Il-fidi hi li nibqgħu mexjin fil-ħajja tagħna: l-għażż jipparalizza

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 28 ta’ Marzu 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Nemmnu f’Ġesù u nieħdu l-ħajja kif inhi, nimxu ‘l quddiem bil-ferħ, mingħajr tgergir, mingħajr ma nħallu d-dnub ikrah tal-għażż jipparalizzana, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=Q_jn49CYhcw&w=560&h=315%5D

 

Ir-riflessjoni tal-Papa kienet dwar il-paralitiku mfejjaq minn Ġesù, marda li kienet ilha fuqu 38 sena. Hu kien jintasab ħdejn l-għajn ta’ Betsada, f’Ġerusalemm, għajn li kellha ħames ħnejja, li fejnha kienu jpoġġu għadd kbir ta’ morda, għomja, zopop u paralitiċi.

Kien jingħad li meta jinżel anġlu u jċaqlaq l-ilma, dawk li kien jirnexxilhom jinżlu fih l-ewwel kienu joħorġu minnha mfejqin. Meta jara lil dal-paralitiku Ġesù jistaqsih: ‘Trid tfiq?’

Kelma sabiħa li Ġesù lilna jgħidhielna dejjem: ‘Trid tfiq? Trid tkun hieni? Trid ittejjeb ħajtek? Trid timtela bl-Ispirtu s-Santu?’ Trid tfiq? …. il-kelma ta’ Ġesù….. L-oħrajn kollha li kienu hemmhekk, morda, għomja, zopop, paralitiċi, kollha kienu jwieġbu: ‘Iva, Mulej, iva!’ Imma dar-raġel hu stramb, u wieġeb: ‘Mulej, m’għandi ‘l ħadd li jniżżilni fl-għajn meta jiċċaqlaq l-ilma għax meta nkun sejjer, ħaddieħor jasal qabli.’ It-tweġiba tiegħu hi tgergira. Tfisser: ‘Ara ftit, Sinjur, kemm hi kerha, kemm hi inġusta l-ħajja miegħi. L-oħrajn kollha jistgħu jmorru u jfiqu u jien ilni 38 sena nipprova imma……..’.

Dar-raġel, osserva l-Papa, kien jixbah siġra miżrugħa ħdejn xifer l-ilma li jitkellem dwarha l-ewwel Salm, imma kellha għeruqha nixfin, dawk l-għeruq ma kinux jaslu sal-ilma, ma setgħetx tieħu l-ħajja mill-ilma.

Dan nifhmuh mill-atteġġjament, mit-tgergir u anki għax dejjem inwaħħlu f’ħaddieħor: ‘Huma l-oħrajn li jaslu qabli, jien imsejken ilni hawn 38 sena…..’.

Dan hu dnub ikrah, id-dnub tal-għażż. Aktar milli mill-marda tal-paraliżi, dar-raġel kien ipparalizzat mill-għażż, li hu agħar milli jkollok qalbek bierda, agħar ħafna.

Hi ħajja li ma tridx timxi ‘l quddiem, mingħajr ħeġġa li tagħmel xi ħaġa fil-ħajja, bil-memorja tal-ferħ mitlufa. Dar-raġel ma kienx jaf lanqas x’jismu l-ferħ, kien tilfu. Dan hu dnub, din hi marda kerha: ‘Imma jien komdu hekk, issa drajt… imma l-ħajja kienet inġusta miegħi…,’ u hekk joħroġ ċar ir-riżentiment, il-morr ta’ dik il-qalb.

Ġesù ma jċanfrux imma jgħidlu: ‘Qum, aqbad friexek u imxi.’ Il-paralitiku jfiq imma billi kien il-jum tas-Sibt, l-Imgħallmin tal-Liġi jgħidulu li ma setax iġorr friexu u jistaqsuh min fejqu proprju f’dal-jum. Dan imur kontra l-liġi, allura dak ir-raġel mhux bniedem t’Alla.

Il-Papa nnota li dak ir-raġel mank qallu ‘grazzi’ lil Ġesù u lanqas staqsieh min hu. Qam b’dak l-għażż li bih tgħix għax l-ossiġnu huwa bla ħlas, li jġagħlek tgħix tħares lejn l-oħrajn li jidhru aktar ferħanin minnek, u ddendel il-geddum, tinsa l-ferħ.
L-għażż, spjega l-Papa, hu dnub li jipparalizza, jagħmilna paralitiċi. Ma jħalliniex nimxu. Illum ukoll il-Mulej iħares lejn kull wieħed u waħda minna. Ilkoll għandna d-dnubiet, imma hu u jħares lejn dan id-dnub jgħidilna: ‘Qum!’

Illum il-Mulej jgħid lil kull wieħed u waħda minna: ‘Qum, ħu l-ħajja kif tiġik, sabiħa, kerha, kif inhi, ħu pussess ta’ ħajtek u ibqa’ miexi. Tibżax, ibqa’ miexi ‘l quddiem bi friexek.’

‘Imma, Mulej, dan mhux tal-aħħar moda….’ Madankollu, ibqa’ miexi! B’dak il-friex. Forsi ikrah, imma ibqa’ miexi! Dik hi ħajtek, dak hu l-ferħ tiegħek.

‘Trid tfiq?’ Din hi l-ewwel mistoqsija li jagħmlilna l-Mulej illum. ‘Iva, Mulej’ – ‘Qum.’ Dan smajna fl-antifona tal-bidu tal-quddiesa: Intom li intom bil-għatx ejjew ixorbu b’xejn, mhux bil-ħlas – Intom taqtgħu l-għatx bil-ferħ.

U jekk aħna ngħidu, temm il-Papa Franġisku, ‘Iva, Mulej, irrid infiq, għinni għax irrid inqum,’ insiru nafu x’inhu l-ferħ tas-salvazzjoni.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading