Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa Devozzjonali ta’ Marija Addolorata

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa Devozzjonali ta’ Marija Addolorata


Il-Ġimgħa 7 ta’ April 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech fil-Festa Devozzjonali ta’ Marija Addolorata, Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria.

 

 

DULURI BI TBISSIMA

Wieħed mis-Santi Padri tal-Knisja Biżantina li kien jgħix fis-seklu sitta, Ruman il-Melodi, għandu innu sabiħ li fih djalogu bejn Ġesù u d-Duluri wieqfa ħdejn is-salib f’dan il-mument drammatiku tal-istorja. Marija hija l-ħarufa, safja u innoċenti, li timxi wara Ġesù, il-Ħaruf ta’ Alla li ħa fuqu d-dnubiet tad-dinja.

Marija ma tistax tifhem kif kellha sseħħ traġedja bħal din proprju ftit jiem biss wara li Ġesù kellu d-daħla trijonfali f’Ġerusalemm. Għalhekk l-Addolorata ddur fuq Binha u kollha lfiq tiftaħ qalbha miegħu u tgħidlu: “Ibni, qatt ma bsart li ser narak f’daqshekk miżerja! Qatt ma ħlomt li nies bla qalb ser jerfgħu jdejhom fuqek! Fit-toroq għad hemm il-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ, u issa tinsab bla sura! Jien irrid inkun naf għaliex – għaliex dak li hu ibni u Iben Alla ġie msallab fuq salib”.

Hawnhekk Ruman il-Melodi qed jirrifletti dwar tbatija li hija wisq agħar minn dik fiżika. Id-duluri ta’ Marija ma humiex biss dawk li ġġarrab kull omm meta tara lil uliedha jbatu; id-duluri ta’ Marija huma aktar kiefra għax hi tinsab għaddejja mit-tbatija ta’ min ma jistax jifhem lil Alla! Dak li qed jgħakkes lil Marija huwa proprju d-dlam quddiem il-misteru – fejn hu Alla f’din is-siegħa? Bħalissa fuq fomm Marija nistgħu npoġġu kliem Kristu: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”.

Meta jara lil ommu mnikkta, Ġesù jipprova jfarraġha u jgħidilha: “Għalfejn qiegħda tibki? Ma tafx li kelli nbati u mmut biex stajt nifdi lil Adam? Ma tafx li kien hemm bżonn li jien ninżel fil-qabar biex intella’ lil dawk li kienu fl-oqbra? Huwa minnu li ġejt imsallab inġustament. Imma, għażiża ommi, għax qed tibki? Minflok, irridek tgħajjat b’leħen għoli: ‘Hu nnifsu, dak li hu ibni u Iben Alla, għażel li jbati!’”.

Ruman il-Melodi bħal irid jgħidilna li fil-ħajja hemm dulur u dulur. Il-mard, l-inġustizzja, il-faqar, it-tilwim, l-ingratitudni, it-tgħajjir, l-emarġinazzjoni, il-konsegwenzi tal-gideb, tal-kalunnji, taz-zekzik… dawn kollha fihom refgħa tqila li kapaċi tgħawwiġna; imma d-dulur tremend ta’ Marija (li huwa d-dulur tal-bniedem ukoll) huwa meta taqa’ fuqna d-dalma tal-ispirtu, meta ma nkunux nistgħu nifhmu r-rieda ta’ Alla, meta kollox juri li Alla telaqna, meta d-damma tal-ġrajjiet negattivi fl-istorja tagħna jew tal-familja twassalna biex nibdew nistaqsu jekk Alla għadux ħaj jew mietx!

Għalhekk dan it-teologu jkompli bid-djalogu tiegħu bejn Ġesù u d-Duluri u jgħidilha: “Kuraġġ, għażiża Ommi, neħħi dan id-dwejjaq tiegħek. Il-marda tal-mewt li laħqet lil Adam u lil Eva teħtieġ tabib mis-Sema biex ifejjaqha”. Ġesù jipprova jfiehem lil Ommu li kien meħtieġ li jara l-passjoni u jieħu l-mewt proprju biex itaffi d-dulur tal-umanità. Anzi, iżid jgħidilha: “Issa qed tifhem li qed ngħidlek (li d-dulur ta’ Alla huwa mediċina għad-dulur tal-bniedem)? Għalhekk, tibkix iktar; minflok għajjat u għid: ‘Uri ħniena ma’ Adam. Kun kollok tjieba ma’ Eva’”. Dan l-istess djalogu Ġesù llum jagħmlu mal-bniedem addolorat!

F’dan il-punt, dawl idawwal il-menti ta’ Marija Addolorata u tiftakar li l-passjoni u l-mewt ma kinux l-aħħar sentenza għal Binha, għax hu kien qal li kellu jqum mill-mewt. Għalhekk issa t-tħassib tagħha jinbidel u tistaqsih jekk hix ser tarah wara li jmut fuq is-salib. Ġesù jwegħedha li ser tkun hi l-ewwel persuna li ser jidhrilha wara l-Qawmien: “Agħmel il-qalb, Marija, int ser tkun l-ewwel li tarani wara li noħroġ mill-qabar. Niġi u nurik minn kemm dulur ħlist lil Adam u kemm tbatija nkun ġarrabt biex neħilsu. Irrid nuri lil ħbiebi l-marki ta’ jdejja (il-pjagi). Hekk, għażiża Ommi, terġa’ tara lil Eva ħielsa. Dakinhar inti tgħajjat bil-ferħ: ‘Ibni u Iben Alla, inti ħlist lill-antenati tiegħi mid-dulur tagħhom’”.

Konvinta minn din il-wegħda, Marija Addolorata tifraħ u titlob lil Ġesù biex iħalliha ħdejh sal-punt tal-mewt. Hi tgħidlu: “Qalbi tfawwar bl-imħabba lejk! Ma nistax noqgħod id-dar filwaqt li inti fuq is-salib; ma għandix sabar nibqa’ f’kamarti meta inti tkun fil-qabar. Ħallini niġi miegħek. Il-fatt li jien nista’ narak, ifarraġni qatigħ”.

Ġesù jilqa’ t-talba ta’ ommu imma fl-istess waqt javżaha biex iżżomm sħiħ u ma tibkix xħin tħoss il-kesħa tal-mewt. “Jekk, bħal kull bniedem, xħin tilmaħ is-sinjali tal-mewt, tħoss qalbek tingħafas bid-dulur u bil-biża’, għajjatli b’leħen għoli: ‘Ħu ħsiebi, inti li int ibni u Iben Alla tiegħi’”.

Fl-immaġinazzjoni tiegħi nara lil Marija ta’ Nazaret tgħix dawn il-mumenti tqal meta tħaddan f’ħoġorha l-ġisem kiesaħ għax bla ħajja ta’ Binha Ġesù. Imwennsa bil-kliem ta’ Ġesù, Marija hija addolorata imma mhix iddisprata. Filwaqt li f’ħoġorha għandha lil Binha u Iben Alla mejjet, hija taf li dan kien meħtieġ biex Adam u Eva – irrid ngħid Joe, Ċikku, Antonia, Sandra, u kull wieħed u waħda minna – issa għandhom post f’ħoġor Alla. Għalhekk, filwaqt li hija għandha fi ħdanha lil Ġesù mejjet, il-ħarsa tagħha hija kollha tama.

Dan għandu jkun l-atteġġjament ta’ kull wieħed minna li jsib ruħu fid-dlam: għalkemm l-esperjenza li nkunu qegħdin ngħixu tnikkitna, għax tkun diffiċli u tqila, infittxu li bħal Marija aħna ngħixu dawn il-mumenti bit-tama Nisranija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: