Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Tama msejsa fuq il-Kelma (Rum 15:1-6)


15. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 22 ta’ Marzu 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

L-Appostlu Pawlu diġà ilu xi ġimgħat jgħinna nifhmu aħjar x’inhi t-tama Nisranija. U għidna li mhix ottimiżmu, hi ħaġa iktar minn hekk. U l-Appostlu jgħinna nifhmuh dan. Illum dan jagħmlu billi jqabbilha ma’ żewġ atteġġjamenti daqshekk ieħor importanti għal ħajjitna u għall-esperjenza tal-fidi tagħna: il-“perseveranza” u l-“faraġ” (vv. 4, 5).

Fis-silta tal-Ittra lir-Rumani li għadna kemm smajna, darbtejn insibuhom imsemmija: l-ewwel f’riferiment għall-Iskrittura u mbagħad għal Alla nnifsu. X’inhi t-tifsira iktar profonda u iktar vera tagħhom? U b’liema mod jixħtu dawl fuq ir-realtà tat-tama? Dawn iż-żewġ atteġġjamenti: il-perseveranza u l-faraġ.

Il-perseveranza nistgħu nsejħulha wkoll sabar: hi l-ħila li nissaportu, nerfgħu fuq spallejna, “nissa-portu”, nibqgħu fidili, anki meta t-toqol donnu jikber wisq, ma nibqgħux nifilħuh, u nħossuna mħajra niġġudikaw negattivament u nitilqu kollox u lil kulħadd. Il-faraġ, mill-banda l-oħra, hu l-grazzja li nagħrfu nilqgħu u nuru f’kull sitwazzjoni, anki f’dawk li huma iktar immarkati mid-delużjoni u t-tbatija, il-preżenza u l-ħidma kollha ħniena ta’ Alla. Issa San Pawl ifakkarna li l-perseveranza u l-faraġ nirċevuhom b’mod partikulari mill-Iskrittura (v. 4), jiġifieri mil-Bibbja. Fil-fatt, il-Kelma ta’ Alla, qabelxejn, twassalna biex nixħtu ħarsitna fuq Ġesù, biex insiru nafuh aħjar u nitwaħħdu miegħu, biex nixbhu dejjem iżjed lilu. It-tieni nett, il-Kelma turina li l-Mulej hu tabilħaqq “Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ” (v. 5), li jibqa’ dejjem fidil għal imħabbtu lejna, jiġifieri li hu perseveranti fil-imħabba magħna, ma jegħja qatt iħobbna! Hu perseveranti: iħobbna dejjem! U jieħu ħsieb tagħna, jiksi l-ġrieħi tagħna biż-żegħila tat-tjieba tiegħu u tal-ħniena tiegħu, jiġifieri jfarraġna. Lanqas jegħja qatt ifarraġna.

F’din il-perspettiva, nifhmu wkoll l-affermazzjoni tal-bidu tal-Appostlu: “Aħna li aħna sħaħ fil-fidi għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna” (v. 1). Din l-espressjoni “aħna li aħna sħaħ” tista’ tidher preżunzjoni, imma fil-loġika tal-Vanġelu nafu li mhux hekk, anzi, hu proprju bil-maqlub, għax il-qawwa tagħna mhix ġejja minna, imma mill-Mulej. Min iġarrab fil-ħajja tiegħu l-imħabba fidila ta’ Alla u l-faraġ tiegħu hu kapaċi, anzi, fid-dmir li jkun qrib tal-aħwa iżjed dgħajfa u jaqsam magħhom id-dgħufijiet tagħhom. Jekk aħna nkunu qrib tal-Mulej, ikollna dik is-saħħa biex inkunu qrib tal-iżjed dgħajfa, tal-iżjed fil-bżonn u nfarrġuhom u nqawwuhom. Din hi t-tifsira. Dan aħna nistgħu nagħmluh bla ma noqogħdu nieħdu pjaċir bina nfusna, imma billi sempliċement inħossuna bħal “kanal” li minnu jgħaddu d-doni tal-Mulej; u hekk fil-konkret insiru dawk li “jiżirgħu” t-tama. Dan hu li l-Mulej jitlob minna, b’dik il-qawwa u dik il-ħila li nfarrġu u niżirgħu t-tama. U llum hemm bżonn niżirgħu t-tama, imma mhix ħaġa ħafifa.

Il-frott ta’ dan l-istil ta’ ħajja mhix komunità fejn xi wħud huma ta’ “klassi A”, jiġifieri dawk b’saħħithom, u oħrajn ta’ “klassi B”, jiġifieri d-dgħajfa. Il-frott, kif jgħid San Pawl, hu li “tkunu fehma waħda bejnietkom skont Kristu Ġesù” (v. 5). Il-Kelma ta’ Alla tkabbar fina tama li tinbidel konkretement fi qsim, f’qadi lil xulxin. Għax anki min hu “b’saħħtu” xi darba jew oħra ħa jsib ruħu jġarrab id-dgħufija u fil-bżonn tal-faraġ tal-oħrajn; u viċiversa, fid-dgħufija dejjem nistgħu noffru tbissima jew id lil ħuna fid-diffikultà. U hi komunità bħal din li “b’fomm wieħed u b’qalb waħda tfaħħar lil Alla” (ara v. 6). Imma dan kollu hu possibbli biss jekk inqiegħdu fiċ-ċentru lil Kristu, il-Kelma tiegħu, għax hu l-“qawwi”, hu dak li jagħtina s-saħħa, li jagħtina s-sabar, li jagħtina t-tama, li jagħtina l-faraġ. Hu “ħuna l-qawwi” li jieħu ħsieb ta’ kull wieħed u waħda minna: ilkoll fil-fatt għandna bżonn li niġu merfugħin fuq spallejn ir-Ragħaj it-Tajjeb u li nħossuna mdawra mill-ħarsa tiegħu ħelwa u kollha attenzjoni.

Għeżież ħbieb, qatt ma nistgħu nirringrazzjaw biżżejjed lil Alla għad-don tal-Kelma tiegħu, li hi preżenti fl-Iskrittura. Hemm li l-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu jidher bħala “Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ”. U hemm li aħna nagħrfu kif it-tama tagħna mhix imsejsa fuq il-ħiliet tagħna u fuq is-saħħa tagħna, imma fuq it-tweżin ta’ Alla u fuq il-fedeltà ta’ mħabbtu, jiġifieri fuq il-qawwa u l-faraġ ta’ Alla. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s