Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut


Ħamis ix-Xirka, 13 ta’ April 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut, Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

 

SPIRITUS DOMINI UNXIT ME

Kif is-soltu nagħmlu aħna s-saċerdoti, fil-bidu tal-ministeru pubbliku fil-Galilija Ġesù jfassal u jippreżenta l-programm pastorali tiegħu. Huwa jiffissa l-għanijiet pastorali tiegħu: ser iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, iwassal il-Bxara t-tajba lill-fqajrin, jagħti d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irodd il-ħelsien lill-maħqurin u jxandar sena tal-grazzja tal-Mulej. L-istorja tikkonferma li verament il-pjan pastorali ta’ Ġesù ħadem u ta ħafna frott bnin – minkejja li kellu sfidi kbar u kellu jħallas prezz għoli, Ġesù rnexxielu jdewwaq il-ħelsien lil ħafna tant li ħafna kienu jfittxuh!

Għalhekk, nistaqsi għaliex diversi drabi nilmentaw li l-ministeru tagħna huwa sterili. Għaliex ikun hemm waqtiet fejn il-pastorali tagħna titlef ir-relevanza tagħha u ma toħloqx interess fl-oħrajn? Għaliex il-ministeru tagħna ma jagħtiniex sodisfazzjon pastorali u għalhekk naqtgħu qalbna, nitilfu ħafna mill-ħeġġa tagħna, nitlewmu bejnietna u forsi naslu wkoll biex nassumu atteġġjamenti li ma jagħmlux ġieħ lill-ministeru saċerdotali, jekk mhux ukoll nagħmlu ħidmiet li jistgħu jikkompromettu l-istess ministeru tagħna u lill-Knisja?

L-impostazzjoni li nagħtu lill-ministeru tagħna hija ħaġa serja ħafna, għax nistgħu nagħmlu għażliet li jimmankaw il-ministeru u saħansitra jpoġġuh f’periklu. It-tfassil tal-programm pastorali tagħna huwa impenn delikat ħafna, għax daqskemm nistgħu nagħmlu programm li jirrifletti r-rieda ta’ Alla, daqshekkk ieħor hemm ir-riskju li għalkemm inkunu naħdmu għal Alla, ma nkunux qegħdin nagħmlu dak li jrid Alla!

Fid-dawl tal-Vanġelu li tħabbrilna, dalgħodu nixtieq inqiegħed għall-attenzjoni tagħna l-fatt li qabel ma għamel il-proġett saċerdotali tiegħu, Ġesù rċieva l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għax hu kkonsagrani bid-dilka… Hu bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin… (“Spiritus Domini super me; propter quod unxit me… misit me”). Huwa rċieva d-don (l-Ispirtu s-Santu) qabel ma fassal il-ministeru. Il-ħidmiet pastorali huma konsegwenza tad-don tal-Ispirtu s-Santu.

Mingħajr l-għajnuna u t-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu, aħna ma nistgħux neżerċitaw il-ministeru presbiterali tagħna. Huwa l-Ispirtu li jagħti l-ħajja (ara Ġw 6:63). Meta nkunu spiritwalment xotti jew medjokri, nirriskjaw li nirriduċu ruħna għal sempliċi funzjonarji tal-kult – inkunu funzjonarji delużi u deludenti – la nkunu sodisfatti aħna u lanqas nissodisfaw lill-oħrajn. Fejn ma hemmx l-Ispirtu divin, hemm possibbiltà akbar li jimraħ l-ispirtu tad-dinja li huwa spirtu ta’ diviżjoni, reżistenzi, nuqqas ta’ kollaborazzjoni, tilwim, pika, rivalità, nuqqas ta’ karità…

Bħal Kristu, aħna rridu nkunu f’qagħda li nistgħu ngħidu li “huwa l-Ispirtu s-Santu” li qed jibgħatna! Ħa jkunu l-impulsi tal-Ispirtu u mhux impulsi oħra li jimbuttawna. Għalhekk, bħala presbiteri, qabel ma napplikaw l-enerġija tagħna f’ħafna proġetti, neħtieġu nżommu ħajja l-memorja li Alla li “dilikna [ikkonsagrana] għalih innifsu; hu li ssiġillana wkoll bis-siġill tiegħu u tana b’rahan l-Ispirtu fi qlubna” (2 Kor 1:21).

Meta Sant’Atanasju jikkummenta dan il-passaġġ, jikteb: “L-Ispirtu s-Santu huwa msejjaħ u hu tassew dilka u siġill. Id-dilka hija n-nifs tal-Iben b’tali mod li dawk li għandhom l-Ispirtu fihom jistgħu jgħidu: ‘Aħna l-fwieħa ta’ Kristu’. Is-siġill jirrappreżenta lil Kristu, u għalhekk min għandu dan is-siġill għandu fih is-sura ta’ Kristu”. Min jirċievi s-siġill huwa tassew alter Christus. Ma nistgħux ninsew jew nittraskuraw l-importanza ta’ din id-dilka tal-Ispirtu, għax fiha hemm is-sigriet tal-effikaċja tal-ministeru episkopali u presbiterali.

Niftakru li dakinhar tal-ordinazzjoni presbiterali tagħna, meta l-Isqof dilkilna l-pala ta’ jdejna biż-żejt li kien ikkonsagrat bħal-lum, kien qal din it-talba: “Il-Mulej Ġesù Kristu, li l-Missier ikkonsagra fl-Ispirtu s-Santu u l-qawwa, iħarsek għat-tqaddis tal-poplu tiegħu u biex toffri s-sagrifiċċju”.

Għalhekk dalgħodu ntenni l-kliem li hemm fl-innu tat-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum ta’ nhar Għid il-Ħamsin, innu attribwit lil Sant’Ambroġ fis-seklu erbgħa: “Laeti bibamus sobriam ebrietatem Spiritus” – “Kollna ferħana attenti nixorbu sa ma niskru bl-Ispirtu”. Dan il-kliem huwa ispirat minn dak li jgħid San Pawl: “Tiskrux bl-inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda mtlew bl-Ispirtu. Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej” (Efes 5:18-19).

Minn żmien Oriġene ’l hawn kienu ħafna dawk il-Missirijiet tal-Knisja li kkummentaw dan il-passaġġ. Uħud jaraw analoġija bejn is-sokor materjali u dak spiritwali: it-tnejn jagħmlu lill-bniedem ferħan. Imma mentri min ikun fis-sakra materjali (alkoħol, droga, flus, imħabba diżordinata, karriera, suppervja, suċċess personali…) qatt ma jkun ċert minnu nnifsu u dejjem jitbandal minn naħa għall-oħra, min hu fis-sakra spiritwali jista’ jibni ħajtu u l-proġetti tiegħu fuq il-blat. Dawk li jiskru materjalment qatt ma huma sodisfatti, jitħammġu bir-ramettar, u jbatu l-konsegwenzi tax-xorb żejjed; waqt li dawk li jiskru bl-Ispirtu jkollhom ħafna konsolazzjoni anki meta jgħaddu mill-iebes.

San Ċirillu ta’ Ġerusalemm jgħid li kellhom raġun dawk li wara l-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin ħasbu li l-Appostli kienu xurbana għax xorbu nbid ġdid (ara Atti 2:13). L-iżball li ħadu kien li ħasbu li l-Appostli kienu legilgu nbid tal-għenba, mentri huma kienu xorbu l-Ispirtu li kien frott tad-dielja vera li kien Kristu.

Qed ngħixu f’epoka fejn għandna bżonn inħallu l-Ispirtu jistrieħ fuqna kemm personalment u kemm bħala presibterju djoċesan. Il-qawwa tal-Ispirtu li kellu Ġesù – il-qawwa kreattiva li l-Ispirtu żejjen biha lill-Missirijiet tal-Knisja fl-ewwel żminijiet – hija don li Alla qed joffri lilna llum. Imma x’jeħtiġilna nagħmlu biex nirrendu d-dilka tal-ordinazzjoni aktar effettiva?

Ma nħallux il-limitazzjonijiet u d-dgħufija tagħna jaqtgħulna qalbna. Huwa minnu li skont il-manwali tal-axxetika, biex wieħed ikun jista’ jduq il-benna tal-Ispirtu l-ewwel kien jeħtieġlu jgħix ħajja sobrja ta’ purifikazzjoni u mortifikazzjoni (tagħkis tal-ġisem, astinenza, penitenza, ċaħdiet…). Imma dan l-approwċ għandu riħa ta’ Pelaġjaniżmu, għax aktar iserraħ fuq l-impenn naturali tagħna milli fuq il-qawwa tal-grazzja. Tajjeb niftakru dak li jgħid San Pawl: huwa bl-għajnuna tal-Ispirtu li mmewtu l-għemil tal-ġisem (ara Rum 8:13). L-Ispirtu mhux premju għall-perfetti imma jingħatalna minkejja d-dnub tagħna biex jgħinna nirbħu n-nuqqasijiet tagħna.

Għalhekk, ħuti fis-saċerdozju, mhux biżżejjed li nkunu ċerti li l-ordinazzjoni saċerdotali tagħna kienet kanonikament valida, imma għandna bżonn nagħtu aktar kas tar-res sacramenti – tal-effett spiritwali, tal-grazzja tas-sagrament, fil-każ tagħna tal-frott tad-dilka tal-ordinazzjoni. Dan kollu aħna nġorruh ġo ġarar tal-fuħħar! Niftakru li l-ordinazzjoni sagra tawtorizzana biex nagħmlu ċerti azzjonijiet – biex immexxu, nipprietkaw, niċċelebraw is-sagramenti… – imma ma tagħtiniex awtorità; tiżgurana li hemm is-suċċessjoni appostolika, imma mhux bilfors is-suċċess appostoliku! Huwa l-Ispirtu li jagħmilna awtorevoli u jilħaq il-qlub tal-bnedmin.

Għaldaqstant huwa indispensabbli li l-Ispirtu li rċevejna permezz tad-dilka tal-imgħoddi nerġgħu nagħtuh il-ħajja biex il-grazzja tiegħu taħdem fina u permezz tagħna – f’każijiet estremi billi ninfatmu mid-dnub u f’każijiet oħra billi nibdlu l-pożizzjonijiet mentali u l-attitudnijiet li nkunu ffurmajna maż-żmien. Forsi jkun hemm bżonn inkissru l-vażett tal-alabastru bħalma għamlet il-mara midinba fid-dar ta’ Xmun biex il-fwieħa ma tibqax magħluqa! Ħajja ministerjali u pastorali li ma tkunx frott ta’ dixxerniment spiritwali hija vażett li għandna bżonn inkissruh, inkella l-fwieħa tat-tagħrif ta’ Kristu (ara 2 Kor 2:14) tibqa’ mjassra u ma tixxerridx.

Għeżież presbiteri, nissuġġerilkom li llum tidilku ġbinkom bil-griżma l-ġdida li sejrin nikkonsagraw u tkun din id-dilka għelm tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu li bih ġejtu ssiġillati dakinhar tal-ordinazzjoni tagħkom. Ħa jkun l-Ispirtu l-mutur ewlieni tal-ħajja tagħkom. Niżgurakom li jiena rrodd ħajr lil Alla għalikom!

Poplu ta’ Alla, fi kliem Santa Katerina ta’ Siena, għalina intom “ħajt ta’ talb”. Inħeġġiġkom biex titolbu lill-Ispirtu s-Santu biex bin-nar tiegħu jżommilna qlubna mixgħula bil-passjoni għal Kristu u għall-bnedmin.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: