Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm

Omelija tal-Isqof Mario Grech fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm


Sibt il-Għid, 15 ta’ April 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

 

 

ALLA QATT MA HU TELLIEF

Iltqajna f’dan is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu biex nakkumpanjaw lil Marija f’dan il-jum tas-Sibt, jum it-telfiet.

Bħala omm, Marija, kellha kemm kellha fidi f’Alla, tħoss għax tilfet lil Binha. Marija, li lbieraħ minn fuq is-salib Ġesù taha l-mandat biex tkun Omm il-bnedmin kollha, tħoss ukoll mad-dixxipli għax issa tteħdilhom l-Għarus. Mal-mewt ta’ Kristu huma tħarbtu, u mietu wkoll it-tamiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Kellhom ħajt sod li kienu jserrħu fuqu, u dan il-ħajt twaqqa’! Imma Marija għandha dulur ikbar minn dan kollu, għaliex nistħajjel li kellha dispjaċir kbir għall-poplu Lhudi li meta kkundanna lil Ġesù għall-mewt, tilef mument ta’ grazzja kbira – għalkemm Alla kien ilu jippreparah, dan il-poplu ma għarafx il-mument taż-żjara ta’ Alla. Ġesù ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx. Ġesù ġie biex jagħti t-tweġiba għal tant mistoqsijiet li għandu l-bniedem, u l-bniedem urieh il-bieb!

Filwaqt li llum ħafna jaħsbu li Marija hija deżolata għax tilfet lil Ġesù, illum jien nixtieq niftakar f’Marija li tinsab imnikkta għax tilfet lil Kristu preżenti fil-poplu li jifforma l-“ġisem tiegħu” (Efes 1:23). Hija tilfet lil dawk li tilfu lil Kristu. Meta minn fuq is-salib Ġesù talab lil Ommu biex tieħu ħsieb Ġwanni, hu kien qed jitlobha tkompli tieħu ħsieb tiegħu nnifsu, għax Ġwanni kien membru tal-ġisem tiegħu li hija l-Knisja (ara 1 Kor 12:12) – Ġesù kien qed jitlobha tkun Omm tal-bnedmin kollha.

Id-dulur ta’ Marija huwa kbir għax dan il-poplu li difen lil Kristu kien poplu reliġjuż, kien poplu ffissat fit-Tempju, kien poplu li jixgħel in-nar u jaħraq is-sagrifiċċju lid-divinità, kien poplu li kellu l-Kelma miktuba fuq ġbinu! Imma minkejja din il-qoxra reliġjuża, baqa’ ma ntebaħx li Alla niżel jimxi fit-toroq ta’ beltu. Huwa minnu li l-Lhud b’mod skrupluż kienu josservaw l-obbligu li jidħlu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, imma nissuspetta li kellhom ħafna mit-turiżmu reliġjuż ta’ żmienna: xi drabi nidħlu fi knisja mhux b’għażla imma kumbinazzjoni, għax naħbtu nkunu għaddejjin minn quddiemha jew għax hekk tgħid il-liġi jew it-tradizzjoni; u mbagħad ladarba riġlejna jeħduna fil-knisja, forsi ngedwdu ftit talb bl-amment, nixegħlu xi xemgħa quddiem statwa, naraw ftit it-tiżjin tal-knisja u nitilqu ’l barra! Din it-tiċpisa reliġjuża ma tgħinx biex il-bniedem jiftaħ il-bieb ta’ qalbu għal Kristu!

Għalhekk bħal-lum irrid niftakar lil Marija tirrifletti fuq il-kliem li Ġesù kien qal lil-Lhud: “Kemm-il darba xtaqt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha, u int ma ridtx!” (Mt 23:37). Irrid nistħajjel lil Marija tibki mhux fuq il-qabar ta’ Kristu, imma fuq Ġerusalemm li fuqha beka Kristu nnifsu. Jekk irridu nakkumpanjaw lil Marija fid-deżolazzjoni tagħha, nistedinkom nakkumpanjawha f’dan l-uġigħ ta’ qalb li għandha meta tara li Ġesù qed jipprova jidħol fl-istorja personali u soċjali tagħna, u aħna rridu nħalluh barra mill-belt!

Ippermettuli nżid ngħid li fost dawk li ma laqgħux lil Kristu ma kienx hemm biss Fariżej, Sadduċej u oħrajn, imma kien hemm nies miċ-ċirku ta’ ġewwa – minn dawk li Kristu kien għażel għalih! Għaliex anki fiċ-ċirku ż-żgħir tad-dixxipli kien hemm min ma emminx fil-Kelma tiegħu, kien hemm min abbandunah! Dan kollu nistgħu narawh illum ukoll. Din hija telfa kbira li tferi l-qalb tal-Omm.

Imma kif jgħidulna l-Missirijiet tal-Knisja, minkejja dan id-dulur kollu, Marija kellha tama qawwija li Kristu għad iqum – li Kristu għad jagħmel terremot u jqum fil-qlub tal-bnedmin. Nistħajjel li fil-jum tas-Sibt, Marija kienet miġbura mad-dixxipli biex tagħmlilhom il-qalb ħalli minkejja din id-disfatta, ma jiskuraġġixxux ruħhom għax kienu ftit, għaliex Kristu ser jirbaħ fuq il-mewt – mhux biss joħroġ mill-qabar, imma wkoll mill-mewt li hemm fil-qalb tagħna l-bnedmin.

Għalhekkk illum nixtieqkom tagħmlu l-qalb, għax għalkemm aħna ftit, Marija tinsab magħna biex tħeġġiġna ħalli bil-kuraġġ kollu naqsmu din il-bxara t-tajba mal-oħrajn. Niżbaljaw jekk bħall-Appostli ningħalqu ġewwa! Għall-kuntrarju, b’wiċċna minn quddiem għandna nitkellmu ma’ sħabna dwar kemm hija kbira l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla. Ippermettuli, imma nħoss li minkejja li lbieraħ it-tempju kien mimli u għamilna ħafna teatrini li jsejħulhom purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, ħafna min-nies tagħna għadhom sajmin dwar Alla.

Kieku verament nidħlu fil-qalba tal-misteru li qegħdin niċċelebraw, kieku dan il-jum tas-Sibt Qaddis niddistingwuh minn Sibtijiet oħra u nagħżlu li nakkumpanjaw lil Marija f’dan il-mument ta’ tqala. Ngħid ‘tqala’ għax inxebbah l-uġigħ ta’ Marija ma’ dak tal-ġestazzjoni: Marija taf li bil-qawwa tal-Ispirtu l-Missier mhux biss ser jiftaħ il-qabar ta’ Kristu, imma jneħħi wkoll il-blata li qed tagħlaq il-mewt fil-qlub tagħna biex minnhom joħroġ Kristu ħaj.

Għalkemm madwarna hemm riħa ta’ mewt u ta’ taħsir, agħmlu l-qalb, għaliex xħin tiġi s-siegħa Kristu juri lilu nnifsu bħala rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt. Ħa nkunu bħall-anġli tal-Qawmien li nikkomunikaw ma’ dawk ta’ madwarna dan il-Vanġelu tal-ferħ u tat-tama – għaliex Alla qatt ma hu tellief.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: