Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Bil-karattru ġwejjed tiegħu Mons. Mercieca seta’ jħoll il-muntanji ta’ preġudizzji

Bil-karattru ġwejjed tiegħu Mons. Mercieca seta’ jħoll il-muntanji ta’ preġudizzji


It-Tnejn 20 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa b’suffraġju ta’ Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, fl-ewwel sena mill-mewt tiegħu, fil-Katidral tal-Imdina.

 

Stampa t-test…

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Katidral tal-Imdina.
F’dan l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-għażiż Monsinjur Ġużeppi Mercieca, qegħdin infakkru lil San Ġużepp. Il-providenza riedet li dan ir-ragħaj fidil u għaqli jkollu l-isem tar-raġel magħżul mill-Mulej biex jieħu ħsieb il-familja ta’ Nazaret.

Il-liturġija, it-talb tal-Knisja llum juża’ l-espressjoni li Ġesù jgħid fl-Evanġelju ta’ San Luqa kapitlu tnax: “qaddej fidil u għaqli” (v. 42). Hija espressjoni li smajna wkoll fil-bidu tal-quddiesa fis-Solennità fl-antifona tal-introjtu. San Ġużepp huwa tassew “il-qaddej fidil u għaqli” li l-Mulej poġġih bħala kap tal-familja tiegħu, bniedem ġust ta’ ftit kliem, ta’ kuraġġ, u ta’ għaqal eżemplari.

Għalhekk huwa ta’ kuraġġ għalina li niftakru f’Mons. Mercieca b’sens ta’ ammirazzjoni, li fuq il-momument, fuq il-qabar tiegħu, insibu miktub: “ragħaj fidil u għaqli”. Hija koinċidenza feliċi li dan ir-ragħaj, aħna nafuħ għall-fedeltà tiegħu u għall-għaqal tiegħu. Nafu kemm kien devot ta’ San Ġużepp, mhux biss għax kien imsemmi għalih, imma għaliex l-istint ta’ Mons. Mercieca kien simili ħafna għal dak ta’ San Ġużepp. Il-providenza riedet li l-post tal-mistrieħ tiegħu hu u jistenna l-Feddej, huwa taħt ix-xbieha ta’ San Ġużepp hemm fuq, u San Publiju li tiegħu kien suċċessur.

Aħna li s-sena li għaddiet, bħala wlied, afdajnih f’idejn il-ħniena tal-Mulej, ta’ kull sena nibqgħu ninġabru hawnhekk biex niftakru fih u nitolbu b’suffraġju għal ruħu. Nitgħallmu wkoll mill-eżempju li ħallielna. Il-fedeltà ta’ Mons. Mercieca kienet fedeltà mhux biss fil-bnazzi imma anke fl-eħrex maltemp, mhux biss fir-risq it-tajjeb imma wkoll fir-risq il-ħażin, mhux biss fis-saħħa imma wkoll fil-mard. Il-fedeltà tiegħu kienet fedeltà li tħaddan lil kulħadd b’imħabba kbira.

Minnu tgħallimna xi tfisser tieħu paċenzja, minnu tgħallimna xi tfisser tistenna, minnu tgħallimna xi tfisser issofri fis-skiet. Minnu tgħallimna wkoll l-għaqal ta’ min il-kelma tiegħu iqisha, li s-silenzju tiegħu ikellmek, li t-tbissima tiegħu kienet tbissima ta’ bniedem għaref, li l-ħajja jafha u li bħalma kien iħobb jgħid hu: “minn dak l-imbierek ħanut tal-inbid, kien ra l-umanità ġejja u sejra” u tgħallem ħafna.

Kien iħobb jirrakkonta b’nostalġija t-tfulija tiegħu fil-Belt Victoria, Għawdex imma kien ukoll bniedem li apprezza l-lealtà fil-ħbiberija, il-lealtà fis-servizz. Għadda minn ħafna għax dam ħafna ragħaj tagħna, u aħna obbligati lejh.

Min m’ordnaniex hu, żgur uriena x’kienet ir-rieda t’Alla għalina, fir-risq u t-tajjeb, fil-ħażin, fil-mard u fis-saħħa. Anke meta kien jgħidilna xi jrid minna, ma kellux ħafna kliem. Kien jgħidilna dejjem: “il-Madonna tgħinek” u kultant kien ikun hemm bżonn anke San Ġużepp jagħti daqqa t’id. Hu kien jaf li mhux dejjem kien jitlob minna l-iżjed affarijiet faċli, imma dik hi li l-Isqof irid ikun imbierek b’nies li jgħinuh fis-servizz, li jkun qadi u qaddej tal-poplu t’Alla.

Il-motto li għażel bħala Isqof għexu, ħadem għalih: ilkoll Aħwa fi Kristu. Dan huwa programm li hu ħalla fil-kitba tas-Sinodu li ppromulga fl-aħħar snin tal-episkopat tiegħu u li aħna għadna nħarsu lejh bħala sinjal qawwi ta’ profezija. Hu mhux biss “ragħaj fidil u għaqli” imma profeta fidil u għaqli, qaddej fidil u għaqli.

Tgħallem minn San Ġużepp kif iħares lill-Ġisem mistiku ta’ Ġesù, lill-Knisja, anke billi jevitalha ħafna nkwiet żejjed, għax ma riedx hu nkwiet kemm hemm bżonn u iżjed milli hemm bżonn. Imma bil-karattru ġwejjed tiegħu seta’ jħoll il-muntanji ta’ preġudizzji u jalla dan il-patrimonju ta’ rieda tajba li bena hu bil-martirju tal-episkopat tiegħu, aħna ma nisfawhx fix-xejn imma ngħożżuh u nżommuh.

Irridu ngħidu grazzi lill-Mulej talli berikna b’dan ir-ragħaj u aħna, bħala wliedu spiritwali li nemmnu li “n-nisel tiegħu jibqa’ għal dejjem” (S 89, 5), nagħmlu l-obbligu tagħna u nitolbu għalih. Fix-xirka tal-qaddisin aħna ħaġa waħda: nitolbu għalih u hu jitlob għalina, inberkuh u hu jberikna. “Ħienja dawk li jgħammru fit-tempju tiegħek, Mulej, huma jfaħħruh għal dejjem” (versett qabel l-Evanġelju).

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: