Sibt il-Għid, 15 ta’ April 2017: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Lejl Qaddis tal-Għid tal-Qawmien tal-Mulej.
ĦADD MA HU QABAR VOJT
Ħadd ma jieħu gost bid-disfatti, imma dawn huma parti integrali mill-istorja tagħna. Min minna qatt ma kellu diffikultajiet fil-ħajja affettiva, relazzjonali, professjonali, etika u spiritwali? Id-disfatti kollha huma koroh, imma l-agħar hija d-disfatta personali – meta ħajjitna tkun falliment u għaldaqstant mhux biss dawk ta’ madwarna jaqtgħu qalbhom minna, imma aħna stess nitilfu l-fiduċja fina nfusna. Meta l-bniedem jasal biex jara biss dak li huwa negattiv, meta l-istess soċjetà titlef kull tama fil-bniedem u fl-istess istituzzjonijiet tagħha, ikollna verament għalfejn nitħassbu.
Għalkemm illum qegħdin niċċelebraw l-Għid, fl-istess waqt li l-Vanġeli jirrakkontaw il-ġrajja tal-qawmien ta’ Kristu, jirrakkontaw ukoll l-esperjenza ta’ persuni (Marija ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni) li nħasdu bil-kbir meta sabu qabar vojt. Dawn il-persuni diġà kienu psikoloġikament mgħaffġa minħabba l-kruċifissjoni ta’ persuna għażiża għalihom, Ġesù Kristu; is-sitwazzjoni tkompli taggrava meta ntebħu li kulma kien fadal kien qabar battal. Din is-sejba kompliet tkattar fihom il-perplessità, il-biża’, is-suspett u l-insigurtà. Kieku l-qabar baqa intatt, kienu jistgħu jibqgħu jgħożżu l-fdalijiet tal-ġisem mejjet tal-ħabib tagħhom; imma qabar vojt x’valur kien fadallu għalihom? Xi skop kien baqgħalhom li jibqgħu “jżommu” l-qabar vojt? Ma nistagħġibx li wara din id-disfatta tal-qabar vojt, dawn il-persuni tant kienu delużi li qatgħuha li ma jerġgħux jersqu lejn dak il-post – li jinsew u jabbandunaw dak il-qabar għax kien vojt.
Imma l-folja nqalbet wara li dwiet mill-ġdid il-vuċi ta’ Kristu Rxoxt. Meta d-dixxipli semgħuh jgħidilhom “Il-Paċi magħkom”, u wara li Marija ta’ Magdala semgħetu jsejħilha b’isimha, huma ntebħu li dak li għalihom kien qabar vojt kien il-post li minnu ħareġ dak li rebaħ fuq il-mewt! Huma ndunaw li dak li kienu qiesuh li ma kien jiswa xejn u għaldaqstant kien ta’ min jiskartah, kien l-ambjent minn fejn sbroffat il-ħajja. Dak li għalihom kien bla ebda tifsira, minnu bdiet ġrajja li tagħti sinifikat lill-istess storja. Dak li qabel kien mudlam, seħħet fih splużjoni ta’ dawl. Dak li minnu kienet toħroġ riħa ta’ mewt, sar ifewwaħ il-ħajja. Dak li dwaru kienu ddeċidew li ma jibqax irreġistrat fl-istorja, illum sar il-post ewlieni ta’ prova li Kristu qam mill-mewt. Dak li huma riedu jwarrbu sar l-għożża tagħhom. Id-disfatta nbidlet f’opportunità ta’ ċelebrazzjoni ta’ ħajja.
L-esperjenza ta’ dawn ix-xhieda fl-ewwel Għid tgħidilna li fil-ħajja ma hemmx oqbra vojta. Qabar vojt qatt ma huwa vojt għalkollox; anzi, dak li fl-apparenza jidher li huwa qabar vojt, jista’ jkun fih enerġija qawwija. Għalhekkk dawk il-persuni jew sitwazzjonijiet li aħna nkunu ġġudikajniehom bħala oqbra vojta, jistgħu jkunu teżor moħbi.
Huwa fatt li l-istorja hija minsuġa bi ġrajjiet u fenomeni negattivi, imma fid-dawl tal-kelma ta’ Kristu Rxoxt nistgħu naqraw l-istorja b’mod għalkollox ġdid. Din hija d-differenza bejn dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux. Meta n-Nisrani jħares madwaru, jinnota l-istess fallimenti, disfatti u ġerħat li jaraw il-bqija tal-bnedmin u tendenzjalment l-ewwel reazzjoni tiegħu tkun waħda ta’ kundanna, stmerrija u jaħbat jaqta’ qalbu. Imma mwieżen bil-kelma tal-Irxoxt huwa jikseb viżjoni mġedda tar-realtà ta’ madwaru.
Din hija d-differenza enormi li l-Għid jagħmel fil-ħajja tagħna: li quddiem qabar vojt wieħed ma jiqafx jaħseb fil-ġisem mejjet li kien midfun, imma li hemm persuna li kienet mejta imma rxuxtat. Fi kliem ieħor, il-kelma tal-Irxoxt tgħinna naraw il-ħajja fejn hemm il-mewt, ma niqfux fuq dak li jidher imma napprezzaw il-potenzjal moħbi ta’ dak li jkun, inkunu kostruttivi u mhux distruttivi, inklussivi u mhux esklussivi.
Ebda persuna, minkejja l-fallimenti u d-disfatti li jkollha fil-ħajja privata, familjari jew pubblika, ma għandha tqis lilha nfisha bħala qabar vojt u għalhekk taqta’ qalbha. Lanqas ma għandha tiġi meqjusa bħala tali. Bħall-qabar vojt tal-ġnien fejn difnu lil Kristu, kull persuna li tħalli l-imħabba ta’ Alla taħdem fiha tista’ ssir riżorsa ta’ enerġija sinifikattiva u sinifikanti – ukoll jekk tkun għaddiet minn disfatta spiritwali. Il-bniedem li hu spiritwalment “mejjet” ma jistax iqajjem lilu nnifsu, imma l-kelma ta’ Kristu Rxoxt għandha qawwa li tirxuxtah.
Huwa fatt li ħadd minna ma għandu għarfien spontanju u sħiħ ta’ Kristu Rxoxt. Niżbaljaw jekk nagħmlu bħal Pietru u Ġwanni li meta ġew wiċċ imb wiċċ mal-qabar vojt, ċedew l-armi u telqu lura lejn djarhom rassenjati li kollox kien mitluf. Pjuttost għandna nimitaw lil Marija ta’ Magdala li quddiem il-qabar vojt baqgħet tistenna bħal qisha qed tinterpella lill-istorja biex titkellem dwar dak li qam mill-mewt u hekk il-qabar vojt ma jibqax battal. Bħalha, aħna li nemmnu li Kristu hu rebbieħ fuq il-mewt, qatt ma għandna naqtgħu qalbna minn dak li jiġri fl-istorja tagħna, imma pjuttost nibqgħu nittamaw li tkun l-istess storja, li meta naqrawha fid-dawl tal-Kelma tal-Irxoxt, tqajjem anġli li jkellmuna dwar il-qawwa tal-Irxoxt quddiem il-qabar vojt.
Wara l-Għid ta’ Kristu m’hemmx aktar oqbra vojta! Ħadd ma huwa vojt.