Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > L-irxoxt ta’ Ġesù mhuwiex att vjolenti li jimponi ruħu fuq ir-rieda tal-bnedmin

L-irxoxt ta’ Ġesù mhuwiex att vjolenti li jimponi ruħu fuq ir-rieda tal-bnedmin


Is-Sibt, 15 ta’ April 2017, fit-8:00 p.m, l-Arċisqof mexxa l-liturġija tal-Vġili tal-Għid, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Matul din iċ-ċelebrazzjoni l-Arċisqof għammed tlett itrabi u tmien adulti.

Stampa t-test …

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

“Inħasset theżżiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha” (Mt 28, 2). Dan id-dettal li jagħtihulna l-Evanġelista Mattew jurina li l-ġebla li kienet tgħatti l-bieb tal-qabar tal-Mulej, ma tneħħitx mal-irxoxt tal-Mulej għax l-irxoxt tal-Mulej mhuwiex xi ħaġa spettakolari ta’ wieħed qisu superman li jqum jiftah il-bieb tal-qabar u joħroġ jissielet mal-għassiesa. Uħud mill-vari tal-Irxoxt donnhom jippreżentawlna din ix-xbieha.

Il-Mulej jirxoxta mill-ġuf tal-qabar imma hemm bżonn li l-bieb tal-qabar, il-ġebla li kienet tgħatti d-daħla tal-qabar, tiġi mgerrba għaliex aħna mistiedna naraw il-post fejn kienu qegħduh. Hekk jgħidilhom l-anġlu lil Marija ta’ Magdala u lil Marija l-oħra: “Tibżgħu xejn, jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesu li kien imsallab. Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed” (vv 5-6).

Il-fidi tagħna hi li dik il-ħabba tal-qamħ li waqgħet fl-art, mietet, indifnet u llum għamlet ħafna frott. Imma aħna li naraw mhux lil Ġesù rxuxtat, naraw il-qabar vojt. Mill-mewt tiegħu għadda għal ħajja rxuxtata waqt li kien fil-qabar. Aħna mistiedna naraw fejn kien għaliex qed jistedinna niltaqgħu miegħu fil-ħajja tagħna bħalma ltaqgħu miegħu l-istess żewġ nisa.

It-tislima tiegħu kienet tislima ta’ ħniena u ta’ mħabba: “Is-sliem għalikom” (Lq 24, 36). Bil-Grieg oriġinali, mhux biss sliem, imma grazzja, imħabba u ħniena. Is-sliem għalikom, l-imħabba tiegħi tkun magħkom, il-grazzja tiegħi tkun il-qawwa tagħkom. Tibżgħu xejn. “Morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija, lili jarawni hemmhekk” (ara Mk 16, 7) minn fejn beda kollox għax kollox kien beda fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Ġennesaret jew ta’ Tiberijade. Iridhom jerġgħu jmorru minn fejn kienu ltaqgħu miegħu meta kien għadu bniedem bħalnam, iterraq it-toroq ta’ din id-dinja. Ried ifakkarhom li l-istedina inizjali tiegħu kienet għadha tgħodd: imxu warajja (Mt 4, 19).

Aħna llum nilqgħu fostna fl-għaqda u fil-familja ta’ min jemmen f’Ġesù msallab u rxuxtat, nies adulti u tliet trabi. Il-Magħmudija hija immersjoni totali; it-tiswib bl-ilma tliet darbiet huwa simbolu ta’ immersjoni totali. Il-verb bil-Grieg ‘baptizzo’ dak ifisser: li togħdos – għadu kmieni biex nogħddsu għax il-baħar għadu kiesaħ, imma jasal is-sajf u min iħobb, jitpaxxa jogħdos fl-ilma, ikun fully immersed – u aħna hekk nagħmlu l-esperjenza tal-mewt, “indfinna miegħu” għadna kif qrajna minn San Pawl, “fil-mewt permezz tal-Magħmudija”. Mela l-Magħmudija hija l-ewwel nett il-mewt, imma mbagħad hi l-qawmien permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier “hekk aħna ngħixu ħajja ġdida. Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbaħ lil tiegħu” għax indfinna fl-ilma, “hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt” (Rum 6, 4-5).

Għalhekk il-Magħmudija tagħkom, għeżież ħuti, hija immersjoni fil-mewt ta’ Kristu u l-irxoxt għal ħajja ġdida. Il-Mulej illum jimmarkakom u jissiġillakom bis-siġill tal-Ispirtu qaddis tiegħu biex tkunu l-fwieħa tiegħu f’did‑dinja. Il-qabar huwa assoċjat mad-dekompożizzjoni, mat-tinġiż tal-korruzzjoni tal-ġisem li qiegħed jitħassar u jinten, kif ngħidu bil-Malti. Il-Magħmudija hija l-ħajja l‑ġdida, ir-rebbiegħa tar-ruħ li tikkanċella d-dnubiet tal-passat u tagħtina tama ta’ futur sabiħ.

“Intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla” (v. 11). Din hija wkoll l-esperjenza tagħna l-imgħammdin illejla, aħna u nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, immutu għad-dnub, għall-vizzji li jeqirdulna ħajjtina, għal dak kollu li jtellifna l-paċi tal-qalb u ngħixu “għal Alla fi Kristu Ġesù”. Aħna msejħin biex fid-dinja nkunu din il-proposta sinċiera u rispettuża tal-libertà tal-bniedem. L-irxoxt ta’ Ġesù mhuwiex att vjolenti li jimponi ruħu fuq ir-rieda tal-bnedmin; huwa bieb miftuħ fuq qabar vojt għax dak li fih kien mejjet, m’għadux hemm, qam mill-imwiet.

Id-dixxipli tiegħu stess uħud minnhom emmnu, uħud ma emmnux, iddubutaw. U Ġesù donnu ma jitkażax b’din is-sitwazzjoni. L-istess Evanġelju ta’ San Mattew, fil-fatt jikkonkludi xena fejn jiltaqgħu miegħu: uħud jemmnu għax qed jarawh, u wħud jiddubitaw u fl-istess ħin jafdalhom din il-missjoni straordinarja: “morru fid-dinja kollha, agħllmu l-ġnus kollha, għammuduhom fl‑isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu u ara jiena magħkom dejjem” (ara Mt 28, 19-20). Jiena magħkom dejjem!

F’isem Ġesù, lilkom għeżież adulti u l-ġenituri tat-trabi li se jitgħammdu llejla, ngħidilkom: “il-Mulej huwa magħna, il-Mulej ikun magħkom dejjem”. Għalhekk tant drabi fil-Liturġija, is-saċerdot, l-Isqof ifakkarna: “il-Mulej magħkom, il-Mulej magħkom” u intom tirrispondu biex l-Isqof ma jħossux waħdu: “u miegħek ukoll”. Imma f’dak id-djalogu qed noħolqu wkoll familja, familja ta’ fidi, familja ta’ nies li aħna midjunin mad-demm ta’ Ġesù, imma wkoll msaħħin bil-maħfra li jagħtina dik it-tislima sabiħa: “is-sliem għalikom”, ‘salaam’, ‘shalom’, l-isbaħ tislima. Tant hu hekk li aħna nużaw l-istess għerq biex ngħidu, insellmu lil xulxin: ‘sellili, agħti s-sliem lil min inħobb u lil kulħadd’.

Waqt li nilqagħkom, għeżież adulti u anke lill-ulied il-ġodda, nifraħ magħkom u għalikom. Permezz tagħkom il-Knisja llum qed twessa’ t-tinda tagħha, tkabbar il-qalb tagħna u għandha futur assigurat. Ejjew nitolbu għal min tbiegħed mill-qalb ta’ Ġesù, għal min meta jħares lejn il-qabar vojt jgħid: “dan mhux kollox ħrejjef?”. Nitolbu għal min ma jridx iħares lejn il-qabar vojt, jixtieq jixrob l-ilma minn għejjun oħrajn. Il-Mulej li wiegħed lis-samaritana ilma li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem (Ġw 4, 14), jagħtina l-grazzja li nintrabtu ma’ Ġesù u minn miegħu ma ninħallu qatt.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: