Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Kristu Rxoxt it-tama tagħna (1 Kor 15)


19. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 19 ta’ April 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum qed niltaqgħu għad-dawl tal-Għid, li ċċelebrajna u nkomplu niċċelebraw bil-Liturġija. Għalhekk, fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq it-tama Nisranija, illum nixtieq inkellimkom fuq Kristu Rxoxt, it-tama tagħna, kif jippreżentah San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin (ara kap. 15).

L-Appostlu jrid isolvi problematika li żgur li fil-komunità ta’ Korintu kienet fil-qalba ta’ diskussjonijiet jaħarqu. Il-qawmien hu l-aħħar argument li taffronta l-Ittra, imma aktarx, fl-ordni tal-importanza, hu l-ewwel wieħed: fil-fatt kollox jistrieħ fuq dan il-presuppost.

Huwa u jkellem lill-Insara tiegħu, Pawlu jitlaq minn ċertezza kbira, li mhix il-frott ta’ riflessjoni ta’ xi raġel għaref, imma fatt, sempliċi fatt li daħal fil-ħajja ta’ xi persuni. Il-Kristjaneżmu minn hawn jitwieled. Mhux xi ideoloġija, mhux xi sistema filosofika, imma mixja ta’ fidi li titlaq minn ġrajja, li xhieda tagħha huma l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù. Pawlu dan kollu jiġbru hekk: Ġesù miet għal dnubietna, ġie midfun, u fit-tielet jum qam u deher lil Pietru u lit-Tnax (ara 1 Kor 15:3-5). Dan hu l-fatt: miet, indifen, qam u deher. Mela Ġesù huwa ħaj! Din hi l-qalba tal-messaġġ Nisrani.

Meta jħabbar din il-ġrajja, li hi l-qalba tal-fidi, Pawlu fuq kollox jisħaq fuq l-aħħar element tal-Misteru tal-Għid, jiġifieri fuq il-fatt li Ġesù qam. Fil-fatt, kieku kollox kellu jintemm mal-mewt, fih kien ikollna eżempju tal-ogħla għotja, imma dan ma kienx ikun biżżejjed biex iwelled il-fidi tagħna. Kien eroj. Le! Miet, imma qam. Għax il-fidi titnissel mill-qawmien. Li naċċettaw li Kristu miet, u miet mislub, mhuwiex att ta’ fidi, hu fatt storiku. Imma li nemmnu li hu qam, iva. Il-fidi tagħna titwieled fl-għodwa tal-Għid. Pawlu jagħtina lista tal-persuni li lilhom deher Kristu Rxoxt (ara vv. 5-7). Hawn għandna ġabra ċkejkna tar-rakkonti kollha tal-Għid u tal-persuni kollha li ltaqgħu mal-Irxoxt. Fuq nett tal-lista hemma Kefa, jiġifieri Pietru, u l-grupp tat-Tnax, imbagħad “ħames mitt aħwa” li ħafna minnhom kienu għadhom jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom, imbagħad jissemma Ġakbu. Fl-aħħar tal-lista – qisu kien l-iżgħar fost kulħadd – ipoġġi lilu nnifsu. Pawlu jgħid hekk fuqu nnifsu: “qisni twelidt mormi qabel il-waqt” (ara v. 8).

Pawlu juża din l-espressjoni għax l-istorja personali tiegħu hi drammatika: hu ma kienx xi abbati, imma kien persekutur tal-Knisja, kburi bil-konvinzjonijiet tiegħu; kien iħossu bniedem ta’ suċċess, b’idea ċara ħafna ta’ x’kienet il-ħajja bid-dmirijiet tagħha. Imma f’dan il-kwadru perfett – kollox kien perfett f’Pawlu, kien jaf kollox – f’dan il-kwadru ta’ ħajja perfetta, jum minnhom wasal dak li assolutament ma kienx qed jistenna: il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt, fit-triq ta’ Damasku. Hemm ma kienx hemm biss bniedem li waqa’ mal-art: kien hemm persuna maħtufa minn ġrajja li kellha taqilbilha ħajjitha ta’ taħt fuq. U l-persekutur isir appostlu, għaliex? Għax jien rajt lil Ġesù ħaj! Jien rajt lil Ġesù Kristu Rxoxt! Dan hu l-fundament tal-fidi ta’ Pawlu, kif ukoll tal-fidi tal-Appostli l-oħra, kif ukoll tal-fidi tal-Knisja, kif ukoll tal-fidi tagħna.

Kemm hi ħaġa sabiħa naħsbu li l-Kristjaneżmu, essenzjalment, hu dan! Mhux tant li aħna nfittxu lil Alla – tiftixa li, fil-verità, hi hekk imbandla –, imma pjuttost Alla li jfittex lilna. Ġesù qabadna, ħatafna, rebaħna għalih biex ma jitlaqna qatt u qatt iżjed. Il-Kristjaneżmu hu grazzja, hu sorpriża, u għalhekk jitlob qalb li kapaċi tistagħġeb. Qalb magħluqa, qalb li tirrazzjonalizza kollox mhijiex kapaċi tistagħġeb, u ma tistax tifhem x’inhu l-Kristjaneżmu. Għax il-Kristjaneżmu hu grazzja, u l-grazzja nistgħu nifhmuha biss, u iżjed u iżjed niltaqgħu magħha, fl-għoġba tal-laqgħa.

Mela, anki jekk aħna midinbin – u lkoll aħna –, jekk il-proponimenti tagħna li nagħmlu t-tajjeb baqgħu fuq il-karta, jew jekk, meta nħarsu lejn ħajjitna, nintebħu li kellna tant fallimenti… fl-għodwa tal-Għid nistgħu nagħmlu bħal dawk il-persuni li fuqhom jitkellem il-Vanġelu: immur fil-qabar ta’ Kristu, nara l-ġebla kbira mgerrba, u naħseb kif Alla qed iwettaq għalija, għalina lkoll, futur li qatt ma stennejna. Immorru fil-qabar tagħna: kollha għandna xi qabar żgħir fina. Immorru hemm, u naraw kif Alla kapaċi jqum minn hemm. Hawn jinsab l-hena, hawn il-ferħ, il-ħajja, fejn kulħadd kien jaħseb li kien hemm biss dwejjaq, telfa u dalma. Alla jkabbar l-isbaħ ward tiegħu qalb il-blat l-aktar niexef.

Li nkunu Nsara jfisser ma nibdewx mill-mewt, imma mill-imħabba ta’ Alla għalina, li rebaħ lill-eqqel għadu tagħna. Alla hu ikbar mix-xejn, u biżżejjed xemgħa mixgħula biex tirbaħ l-iktar lejl mudlam. Pawlu jgħajjat, f’eku tal-profeti: “Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?” (v. 55). F’dawn il-jiem tal-Għid, ejjew inġorru f’qalbna din l-għajta. U jekk jistaqsuna għaliex qed nitbissmu daqshekk jew kif jirnexxielna naqsmu b’tant sabar mal-oħrajn, allura nistgħu nweġbuhom li Ġesù għadu hawn, li għadu jgħix ħaj fostna, li Ġesù jinsab hawn, fil-pjazza, magħna: ħaj u rxoxt.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s