Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Il-ħajja tas-saċerdot hija wkoll immarkata bit-taqtigħa kontinwa ma’ Satana u l-periklu tar-rifjut

Il-ħajja tas-saċerdot hija wkoll immarkata bit-taqtigħa kontinwa ma’ Satana u l-periklu tar-rifjut


Il-Ħamis, 13 ta’ April 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma f’Ħamis ix-Xirka, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

 

Stampa t-test…

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
“Ġesù ġie f’Nazaret fejn kien trabba” (Lq 4, 16). Nazzaret hija l-belt tal-Inkarnazzjoni, il-belt fejn Marija ta’ Nazzaret laqgħet l-istedina tal-Mulej biex issir għamara tal-Ispirtu s-Santu, omm l-Iben ta’Alla inkarnat.

F’Nazzaret hemm mitkub: ‘Verbum Dei hic caro factum est’, jiġifieri, ‘L-Iben ta’Alla hawnhekk sar bniedem’. Ġie f’Nazzaret, Nazzaret il-belt li kienet tafu, li kienet taf lil Ġużeppi l-mastrudaxxa, li kienet taf ir-razza u r-radika: “Ma nafuhomx lil ħutu?” (ara Mt 13, 55-56). Ġie f’daru u bħalma ġara fuq ommu, il-Mulej jikkonferma wkoll li l-Ispirtu tal-Mulej kien jistrieħ fuqu (Lq 4, 18). Kien hemm bżonn li kif l-Ispirtu xeħet id-dell qaddis tiegħu fuq l-omm, kien ukoll f’Nazzaret li l-Mulej ħabbar u ddikjara li l-Ispirtu tal-Mulej hu fuqu.

L-Ispirtu tal-Mulej kien fuqu biex jikkonsagrah, biex jaqtgħu minn mal-bnedmin, hu li kien Alla u li sar bniedem. Imma jikkonsagrah għall-missjoni partikolari: biex “iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, iwassal il-bxara t-tajba lill‑fqajrin, id-dawl mill-ġdid lill-għomja, ixandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej” (vv. 18-19). Din il-grazzja hija mħabba u ħniena għax il-kelma ‘haris’ hekk tfisser, kemm imħabba u kemm ħniena.

“Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu” (v. 21). Bħalma ġara wkoll fl-Inkarnazzjoni hi u tisma’ l-kelma tal-anġlu u tgħid ‘iva’ għall-istedina tal-Mulej, il-kitba, il-Kelma seħħet fil-ġuf, “il-Kelma saret laħam” (Ġw 1, 14) fil-ġuf ta’ Marija.

Din iż-żjara ta’ Ġesù fil-belt tiegħu, kif nafu, spiċċat ħażin ħafna għaliex ir‑raba’ kapitlu ta’ San Luqa għandu bidu u għandu wkoll tmiem li ma naqrawx illum. Il-bidu huwa t-taqtigħa qalila bejn Ġesù u Satana u t-tmiem tiegħu huwa r-rifjut tan-Nazzrin li jaċċettaw li dan huwa l-Iben ta’ Alla u jippruvaw jitfgħuh mill-għoli għal isfel.

B’xi mod, il-ħajja ta’ kull saċerdot hija wkoll immarkata mhux biss bil-konsagrazzjoni biż-żejt tal-qdusija, imma wkoll bit-taqtigħa kontinwa ma’ Satana u l-periklu tar-rifjut. Aħna ma nistgħux niċċelebraw b’ferħ kbir din il-Ħamis ix-Xirka filgħodu mingħajr ma niftakru f’dan il-kuntest polemikuż, kważi konflittwali li fih titħabbar “is-sena tal-grazzja” (Lq 4, 19).

Il-Mulej jirbaħ fuq Satana u jrebbaħna miegħu imma aħna lkoll nafu li kemm-il darba jirbħilna fit-taqtigħa tagħna miegħu. Kemm-il darba wkoll inkunu affaċċjati minn rifjut ikrah li meta jħares lejna, jiskandalizza ruħna. “Dan ma nafuhx, ma nafux min hi r-razza r-radika tiegħu? (ara Mt 13, 55-56). Kif jista’ jkun dan li jġibilna l-bxara t-tajba, id-dawl, il-ħelsien?! Il-kuntest li fih Ġesù jniedi l-missjoni tiegħu, m’għandux jaqtgħalna qalbna imma jqarribna iżjed lejh għaliex, bħalma jgħid il-ktieb tal-Apokalissi mill-ewwel kapitlu, “lil dak li ħabbna u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu u li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem” (Apok 1, 5-6).

“Ħabbna, ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu”. Dan huwa l-prezz tas-saċerdożju tagħna, dan huwa l-prezz tal-ministeru tagħna. “Ħabbna, ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu u għamilna saltna qassisin”. Imma kull darba li smajna l-kelma ‘qassisin’ fil-liturġija tal-kelma tal-lum, din il-kelma għażiża dejjem kienet kwalifikata. Jekk naraw l-profezija ta’ Iżaija li Ġesù adotta u intepreta u wettaq, titkellem dwar “il-qassisin tal-Mulej, qaddejja ta’ Alla” (Iż 61, 6). M’aħniex biss qassisin, m’aħniex biss qaddejja, aħna qassisin tal-Mulej, aħna qaddejja ta’ Alla. Hekk ukoll fl‑Apokalissi, “qassisin għal Alla tiegħu u Missier” (Apok 1, 6).

Kemm tkun ħaġa sabiħa li llum, waqt li nġeddu l-wegħdiet tas-saċerdożju tagħna, nagħmluhom quddiem l-isqof, imma nagħmluhom lill-Mulej mhux lill-isqof. Aħna niftakru li nappartjenu lill-Mulej u mhux lill-isqof, aħna qassisin tal-Mulej, qaddejja ta’ Alla. Il-Mulej li ħelisna mill-jasar tagħna, li ħariġna mill-ħabs tad-dnub u l-vizzjijiet tagħna, li jrid iniedi sena ta’ mħabba u ħniena u grazzja għalina, jgħidilna wkoll li hu ġie “biex idewwi l-qalb miksura” (ara Iż 61, 1).

Għalhekk, illum nitolbuh biex jagħtina ż-żejt tal-ferħ “flok l-irmied u flok l-ilbies tal-vistu, l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa” (v. 3). Il-Mulej Ġesù, hu u jħabbar din is-sena ta’ grazzja, jaf ukoll li jrid iħallas prezz għaliha bħalma aħna, biex inkunu qaddejja tal-poplu, nafu li rridu nħallsu prezz. Imma “dak li fdiena u ħelisna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu” (Apok 1, 5), jagħtina l-grazzja li aħna wkoll bħalu, għax aħna wkoll bħalu midlukin biż-żejt imqaddes li jġib ismu, aħna ukoll ‘Kristos’. Kull wieħed minna jagħtina l-grazzja li nkunu xhieda fidili. Grazzja lilkom u sliem mingħand Ġesù Kristu, ix-xhud fidil.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: