Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fit-Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej

Omelija tal-Isqof Mario Grech fit-Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej


Ħadd il-Palm, 9 ta’ April 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fit-Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej, Ħadd il-Palm. Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

 

 

INTAJRU L-IMNATAR MINN FUQNA

Meta Ġesù telaq minn Betfage biex jidħol Ġerusalemm, “in-nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq” biex Ġesù jgħaddi minn fuqhom; anki d-dixxipli poġġew l-imnatar tagħhom fuq il-ħmar u l-felu li fuqhom rikeb Ġesù (Mt 21). Dan il-ġest sempliċi, li għal ħafna jista’ jkun insinifikanti, fih tifsira profonda.

Darba l-profeta Eliżew bagħat biex jikkonsagra lil Ġeħu bħala Sultan ta’ Iżrael minflok Aħab. Meta saru jafu li Ġeħu kien irċieva d-dilka, il-qaddejja tiegħu firxu l-imnatar taħt riġlejh bħala sinjal li kienu qegħdin jagħrfuh bħala s-sultan tagħhom (ara 2 Slat 9:13). Għalhekk meta l-Lhud firxu l-imnatar għal Kristu, huma kienu qegħdin jirrikonoxxuh bħala s-Sultan tagħhom u għalhekk bħala l-Messija. Mhux ta’ b’xejn meta Pilatu għamel il-kitba biex titwaħħal fuq is-salib, huwa kiteb: “Ġesù ta’ Nazaret, Sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19)! Għalhekk, meta llum, Ħadd il-Palm, aħna qegħdin nissieħbu ma’ Ġesù fid-daħla tiegħu f’Ġerusalemm, aħna qegħdin nagħrfu nistqarru li Ġesù huwa s-Sultan tagħna u li aħna membri tas-saltna tiegħu. Kif intennu fil-Missierna, kuljum nitolbu biex tiġi fostna din is-saltna. Is-saltna ta’ Kristu, li hija saltna ta’ mħabba, ġustizzja u paċi, tikber fostna skont kemm kull wieħed minna jkollu viżjoni ta’ fidi fil-ħajja.

Il-mantar kien l-unika biċċa ħwejjeġ personali assolutament imħarsa mil-liġi. Fil-fatt, jekk xi ħadd kien ikollu l-jedd li “jaqbad” xi proprjetà mingħand min kien ikollu jieħu xi flus, dan seta’ jmidd idejh fuq kull xorta ta’ beni li kien ikollha din il-persuna midjuna, imma ħaġa waħda ma kienx ikun jista’ jeħdilha: il-mantar! Għalhekk, meta l-Lhud neħħew l-imnatar u tefgħuhom fl-art biex jgħaddi Ġesù, dan kien ifisser li huma kienu qegħdin jagħtuh dak kollu li kellhom – saħansitra tawh l-aktar ħaġa personali u għażiża għalihom. Il-disponibbiltà tagħhom biex joffrulu anki l-mantar tfisser li kienu qegħdin joffru lilhom infushom! B’dan il-ġest kienu qegħdin jistqarru lil Ġesù li riedu jħobbuh b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha u b’moħħhom kollu (ara Mt 22:37). Illum aħna mistiedna nagħmlu din l-offerta sħiħa u kollha mħabba lil Ġesù li dieħel Ġerusalemm biex joffri lilu nnifsu b’sagrifiċċju għalina!

Il-mantar kien ikun magħmul mill-ġild tal-mogħoż jew tal-ġemel. Għalhekk kien ikun jiżen mhux ħażin – normalment madwar ħmistax-il kilo. Għalhekk, meta l-Lhud tajru minn fuq spallejhom l-imnatar, lil Ġesù kienu qegħdin jgħidulu li la kienu fil-preżenza tiegħu huma kienu qed jeħilsu minn dak kollu li kien qed itaqqlilhom il-ħajja – it-tħassib żejjed, id-dubji, il-beżgħat, is-suspetti… B’dan il-ġest il-bniedem jeħles minn dawk il-piżijiet li jafu jxekkluh biex jirriserva ħin għal Alla. Mhux darba u tnejn jiġrilna li ma nsibux ħin biex nitolbu jew biex nitkissru fil-Kelma ta’ Alla proprju għax ikollna ħafna x’nagħmlu jew għax l-impenji soċjali u rikreattivi ma jippermettulniex!

Fil-ktieb tal-Ġenesi naqraw li meta Ġakobb kien wasal biex imut, huwa sejjaħ lil uliedu madwaru. Dwar ibnu Ġuda hu jgħid hekk: dan “jorbot mad-dielja l-felu tiegħu u wild il-ħmara maż-żarġun, jaħsel fl-inbid ħwejġu u l-mantar f’demm il-għeneb” (Ġen 49:11). Fid-dawl ta’ dan il-passaġġ, nistgħu nifhmu li meta l-Lhud laqgħu lil Ġesù f’Ġerusalemm u firxulu l-imnatar tagħhom taħtu, huma kienu qed jagħmlu azzjoni profetika: kienu qegħdin jgħidu li riedu jaħslu l-imnatar tagħhom fid-demm tal-Imsallab. Meta nqisu li l-mantar jirrappreżenta lill-persuna (tant li meta Elija ried jgħaddi l-ispirtu tiegħu lil Eliżew huwa tah il-mantar tiegħu – 2 Slat 2:12), allura b’dan il-ġest il-Lhud riedu li huma stess jinħaslu fid-demm tal-Ħaruf – dak id-demm li jnaddafna mid-dnub.

Għalhekk, meta llum bdejna l-mixja liturġika li ser twassal biex infakkru l-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù, ħa nħaffu aħna wkoll ninżgħu l-imnatar biex naħsluhom fid-demm tal-fidwa.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: