Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ġimgħa l-Kbira

Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ġimgħa l-Kbira


Il-Ġimgħa 14 ta’ April 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fl-Adorazzjoni tas-Salib Imqaddes, Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

 

IL-KALVARJU: IKONA TAT-TRINITÀ

Fost il-ftit kliem li Ġesù lissen fuq is-salib hemm il-karba li ħarġet mill-fond ta’ qalbu: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex abbandunajtni?” (Mk 15:37). Din hija frażi magħrufa sew fostna, proprju għaliex meta fil-ħajja aħna mmissu l-qiegħ jew niġu daharna mal-ħajt u ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn iżjed, nissuspettaw li Alla jkun nesiena, u għalhekk bħal Kristu msallab aħna wkoll ngħidulu: “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Imma dan il-kliem ta’ Ġesù fih tifsira teoloġika profonda, għaliex hawnhekk għandna dehra ġdida tal-Misteru tat-Trinità. Fil-fatt, is-salib huwa l-qofol tar-Rivelazzjoni ta’ Alla.

Ġesù jħossu abbandunat minn Alla mhux biss għax kien qed iġarrab tbatija intensa kemm fiżikament u kemm psikoloġikament, imma wkoll għaliex f’dak il-waqt Ġesù kien qiegħed iħoss jagħfas fuqu t-toqol tad-dnubiet tal-bnedmin. Meta wieħed ikun fid-dnub, wieħed jaqta’ kull kuntatt ma’ Alla. Il-midneb jitlef lil Alla. Għalhekk il-midneb iġorr it-toqol tal-assenza ta’ Alla. Id-dnub, kemm personali u kemm soċjali, joħloq qagħda ta’ separazzjoni minn Alla. Issa Ġesù, li ma kienx jaf x’inhu dnub, sar dnub għalina! Huwa għadda minn din l-esperjenza tal-bniedem midneb għax hu ried jilħaq u jħaddan anki lill-midneb. Il-piż tad-dnub (l-abbandun) għenu jidentifika ruħu aktar mal-midneb. Għalhekk, b’dawn il-kelmiet (“Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex abbandunajtni?”) Ġesù qed jgħid li verament daq il-konsegwenzi tad-dnub. Hu ħass fuqu “r-rifjut” kategoriku ta’ Alla għad-dnub. Alla u d-dnub ma joqogħdux flimkien. Tassew Ġesù mess il-qiegħ tal-miżerja tagħna l-bnedmin li l-qofol tagħha jinsab meta Alla jkun assenti mill-ħajja tagħna.

Għalhekk, b’dawn il-kelmiet Ġesù bl-ebda mod ma kien qed jesprimi nuqqas ta’ fiduċja fil-Missier. Għall-kuntrarju, kienet il-fedeltà tiegħu lejn Missieru li bagħtu fid-dinja biex iwettaq il-fidwa li wasslitu biex saħansitra jirriskja li jħoss il-baħħ ta’ Alla! Għal Ġesù, l-istess esperjenza ta’ abbandun minn Missieru kienet effett tal-għaqda tiegħu ma’ Missieru. Filwaqt li l-midneb ibati l-abbandun minħabba d-dnub li jkun għamel, Ġesù ġarrab l-istess tbatija imma għax kien ħaġa waħda mal-Missier.

Forsi xi ħadd jistaqsi għaliex il-Missier baqa’ sieket quddiem din il-karba ta’ Ġesù msallab! Għaliex il-Missier jagħżel li ma jaġixxix?  Imma l-Missier kien preżenti u tkellem. L-assenza tiegħu kienet preżenza. Is-skiet tiegħu tkellem! Is-skiet u n-nuqqas ta’ intervent tiegħu huma fihom infushom rivelazzjoni tal-Missier. Kontra qalbu, il-Missier jastjeni milli jintervieni u dan biex il-bniedem li kien ’il bogħod minnu jkun jista’ jagħmel esperjenza ta’ Alla qrib tiegħu! Għalhekk, meta l-Missier “jabbanduna” lill-Iben, huwa qiegħed jesprimi mħabbtu lejn Ibnu – huwa għażel li jitlef lil Ibnu biex Ibnu jirbaħ lilna.

Huwa minnu li skont il-Vanġelu ta’ San Ġwann, Ġesù tana l-Ispirtu s-Santu qabel ma miet; imma jekk id-djologu bejn Ġesù u l-Missier jikxef ir-relazzjoni kollha mħabba ta’ bejniethom, u jekk nirrikonoxxu li dawn iż-żewġ Persuni kontinwament jingħataw lil xulxin, hawn għandna l-preżenza tat-tielet Persuna tat-Trinità: l-Ispirtu s-Santu.

Mhux ta’ b’xejn quddiem il-Kurċifiss “in-nies jaħbu wiċċhom minnu” (Isaija 53:3) – mhux tant għax kien “bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard”, imma wkoll għaliex fuq is-salib kien hemm teofanija – dehra mhix mistennija tat-Trinità. Nafuha mill-Iskrittura Mqaddsa li meta Alla kien jimmanifesta ruħu, il-bniedem jgħatti wiċċu għax ma jiflaħx jara l-ġmiel ta’ Alla!

Għalhekk nistgħu ngħidu li jekk Alla mhux Misteru Trinitarju, it-tislib ta’ Ġesù ma jagħmlix sens. Huwa biss il-Misteru tat-Trinità li jista’ jgħinna napprezzaw it-tifsira profonda u teologali tas-Salib – inkella l-mewt ta’ Kristu tibqa’ biss ġrajja tal-istorja jew qtil ta’ persuna innoċenti. Imma din il-ġrajja tippreżentalna realtà teoloġika.

F’dan il-kuntest nistgħu nifhmu għaliex waqt iċ-ċerimonja tal-Adorazzjoni tal-Għuda tas-Salib, aħna nesponu biss is-salib mingħajr il-korp. Huwa minnu li llum, il-Ġimgħa l-Kbira, aħna nfakkru l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Redentur; imma xieraq li nżommu quddiem għajnejna li l-ġrajja tal-Kalvarju hija manifestazzjoni tat-Trinità, u meta aħna nersqu biex naduraw is-Salib, fih naraw ikona tat-Trinità Qaddisa.

Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: