoni tal-foqra meta jiftakar li qed jittratta ma’ poplu li dwaru Alla jgħid: “Minn fost il-popli kollha li jinsabu fuq wiċċ l-art lilek għażel il-Mulej Alla tiegħek biex tkun il-poplu miksub tiegħu, għax ħabbkom” (Dewt 7:6)?

Il-ktieb ta’ Ġona huwa għanja lill-miżerikordja ta’ Alla. Alla jsejjaħ lil Ġona biex jaħtru bħala ministru tal-ħniena għal dan il-ġens bla Alla li kien jgħammar f’Ninwe. Imma Ġona jitfixkel quddiem din il-ġenerożità tal-Ħniena divina. Huwa ma jistax jifhem kif Alla jaħli din il-ħniena tiegħu fuq persuni li ma jimmeritawx. Ġona deherlu li ma kellux x’jaqsam ma’ min kien imċappas bid-dnub, anzi għalih min kien għatxan għall-ħniena ta’ Alla seta’ jikkrepa. Xejn ma nistagħġeb b’dan l-approwċ ta’ Ġona, għax anki llum hawn min qed jiskandalizza ruħu quddiem il-Ħniena infinita ta’ Alla!

Ġona tant tħawwad meta ntebaħ li Alla għandu jdejh miftuħa biex iħabbeb miegħu lill-midneb, illi jinkorla ma’ Alla u jitolbu biex itemm ħajtu: “Kien għalhekk li jien għall-ewwel ħrabt lejn Tarsis, għax kont naf li int Alla ħanin u tagħder, tqil biex tinkorla, kollok tjieba u jisgħobb bik għad-deni. U issa, Mulej, ħudli ħajti, nitolbok” (4:2-3). Meta Ġona reġa’ abbanduna l-proġett ta’ Alla u ħareġ mill-belt, mar jistrieħ taħt għarix. Biex il-Mulej jurih kemm għandu għal qalbu lill-bniedem, hu kabbarlu siġra tar-rieġnu u Ġona ħa gost bid-dell tagħha. L-għada mas-sebħ Alla bagħat riħ qawwi li nixxef din is-siġra, u Ġona lmenta qatigħ miegħu għax qeridhielu. Alla wieġbu: “Inti ġietek ħasra mis-siġra, li la tħabatt għaliha u lanqas kabbartha… Mela jien ma kellix tiġini ħasra minn Ninwe, fejn hemm aktar minn mija u għoxrin elf ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom?” (4:10-11).

Imma minbarra s-sindromu ta’ Ġona, fil-Vanġelu Ġesù jitkellem fuq is-sinjal ta’ Ġona. Il-fatt li wara tlett ijiem u tlett iljieli fiż-żaqq tal-ħuta, Ġona ħareġ ħaj, ifakkarna fil-misteru tal-Għid fejn wara tlett ijiem u tlett iljieli fil-qabar Ġesù ħareġ rebbieħ fuq il-mewt. (Bħalissa qed naqra xi kitbiet inediti tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard u qed nintebaħ kemm kien jagħmel referenzi għall-Misteru Paskwali!). Imma Ġona huwa sinjal għalina biex nemmnu li aħna wkoll nieħdu sehem mir-rebħa definittiva ta’ Kristu fuq il-ħażen. Kif kien il-Missier li qajjem lil Ġesù mill-mewt, f’żaqq il-ħuta Ġona jagħmel esperjenza ta’ Alla li huwa qrib tiegħu, jisma’ t-talb tiegħu u bil-qawwa tal-grazzja tiegħu jeħilsu mill-mewt u jerġa’ jara l-ħajja. F’dak il-mument ta’ qtigħ il-qalb u ta’ dgħufija, Ġona jagħmel esperjenza tal-qawwa ħelliesa ta’ Alla. Hawnhekk Ġona jiskopri lil dak Alla li ma kienx jaf: li minkejja d-dnub tiegħu, Alla baqa’ jħobbu u tah il-possibbiltà li jibda paġna ġdida f’ħajtu. Hawnhekk isseħħ il-konverżjoni ta’ Ġona! Fil-fatt, nistgħu ngħidu li l-parabbola ta’ Ġona ma tirrakkontax biss il-ġrajja tal-konverżjoni ta’ Ninwe, imma wkoll kif Ninwe tikkonverti lil Ġona.

Insib interessanti li minkejja li Ġona kellu dan is-sindromu – kellu din id-diżordni – qatt ma kien irriġettat minn Alla; għall-kuntrarju, b’ħafna sabar, Alla jistennieh jissaffa u fil-mument opportun jerġa’ jafdah b’missjoni. Għalhekk, ħadd ma għandu għax jaqta’ qalbu quddiem il-fallimenti tal-ħajja. Jekk fil-ħajja “naħarbu minn quddiem il-Mulej” (1:10), jekk kawża tagħna nfusna jqumu tempesti qliel, ukoll jekk insibu rwieħna mitfugħin f’baħar fond u mmissu l-qiegħ, għandna nibqgħu mqabbdin mal-libsa l-bajda ta’ Kristu Rxoxt – għax bih magħna aħna wkoll jista’ jkollna bidu ġdid biex imbagħad nagħtu bidu ġdid lill-oħrajn.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: