Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Acies tal-Leġjun ta’ Marija

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Acies tal-Leġjun ta’ Marija


Il-Ħadd 26 ta’ Marzu 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fil-Quddiesa tal-Acies tal-Leġjun ta’ Marija. Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, ir-Raba’ Ħadd tar-Randan.

MULEJ, AGĦMEL LI NARAW

Ħasra li hawn ħafna li dejjem jeqirdu bi lsienhom. Bħal donnu fuq għajnejna għandna għamad li ma jħalliniex naraw it-tajjeb u s-sabiħ, u għalhekk faċli naqgħu fil-pessimiżmu u naqtgħu qalbna. Għalhekk faċli jseħħ dak li jgħid il-qawl: meta agħma jmexxi lil agħma, it-tnejn jaqgħu fil-ħofra.

Fir-rakkont tal-Vanġelu (Ġw 9:1-14), il-veru agħma ma huwiex dak li twieled agħma, imma l-komunità reliġjuża ta’ żmienu. Fil-fatt, hu kien skartat kemm mill-ġenituri u kemm mill-komunità. Il-ġenituri tiegħu sempliċement ċaħduh għax ma ridux ikollhom x’jaqsmu miegħu, filwaqt li l-komunità ġġudikatu bħala midneb u skomunikawh – “keċċewh ’il barra”.

Bl-azzjoni tiegħu Ġesù jagħti d-dawl li din il-persuna mwielda għamja, imma aktar minn hekk jipprova jiftaħ għajnejn il-komunità biex hekk tkun tista’ tara aħjar l-għeġubijiet ta’ Alla li ħafna drabi ma narawhomx bl-għajnejn tal-ġisem. Bl-intervent tiegħu, Ġesù jbexxqilna għajnejna ħalli napprezzaw li kull persuna għandha d-dinjità singulari tagħha u li ma hemm xejn li jista’ jħassar din id-dinjità umana. Kull persuna għandha tiġi rrispettata, maħbuba, megħjuna u milqugħa, ikun xi jkun l-isfond tal-istorja tagħha jew ta’ familtha.

Meta llum intom il-Leġjunarji ta’ Marija qegħdin iġġeddu l-impenn tagħkom għall-appostolat, nirrakkomandalkom biex ma taqgħux fil-għama, għax inkella hemm jikber ir-riskju li niddisprezzaw lill-bniedem u nħaffu biex niskomunikawh mill-ġemgħa. Anzi, jekk għajnejna jingħalqu, aħna kapaċi narmu dik l-okkażjoni li minkejja li ma tkunx perfetta, taf tkun opportunità biex fiha “jidher l-għemil ta’ Alla”. Il-bniedem tal-fidi jemmen li Alla jaf joħroġ il-ward mix-xewk billi jibdel qagħda negattiva, ta’ dulur u saħansitra ta’ mewt f’okkażjoni biex jimmanifesta l-imħabba tiegħu. Ġesù nnifsu qal dan meta Marija u Marta qalulu li ħuhom Lazzru kien marid: “Din mhix marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla” (Ġw 11:4).

Jekk ikollna l-attitudni tal-komunità reliġjuża ta’ żmien l-imwieled agħma (atteġġjament ta’ ġudizzju li jeskludi, jikkundanna u jbarri lil dak li jkun), jista’ jiġri li nkunu nitfgħu taħt riġlejna grazzji kbar. Għalhekk il-komunità ekkleżjali (u l-gruppi fi ħdanha) trid tkun b’għajnejha miftuħa beraħ biex tagħraf iż-żerriegħa t-tajba li xi drabi kapaċi tkun moħbija u mdennsa fit-tajn tal-ħajja. Neħtieġu din il-ħila viżwali mhux tant biex nindividwaw l-ikrah (dak li hu ikrah jimmanifesta ruħu waħdu) imma biex noħorġu fid-deher it-tajjeb li hemm fil-persuna u f’dik is-sitwazzjoni partikulari, ukoll jekk dan it-tajjeb huwa ftit. Jekk fl-għalqa jkun hemm sikrana mal-qamħ, ma ninħlewx mas-sikrana u nittraskuraw il-qamħ. Aħna niġbru l-qamħ u Hu jieħu ħsieb il-ħaxix ħażin. Ma nistgħux ma nkunux kapaċi nintebħu x’inhuma x-xewqat, il-beżgħat u t-tamiet tal-bniedem tal-lum. F’dawn il-ġrajjiet tal-bniedem jaf ikun hemm ix-xenqa għal Alla jekk mhux ukoll l-azzjoni ta’ Alla nnifsu. Imma jekk il-viżjoni tagħna tkun werċa jew imċajpra, nirriskjaw li bl-istess intervent tagħna aħna nisfrattaw dan il-proċess ta’ grazzja – nipperikulaw li biex innaqqu s-sikrana, naqilgħu l-qamħ!

Meta Samwel mar għand Ġesse biex jidlek lill-magħżul tal-Mulej, għall-ewwel infixel għax bl-għajnejn ta’ bniedem ma setax jara kandidat idonju għal din il-missjoni! Spiss jiġrilna l-istess fix-xogħol Leġjunarju meta nħarsu lejn ir-realtajiet ta’ madwarna bl-għajnejn mudlama tagħna! Bħal Samwel nirriskjaw li nitilfu l-mument ta’ grazzja għalina u għall-oħrajn għaliex inħarsu bl-għajnejn tagħna ta’ bnedmin imperfetti. Min għandu nuċċali iswed, bir-raġun li se jara d-dlam.

Din il-viżjoni ġdida neħtiġuha mhux biss biex inħarsu ’l barra minna u hekk naraw aħjar x’qed jinbet madwarna, imma rriduha wkoll bħala Knisja (u bħala Leġjun ta’ Marija) biex inħarsu fina nfusna u lejna nfusna. Għax kif nistgħu naqraw is-sinjali ta’ żminijietna jekk ser nibqgħu ma niċċekkjawx il-vista ta’ għajnejna jew ma nibdlux in-nuċċali? Iż-żminijiet jinbidlu u l-komunità ekkleżjali (u l-Leġjun ta’ Marija) ma tistax tibqa’ barra minn dan il-proċess ta’ bidla. Filwaqt li nibqgħu sodi fil-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u fil-verità tal-Vanġelu, l-atteġġjamenti u l-ħidmiet tagħna jridu jinbidlu skont iż-żmien. Għalhekk ma nistgħux nagħlqu għajnejna biex niflu lilna nfusna. M’hemmx agħar milli nserrħu fuq il-konformiżmu u nagħżlu li ma nibdlu xejn biex insalvaw it-tradizzjoni. Min għandu dan l-atteġġjament huwa agħma.

Kristu huwa dak li jmur ifittex lill-agħma mfejjaq imma rrifjutat mill-għomja. Huwa fuq dan l-eżempju ta’ Ġesù li aħna neħtieġu nfasslu l-appostolat tagħna. Aħna għandna nfittxu lil dawk li huma skomunikati jew iħossuhom skomuninkati mill-komunità ekkleżjali u ngħinuhom jiftħu għajnejhom biex jintebħu kemm Alla jħobbhom.

Inħeġġiġkom fis-sejħa u l-missjoni Leġjunarja tagħkom biex bħala Leġjun ta’ Marija taħdmu biex tiksbu din il-viżjoni mġedda u tħarsu lejn id-dinja kif kien iħares lejha Ġesù. Imma biex tistgħu tagħmlu dan, itolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinkom taraw b’mod imġedded lilkom infuskom u l-għaqda tagħkom. Il-grazzja ta’ Alla għandha qawwa li teħles lil għajnejna minn dak il-qxur li jitrabba maż-żmien u ma jħalliniex naraw ir-realtà ta’ madwarna bil-potenzjal pożittiv li fiha.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: