Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech – Rit tal-Ammissjoni tas-Seminarista Joseph Hili

Omelija tal-Isqof Mario Grech – Rit tal-Ammissjoni tas-Seminarista Joseph Hili


Il-Ħadd 19 ta’ Marzu 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fir-Rit tal-Ammissjoni tas-Seminarista Joseph Hili, Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, ix-Xagħra

 

 

ĠESÙ MA JIXTIEQ LIL ĦADD JIBQA’ BARRA

Mhux darba u tnejn niltaqa’ ma’ min b’qalb tqila jgħidli li jħossu eskluż mis-soċjetà, mill-Knisja, jekk mhux ukoll minn Alla. Kull wieħed u waħda minna jkollu minn din l-għamla ta’ sħab griż fil-ħajja tiegħu u nibdew naqtgħu qalbna għax inħossu li ħaddieħor qata’ qalbu minna – li saħansitra Alla jkun qata’ jiesu. Imma meta nisma’ l-Vanġelu tas-Samaritana (Ġw 4:5-42), jien nara l-ħidma ta’ Kristu biex jammetti mill-ġdid – idaħħal mill-ġdid – lil min ikun inqata’ jew qtajnieh mill-ġemgħa Nisranija.

Is-Samaritana toħroġ timla l-ilma mill-bir f’nofsinhar waqt xemx taqli l-ankri. Is-soltu f’ħinijiet bħal dawn in-nies ma jixirfux fit-toroq, biex jevitaw ix-xemx; imma din il-mara tagħżel li toħroġ f’dak il-ħin skabruż proprju biex tevita li tiltaqa’ man-nies. Altru li kellha raġun biex tbigħ taħrab in-nies. Minħabba l-istorja tagħha, kienet tistħi tħabbat wiċċha man-nies! Xi storja kellha din il-mara?

Meta Ġesù jibgħatha ssejjaħ lil żewġha u hi twieġbu li ma kellhiex żewġha, Ġesù jagħmlilha osservazzjoni: “Sewwa għidt: ‘ma għandix żewġi’. Inti żżewwiġt ħames darbiet u r-raġel li għandek miegħek bħalissa mhuwiex żewġek”. Dan ifisser li din il-mara kellha storja miżera ta’ mħabba – storja ta’ mħabba falluta. Niftakru li għal-Lhud, ir-raġel biss kellu d-dritt li jagħti d-divorzju lil martu. Għalhekk hawnhekk għandna mara li ltaqgħet ma’ ħamest irġiel li użawha, skapriċċjawha, beżquha. Bir-raġun mara b’ħajja affettiva daqshekk strumblata kienet tfittex li tinħeba min-nies.

Ħafna drabi hekk ukoll jagħmel illum il-bniedem li jsib ruħu fl-istess żarbun tas-Samaritana. Għax min jiflaħ joqgħod għaz-zekzik tan-nies? Min jiflaħ għat-taqtiq ta’ lsien in-nies? Min hu daqshekk b’saħħtu li ma jħossux mgħaffeġ taħt il-piż tal-ġudizzji temerarji jew tal-kalunnji? Illum ukoll hemm persuni li jinqatgħu mill-ħajja soċjali kif ukoll mill-ħajja tal-Knisja għax jafu li hawn min jedha jerfgħalhom salibhom!

Imma din il-mara kellha toqol itqal xi ġġorr. Kienet ġejja mir-reġjun tas-Samarija. Kienet tagħmel parti minn razza differenti minn dik tal-Lhud. Fil-fatt, il-Lhud ma kinux jaħmlu lis-Samaritani. Santu Wistin jgħid li l-Lhud tant kellhom stmerrija lejn dawn in-nies li lanqas kien jippermettu li jixorbu minn “barmil” użat mis-Samaritani. Mhux diffiċli għalina nifhmu d-disprezz li l-Lhud kellhom lejn dawn “il-barranin”, għax illum ukoll għandna fostna min ma jaħmilx jara barrani fostna. Hawn min irid ibewweġ lil dawk li huma ta’ kulur differenti minna – hawn min qed jagħmel kampanja biex bħala nazzjon niċħdu li nagħtuhom l-ospitalità!

Din il-mara ma kinitx irrifjutata biss minħabba motivi kulturali, imma wkoll għaliex il-Lhud tal-Lhudija kienu jiġġudikaw lis-Samaritani bħala pagani. Hu fatt li s-Samarija bniet tempju ieħor fuq l-għolja Gariżim u hekk inqatgħu mit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Skont il-Lhud, il-fatt li s-Samaritani ma baqgħux jersqu lejn Ġerusalemm kien ifisser li dawn kienu kissru r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla u għalhekk kienu f’falliment spiritwali. Dan kien jgħodd ukoll fil-konfront ta’ din il-mara, u għalhekk nistgħu nimmaġinaw x’kienet tisma’. Dwarha kien jingħad dak li llum id-devoti jgħidu għal dawk li ma jiġux knisja jew għal dawk li ma jersqux għas-sagramenti.

Hawnhekk Ġesù jidħol fix-xena. Huwa jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-aktar mument li ma nistennewhx li jkun hemm. Meta din il-mara ma riditx tiltaqa’ miegħu, hu ried jiltaqa’ magħha. Fejn il-bqija tas-soċjetà kienu jiġġudikawha u jeskluduha, Ġesù jinteressa ruħu fiha u juriha li jixtieq jammettiha mill-ġdid. Filwaqt li l-bnedmin (anki dawk reliġjużi) jippruvaw ibegħduha, Ġesù jagħmel ħiltu biex jerġa’ jintegraha. Id-dgħufija tagħha ssir opportunità biex Alla jsawwab il-grazzja fuqha. Dan l-atteġġjament li Ġesù juri mas-Samaritana, huwa l-istess atteġġjament li juri magħna llum. Bħalma qal lil din il-mara, Ġesù qed jgħidilna biex ninsew l-imgħoddi tagħna bl-iżbalji u t-tagħwiġ li jista’ jkollna, għax jekk nagħrfu d-don li Alla qed jagħtina permezz tiegħu, ma għandniex bżonn aktar tat-tempju jew tal-knisja tal-ġebel biex insibu lil Alla, għax Alla jiġi jgħammar fina. Aħna nsiru tempju ħaj ta’ Alla, u flok ma nadurawh f’Ġerusalemm jew fuq il-Muntanja Gariżim, nadurawh fl-ispirtu u l-verità.

Dan hu Alla tagħna! Daqshekk jagħmel magħna biex ikun hemm l-ammissjoni tagħna fi ħdan il-familja tiegħu. Għalhekk, taqtgħux qalbkom u ma naqtgħu qalb ħadd. Ma nagħmlu xejn li jista’ jfixkel il-komunikazzjoni tal-grazzja li Alla jagħti b’xejn lill-bniedem.

Għażiż Joseph, illum ser nagħmlu l-ammissjoni tiegħek biex fiż-żmien opportun inti tirċievi l-Ordnijiet imqaddsa tad-Djakonat u tal-Presbiterat. Filwaqt li nistiednek biex inti nnifsek tħossok milqugħ u mħaddan mill-Paternità divina, nirrakkomandalek biex, jekk inti ser tidħol għad-djakonat u għas-saċerdozju, tifhem li din hija s-sejħa u l-missjoni tiegħek: li tagħmilha mal-umanità miġruħa u mkissra, kif kienet l-umanità tas-Samaritana, u takkumpanjaha sakemm terġa’ tħossha ammessa – milqugħa – minn Alla li hu Mħabba. Tkun qatt ministru sagru li tikkundanna u twarrab lill-oħrajn, imma la fis-saċerdozju inti taġixxi in persona Christi Capitis, fuq l-eżempju tal-Imgħallem Divin inti tammetti lil ħutek mill-ġdid fi ħdan il-Knisja.

Illum, 19 ta’ Marzu, ma nistax ma npoġġikx taħt il-ħarsien ta’ dan l-għassies ta’ Ġesù u tiegħek li inti msemmi għalih. Ħa jkun San Ġużepp dak li jwieżnek ħalli fil-futur tkun saċerdot b’qalb kbira li ma tehda qatt tfittex lil dawk li jixtiequ jiġu ammessi bħala membri sħaħ fil-ġemgħa tad-dixxipli tal-Mulej.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: