Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Pellegrinaġġ b’Ġesù Redentur

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Pellegrinaġġ b’Ġesù Redentur


Il-Ħamis 30 ta’ Marzu 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fil-Pellegrinaġġ b’Ġesù Redentur. Rotunda Parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

 

 

ALLA JOĦLOM ĊIVILTÀ TAL-IMĦABBA

Għaliex kien meħtieġ li l-Iben ta’ Alla jsir bniedem u jgħaddi minn tant tbatija, saħansitra jiġi msallab? Alla għandu ħolma għalina l-bnedmin. Aħna neżistu frott l-imħabba tiegħu. Hu mhux biss ħalaqna, imma ried li bejnu u bejna jkun hemm relazzjoni speċjali: hu jkun Alla tagħna u aħna nkunu l-poplu tiegħu. Imma mhux minnu li Alla jista’ kollox. Għax biex il-ħolma tiegħu ssir realtà, huwa meħtieġ li int u jiena naċċettaw il-proposta tiegħu. Fil-fatt, il-bniedem jagħti dahru lil Alla.

Fid-dawl tar-rakkont meħud mill-ktieb tal-Eżodu (32:7-14), ma niżbaljawx jekk ngħidu li Alla, b’qalb maqsuma u bid-dmugħ f’għajnejh, jilmenta ma’ Mosè u jgħidlu: “Jien ħadt grazzja ma’ dan il-poplu; tant ħabbejtu li tgħarrastu. Imma dan il-poplu tħassar. Hu warrab mit-triq li jiena wrejtu. Ta wiċċ lil ħaddieħor. Qalbu tbegħdet minni. Dan hu poplu li jien qlajtu mill-jasar tal-Eġittu. Qtajtlu l-ktajjen li kienu jassruh biex issa kiseb il-ħelsien. Imma issa fid-deżert, waqt li jien sejjaħtlek biex nissiġilla din ir-rabta tiegħi ma’ dan il-poplu, hu bidilni. Ma kellhomx is-sabar jistennewk tinżel minn fuq il-muntanja u bdew jaduraw allat oħra”.

Qalbu tant intgħafset li b’ton iebes Alla jasal biex jgħid li ma jridx jaf aktar b’min hu infidil lejh. L-Iskrittura tuża kliem qawwi ħafna biex tesprimi d-diqa u d-delużjoni ta’ Alla: “Ħallini nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom” (32:9). Nistqarr li nitħawwad meta naqra kliem bħal dan, għax ma nifhimx kif Alla kapaċi jinkorla għalina. Imma hekk hu: Alla inkorla għax ħabb il-bniedem u sab li din l-imħabba mhix reċiprokata. Hu ħabb lill-poplu u dan il-poplu nesa kif iħobb jew ma riedx iħobb.

Mosè jersaq quddiem Alla f’dan l-istat ta’ delużjoni u bil-ħniena jitolbu jberred il-korla tiegħu. F’ċertu sens Mosè jipprova “jinnegozja” ma’ Alla billi jfakkru kemm matul il-medda taż-żmien hu kien investa f’dan il-poplu. Fil-fatt, isemmilu li lil Abraham, lil Iżakk u lil Iżrael kien ħalfilhom li kien ser ikattrilhom in-nisel tagħhom bħall-kwiekeb tas-sema. Mosè jissuġġerixxi lil Alla biex ma jwaqqax għaċ-ċajt lill-poplu tiegħu u aktar minn hekk lilu nnifsu – għax jekk jitlaqhom fid-deżert, l-Eġizzjani jiddieħku bihom!

Araw kemm hu qawwi t-talb! Mosè jmiss il-qalb ta’ Alla tant li “l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien ser jagħmel lill-poplu tiegħu”. Mhux ċajt li l-awtur sagru jgħid li Alla nidem. Normalment huwa l-bniedem u mhux Alla li jindem! Imma quddiem il-karba ta’ Mosè, Alla mqanqal mill-ħniena jindem għax saħan għal dawk li jħobb.

Dan ifakkarna f’dik il-ġrajja meta Ġesù beka fuq il-belt ta’ Ġerusalemm – meta hu pprova jiġbor lil dik il-ġenerazzjoni bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha, imma ma tawx kas tiegħu. Ġesù beka għax kellu ħolma sabiħa għal dak il-ġens, imma ħolmtu sfat duħħan.

Alla għandu ħolma dwarna wkoll. Imma tgħid illum jien qed inwettaq il-ħolma li Alla għandu għalija… għall-familja tiegħi? Alla kuntent bija, jew qiegħed niddeludih bit-tweġibiet tiegħi? Jien kapaċi nagħtih lura dik l-imħabba li biha jħobbni hu?

Waħidna ma aħniex kapaċi nagħmlu dan. Kien għalhekk li Ġesù sar bniedem, bata u miet fuq is-salib: biex jurina kif għandha tkun l-imħabba – kif għandna nħobbu lill-Missier. Ġesù huwa r-Redentur tagħna għaliex ħelisna minn dnubietna; imma d-dnub huwa dejjem nuqqs ta’ mħabba jew meta nħobbu ħażin – meta aħna nħobbu b’mod żbaljat, meta nħobbu dak li ma jistħoqqlux l-imħabba tagħna. Il-bniedem jidneb meta ma jħobbx lil Alla, Ħallieq u Feddej tiegħu, u lill-proxxmu tiegħu. Issa Ġesù Redentur jurina kif għandha tkun l-imħabba tagħna lejn Alla. Ġesù tant iħobb lill-Missier li jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu għalih – f’idejk jien nerħi ruħi.

Għalhekk l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għadda mill-passjoni, il-mewt u d-difna: biex lilna jgħinna nidħlu f’relazzjoni ta’ mħabba mal-Missier – min tassew iħobb lil Alla, iħobb lill-proxxmu tiegħu. Din hija l-ħolma ta’ Alla: li nistinkaw biex ikollna ċiviltà tal-imħabba. Ġesù Redentur jieqaf magħna biex nagħtu sehemna ħalli din il-ħolma ta’ Alla titwettaq. Ma naqtgħux qalbna!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: