Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta, Papa Franġisku > Il-Papa: il-Mulej għandu ħila jibdel qalb tal-ġebel f’waħda tal-laħam

Il-Papa: il-Mulej għandu ħila jibdel qalb tal-ġebel f’waħda tal-laħam


It-Tlieta, 2 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jalla l-Mulej irattab il-qlub iebsa, li jikkundannaw kull ma hu ‘l barra mil-liġi. Dawn in-nies ma jafux li t-tenerezza ta’ Alla għandha ħila tneħħi qalb tal-ġebel u tqiegħed minflokha waħda tal-laħam.  Hekk qal il-Papa Franġisku dalgħodu fil-meditazzjoni li għamel waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

San Stiefnu hu xhud tal-ubbidjenza, bħal Ġesù, u kien għalhekk li safa ppersegwitat.

Il-Papa Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar l-ewwel qari li jirrakkonta l-martirju ta’ San Stiefnu u żied li n-Nisrani hu xhud tal-ubbidjenza. Dawk li ħaġġruh ma kinux jifhmu l-Kelma t’Alla. Stiefnu qalilhom li huma rjus iebsa, bla ċirkonċiżjoni f’qalbhom u f’widnejhom. Dan kien ifisser li, fi kliem ieħor, kien qed jgħidilhom li huma pagani.

Aħna għandna nifhmu kif għandna nisimgħu l-Kelma t’Alla, kompla l-Papa. Per eżempju, Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli ta’ Għemmaws ‘boloh’, espressjoni li mhix ta’ tifħir imma mhux iebsa daqs dik li juża Stiefnu. Id-dixxipli ta’ Għemmaws ma kinux qed jifhmu, kienu beżgħanin għax ma ridux problemi, kienu qed jibżgħu imma kienu wkoll nies tajbin, miftuħin għall-verità.

U meta Ġesù jċanfarhom iħallu kliemu jinfed qlubhom biex ikebbisha, filwaqt li dawk li ħaġġru lil Stiefnu kienu rrabjati u ma ridux jisimgħu. Dan hu d-dramm tal-qalb magħluqa, tal-qalb iebsa, issokta l-Papa.

Fis-Salm 94 il-Mulej iwiddeb lill-poplu tiegħu u jħeġġu biex ma jwebbisx qalbu u mbagħad, permezz tal-Profeta Eżekjel, jagħmel wegħda sabiħa ħafna: dik li jibdel qalb tal-ġebel f’waħda tal-laħam, jiġifieri waħda li taf tisma’ u tirċievi x-xhieda tal-ubbidjenza.

Il-qlub iebsa, il-qlub tal-ġebel, il-qlub li ma jridux jinfetħu, il-qlub li ma jridux jisimgħu, il-qlub li jafu biss il-lingwaġġ tal-kundanna, inikktu ħafna lill-Knisja. Jafu jikkundannaw imma ma jafux jgħidu: ‘Fissirli għax qed tgħid hekk. Għaliex hekk? Fissirli.’ Le, huma magħluqin; jafu kollox u m’għandhomx bżonn spjegazzjoni.

Iċ-ċanfira ta’ Ġesù hija li huma qatlu l-Profeti għax kienu jgħidulhom dak li ma kienx idoqq għal widnejhom, fakkar il-Papa Franġisku. Infatti, qalb magħluqa ssakkar barra lill-Ispirtu s-Santu.

Fi qlubhom ma kellhomx lok għall-Ispirtu s-Santu. Iżda l-qari tal-lum jgħidilna li Stiefnu, mimli bl-Ispirtu s-Santu, kien fehem kollox: kien xhud tal-ubbidjenza tal-Verb li sar laħam. Din hi l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Stiefnu kien mimli biH, imma qalb magħluqa, qalb rasha iebsa, qalb pagana, ma tħallix lill-Ispirtu jidħol fiha għax taħseb li waħedha biżżejjed.

Id-dixxipli ta’ Għemmaws huma aħna, issokta l-Papa, b’tant dubji, tant dnubiet, li ħafna drabi rridu nitbiegħdu mis-salib, mill-provi, imma li fl-istess waqt inħallu l-ispazju biex inħossu lil Ġesù jkebbsilna qlubna.

Il-grupp l-ieħor, dawk li huma magħluqin fir-riġidità tal-liġi, li ma jridux jisimgħu, Ġesù tkellem ħafna dwarhom u għalihom qal fost l-aktar kliem iebes, aktar minn dak li lissen Stiefnu.

Fi tmiem l-omelija l-Papa semma l-każ tal-adultera, li kienet midinba. Kull wieħed u waħda minna, kompla jgħid, jidħol fi djalogu bejn Ġesù u l-vittma tal-qlub iebsa: l-adultera. Lil dawk li riedu jħaġġruha Ġesù jgħidilhom biss: ‘Ħarsu fikom infuskom.’

U llum inħarsu lejn din it-tenerezza ta’ Ġesù: ix-xhud tal-ubbidjenza, l-akbar xhud. Ġesù li ta ħajtu, jurina t-tenerezza t’Alla lejna, lejn dnubietna, lejn id-dgħufijiet tagħna. Nidħlu għalhekk f’dad-djalogu u nitolbu lill-Mulej il-grazzja li jrattbilna qlubna, li jrattab il-qlub ta’ min hu riġidu, ta’ dawk in-nies li dejjem magħluqin fir-riġidità tal-liġi u li jikkundannaw dak kollu li jmur’il barra mil-liġi.

Dawn ma jafux li l-Verb sar laħam, li l-Verb hu xhud tal-ubbidjenza. Ma jafux li t-tenerezza ta’ Alla għandha ħila tibdel qalb tal-ġebel biex flokha tqiegħed waħda tal-laħam.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: