Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir


Il-Ħadd 12 ta’ Marzu 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir. Knisja parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem.

 

 

NGĦANNU L-GĦANJA TA’ BILLEJL

Ilkoll nafu li l-bniedem min-natura tiegħu huwa dgħajjef. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jidher li qegħdin insiru bla saħħa. Id-dgħufija kultant turi snienha u taqtgħalna qalbna tant li llum nippruvaw nevitaw dak li huwa iebes jew tqil. Is-sagrifiċċju sar inaffarna. Quddiem ftit kuntrarju, inżarmaw. Il-gwaj jikber meta s-soċjetà flok ma tara kif toffri rimedju ta’ sostenn, tasal biex tiskarta jew tobżoq lil min hu mgħakkes għax dgħajjef.

Wieħed mill-għanijiet għax Kristu ppermetta l-epifanija tal-ġmiel tiegħu fuq it-Tabor kien proprju biex iwieżen lid-dixxipli fid-dgħufija tagħhom. Fil-fatt, sitt ijiem qabel ma seħħet din il-ġrajja, Ġesù ħabbrilhom li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u fit-tielet jum iqum (Mt 16:21). Meta sema’ dan il-kliem, proprju għax twerwer quddiem l-iebes, Pietru rribella u pprova jżommu milli jibqa’ sejjer Ġerusalemm. Hawn Ġesù kellu konferma ta’ kemm kienu dgħajfa d-dixxipli. Quddiem dan il-faqar u l-limitazzjonijiet tad-dixxipli, Ġesù ma jitlaqhomx u lanqas ma jikkundannahom; minflok, jaħseb biex jeħodhom miegħu fuq l-għolja biex hemm jurihom il-glorja tiegħu u hekk jagħmlilhom il-qalb. Kos, dan Alla tagħna kemm jirraġuna b’mod differenti minna, għax kieku xi ħadd jagħmlilna xi ħaġa bħal din, faċli li nitfgħuh mal-ġenb b’xi daqqa ta’ sieq! Imma Alla, għani fil-ħniena, imil quddiem il-bniedem dgħajjef u jgħinu jżomm fuq riġlejh.

Fit-tagħlim tiegħu, il-Papa San Girgor jisħaq li dak li Alla għamel mad-dixxipi jagħmlu wkoll magħna llum! Dan il-Papa jittratta l-fenomenu tad-dgħufija fil-Kummentarju li għandu dwar il-ktieb ta’ Ġob, magħruf bħala Expositio in Job jew Moralia in Job. San Girgor beda jħarbex dan il-kummentarju meta kien għadu Nunzju tal-Papa f’Kostantinopli u kompla jaħdem fuqu wara li poġġa fuq is-Siġġu ta’ Pietru. F’dawn il-kitbiet San Girgor jitkellem fuq id-dgħufija ta’ Ġob kif ukoll fuq dik tal-bniedem; fl-istess waqt jgħinna ngħixu din id-dimensjoni tal-ħajja fid-dawl tal-misteru ta’ Alla.

Meta jafferma li kull ħlejqa hija dgħajfa (angusta est omnia creatura creatori), San Girgor kien qed jitkellem fuq esperjenza tad-dgħufija personali. Fil-fatt, barra li kien bniedem marradi, bħala Papa kellu jaffronta sfidi enormi. Hu kien konxju li l-bniedem huwa kreatura li jġorr fuq spallejh il-piż tal-limitazzjonijiet. Hu josserva li l-bniedem huwa fiżikament dgħajjef (pondera corpis) tant li s-saħħa tal-ġisem hija mhedda mill-mard. Fi kliemu, il-bniedem hu marid anki meta hu b’saħħtu, għaliex il-miżuri li jieħu biex jgħix huma “mediċina” biex ma jimradx. L-istess mediċina maż-żmien issir velenu, għax flok ġid tagħmel id-deni. Aħna nafu kemm il-mard għandu qawwa li jniżżilna għarkupptejna: tkun qisek iljun tarmi s-saħħa, imbagħad tigdmek nemusa u tneħħilek l-arja kollha!

Imma minbarra din id-dgħufija fiżika, San Girgor, li kien mhux biss teologu imma wkoll psikologu li jaf lill-bniedem sew, jgħid li hemm id-dgħufija tal-qalb. Fi kliemu, fil-qalb tal-bniedem aktar hemm dellijiet milli dwal (taqtax qalbek jekk xi darba tara li f’qalbek id-dlamijiet ikunu aktar mid-dawl!). Huwa jgħid li minħabba din id-dgħufija l-bniedem huwa instabbli ħafna u għalhekk kontinwament jitbandal, daqqa jkun kollu ħlewwa u daqqa rrabjat, daqqa sinċier u daqqa falz, daqqa umli u daqqa supperv, daqqa mimli tama u daqqa kollu biża’, u l-bqija. Ħadd ma jista’ jgħid li huwa mija fil-mija sinċier, għax ikun hemm mumenti fejn taħbi s-sewwa; mhux lakemm wieħed jgħid li hu kalm, għax taf taqbiżlu ċ-ċinga u jimtela bin-nervi! Biex jgħinna nifhmu dan iċ-ċaqliq fil-ħajja tal-ispirtu, San Girgor jinqeda b’ċerti tixbihat.

Huwa jxebbah lill-bniedem ma’ xini bil-baħar. Il-mewġ qawwi jqiegħed fil-periklu lix-xini għax jibda jgħollih u jsabbtu mal-baħar irrabjat. Jista’ jingħata l-każ li l-istess xini jkun antik, imkagħbar u maħdum tant li ma jkunx jiflaħ għall-imbatt tal-mewġ u tar-riħ. Fattur ieħor li jista’ jqiegħed lix-xini f’periklu li jegħreq huwa l-mod kif wieħed jiftaħ u jħaddem il-qlugħ – dawn daqskemm jistgħu jmexxuh ’il quddiem, daqshekk ieħor jistgħu jitfgħuh f’direzzjoni żbaljata.

Insib interessanti li din il-metafora San Girgor japplikaha wkoll għall-Knisja li f’dawk iż-żminijiet kienet għaddejja minn baħar imqalleb. F’ittra sabiħa li huwa jikteb lil Leandro, Isqof ta’ Seviglia, il-Papa Girgor filwaqt li jgħid li aktar kellu aptit jibki milli jikteb, iqabbel il-Knisja ma’ xini. Hu jgħid li l-mewġ kien qed iħabbat fuq din il-qoxra daqqa mill-pruwa u daqqa mill-poppa, daqqa jinqaleb ’l hawn u daqqa ’l hinn. Girgor jistħajjel lilu nnifsu fuq it-tmun u jħossu mifxul kif ser jagħmel biex idaħħal dan ix-xini fil-port. B’dan ix-xebh, il-Papa jrid jurina li mhux biss il-bniedem huwa dgħajjef, imma anki l-Knisja.

San Girgor ixebbahna mal-ħamla li jġorr il-wied jew ix-xmara. Fil-qiegħ ikun hemm il-ħamla kollha ġebel ta’ daqs differenti u imbarazz ieħor. Dan il-ġebel ma jimxix waħdu, imma skont fejn titfgħu l-qawwa vjolenti tal-ilma – daqshekk huwa bla saħħa l-ġebel! Hekk hija wkoll il-ħajja tal-bniedem: tant hi dgħajfa li tinġarr mill-kurrent.

Tixbiha oħra li San Girgor isemmi fil-Kummentarju tiegħu dwar Ġob hija dik tal-“għamad” li jinżel fuq għajnejna. Meta l-bniedem jidra jagħmel għażliet żbaljati (dnub), bħal donnu jinżel velu fuq għajnejna u nsibu rwieħna f’qagħda fejn ma nkunux aktar kapaċi nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Daqshekk aħna dgħajfin. Huwa għalhekk li fl-Ittra Pastorali ta’ dan ir-Randan, aħna l-Isqfijiet tagħkom ngħidu li “l-ħajja Nisranija hija sensiela kontinwa ta’ għażliet, u t-talba tagħna hija li aħna nagħżlu t-tajjeb”. Imma biex nagħmlu għażliet tajba hemm “proċess ta’ għarfien, ta’ verità, ta’ umiltà, proċess li nistgħu nsejħulu ta’ dixxerniment”. Biex nagħmlu għażliet skont il-Qalb ta’ Ġesù, għandna bżonn nissieltu kuljum – mhux għaliex aħna nies ħżiena, imma għaliex aħna dgħajfin.

San Girgor jgħid li anki l-bniedem ġust jgħaddi minn din l-esperjenza ta’ dgħufija. F’waqtiet bħal dawn, anki l-bniedem pagan jaf jerfa’ għajnejh lejn is-Sema u jistaqsi fejn hu Alla: “Ubi est Deus?”. Min ma jemminx għandu l-ħila li jagħmel dan l-argument: min ħalaq dak li ma kienx jeżisti, ma jistax jabbanduna lil dak li ħalaq mingħajr gwida; dak li fit-tjubija tiegħu ħalaq il-bniedem, qatt ma hu ser jippermetti li l-bniedem ikun itturmentat inġustament. Dan l-argument ipoġġina fil-qafas tat-teoloġija naturali: fis-sens li ma għandniex bżonn tal-fidi fi Kristu biex nirraġunaw b’dan il-mod.

Imma l-aqwa argumenti li San Girgor jagħmel biex il-bniedem ma jaqtax qalbu quddiem id-dgħufija huwa jislithom mill-Iskrittura Mqaddsa. Imma biex nagħmlu dan il-passaġġ, neħtieġu d-don tal-fidi. Forsi dan huwa li jonqosna llum quddiem dan il-fenomenu tad-dgħufija li minħabba fiha naqtgħu qalbna mill-iebes. Nitolbu lill-Mulej isaħħaħ fina d-don tal-fidi.

Meta nirrikonoxxu li aħna dgħajfin, aħna diġà nkunu niddisponu qlubna għall-għajnuna ta’ Alla. Fil-fatt, San Girgor jikteb illi d-dgħufija tal-ġisem wara d-dnub saret motiv biex l-Imħallef Divin juri ħniena magħna. Dan hu dak li l-Papa Girgor isejjaħ l-argumentum pietatis. Hija biss il-maħfra li ġejja minn Alla li tista’ tgħin lill-bniedem jerġa’ jikseb id-dinjità umana tiegħu, u hekk l-istess esperjenza tad-dgħufija tiegħu tinbidel f’talba umli. Huwa meta aħna nintebħu li l-Għerf ta’ Alla qed jakkumpanjana, li jfaqqas fina dak is-sentiment ta’ rispett lejn il-Ħallieq tagħna. Meta nikkonvinċu ruħna li l-Għerf ta’ Alla ma jabbandunax lill-bniedem anki meta l-bniedem jitlaq lil Alla, hawn il-bniedem tassew iħobb lil Alla. “Meta nkunu fid-dlam ikun tassew ta’ faraġ għalina meta niftakru li l-qawwa ġusta u inkomprensibbli tal-Ħallieq, għalkemm ma tħallihiex lixxa lil min jippersisti fil-ħażin, tant hija kbira u inkomprensibbli li tiżboq il-ġustizzja tal-bnedmin retti”. Dan il-kliem jinżlilna għasel anki fil-kuntest tat-tagħlim li qiegħed joffrilna l-Papa Franġisku u jxejjen lil min jaħseb li l-ġustizzja ta’ Alla tixbah lil dik tagħna l-bnedmin.

San Girgor jgħid li dawn il-veritajiet kollha nsibuhom inkarnati fil-persuna ta’ Ġesù Redentur. Fi kliem dan id-Duttur tal-Knisja, Ġesù twieled darbtejn: bħala Alla “twieled” qabel kull żmien – sa mill-bidu; imbagħad twieled bħala bniedem fiż-żmien. Fil-Kummentarju dwar Ġob, Girgor juża ftit frażijiet sbieħ dwar Ġesù.

Huwa jsejjaħlu kewkba tiddi ta’ filgħodu – stella splendida matutina. Kristu huwa l-kewkba li tixgħel fid-dlamijiet tal-ħajja tagħna. Rebbieħ fuq il-mewt u bid-dija tad-dawl li kien imlibbes bih huwa xejjen is-swidija kerha tal-kundizzjoni dgħajfa tagħna.

Fejn is-soltu aħna nattribwixxu l-ħolqien lill-Missier, San Girgor isejjaħ lil Kristu mhux biss bħala l-Feddej imma wkoll bħala l-Ħallieq – għaliex bil-fidwa tiegħu aħna sirna ħolqien ġdid.

Kristu huwa l-miżien ta’ Alla fejn il-keffa tal-miżerikordja tegħleb il-keffa l-oħra. “Bil-mewt tiegħu huwa wera kemm kienet gravi l-isventura tagħna, u bil-maħfra tiegħu huwa wera li ħdejn il-ħniena tiegħu d-dnub huwa piż ħafif”. Fi kliem San Girgor, Kristu huwa l-inkarnazzjoni tal-miżerikordja.

Huwa minnu li ħafna drabi minħabba d-dnub tagħna, minħabba l-ħajja sventurata tagħna, minħabba d-dgħjufija tagħna, insibu ruħna waħidna għax kulħadd jitlaqna. Kulħadd jiskartana u jobżoqna. Iċċappas b’xi ħaġa ħażina u ara kif ħafna mill-ħbieb tiegħek jisparixxu u ssib ruħek fis-solitudni. Imma San Girgor jagħmlilna l-qalb billi jgħidilna li qatt ma ser inkunu waħidna – għax Kristu Feddej jibgħatilna l-Ispirtu tal-faraġ. Għandna l-wegħda li l-Ispirtu tar-Redentur mhux ser jitlaqna imma jgħinna biex mill-frak nerġgħu nagħmlu ħaġa sħiħa.

Proprju għalhekk San Girgor jappellalna biex “ma naqtgħux qalbna mid-dgħufija umana tagħna”, anzi jistedinna biex ngħannu l-għanja ta’ billejl – carmen in nocte. Meta aħna nkunu għaddejja mil-lejl mudlam tas-sensi u d-dgħufija tagħmel tagħha, San Girgor iħeġġiġna biex nibqgħu nittamaw u ngħannu anki billejl. Fi kliem il-qaddis, “il-ferħ waqt il-prova nistgħu nħossuh biss meta jingħatalna d-don tas-sabar fit-tbatija”, għax ukoll “meta nkunu mgħaffġin taħt il-madmad tad-dinja, it-tama fl-eternità timliena bil-ferħ”. Għalhekk nagħmlu l-qalb. Jekk illum l-esperjenza tad-dgħufija hija tant qawwija li lanqas tħallina nemmnu fina nfusna, il-fidi tagħna fi Kristu tgħinna nkunu qawwija fid-dgħufija tagħna. Nitolbu lil San Girgor il-Kbir, l-għannej ta’ billejl, jieqaf magħna biex kemm fil-bnazzi u kemm fil-maltemp aħna nsibu l-qawwa biex ngħannu għanja ta’ tifħir lil Alla.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: