Il-Ħamis, 4 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Fl-ewwel tmien kapitli tal-Atti tal-Appostli hemm fil-qosor l-istorja tal-Knisja kollha: il-predikazzjoni, il-Magħmudija, il-konverżjonijiet, il-mirakli, il-persekuzzjonijiet, il-ferħ u wkoll id-dnub ikrah ta’ dawk li jersqu lejn il-Knisja għal għanijiet personali, dawk il-benefatturi li wara jispiċċaw biex jingannawha bħalma għamlu Ananija u Safira.
Ir-riflessjoni li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta kienet imnebbħa minn dil-konsiderazzjoni.
Il-Papa beda billi qal li, sa mill-bidunett, il-Mulej kien jakkumpanja lid-dixxipli tiegħu u kien jikkonferma kliemhom u s-sinjali mirakolużi tagħhom. Qatt ma ħalliehom waħedhom, lanqas fil-waqtiet l-aktar koroh.
Il-Papa Franġisku rrifletta partikolarment fuq tliet kelmiet meħudin mill-ewwel qari meħud mit-tmien kapitlu tal-Atti tal-Appostli u stedinna biex dan l-istess pass naqrawh bil-kalma d-dar.
L-ewwel espressjoni: ‘qum u mur’, li l-anġlu qal lil Filippu, hija ġest ta’ evanġelizzazzjoni. Infatti, il-vokazzjoni tal-Knisja – u l-akbar faraġ tagħha – hi li tevanġelizza.
Imma biex tevanġelizza trid tqum u tmur, mhux tibqa’ bilqiegħda d-dar. Biex tkun fidila lejn il-Mulej, il-Knisja trid timxi, tkun fuq saqajha. Knisja li ma tqumx, li ma timxix, timrad. Tispiċċa magħluqa f’ħafna problemi psikoloġiċi u spiritwali, magħluqa fid-dinja dejqa tat-tqassis, li ma tħarisx lejn xefaq.
‘Ibqa’ miexi u ersaq lejn dak il-karru’ hi l-eżortazzjoni li jmiss, li l-Ispirtu s-Santu jnebbaħ biha lil Filippu. Din kienet it-tieni espressjoni li rrifletta fuqha l-Papa. Fuq dak il-karru kien hemm raġel mill-Etjopja, tar-reliġjon Għebrajka, ewnuku li kien ġie Ġerusalemm biex jagħti qima lil Alla, Waqt il-vjaġġ kien qed jaqra l-Ktieb tal-Profeta Iżaija.
Din kienet konverżjoni tal-ministru tal-ekonomija, għalhekk il-miraklu kien kbir. L-Ispirtu jeżorta lil Filippu biex jersaq lejn dal-bniedem. Ifisser li l-Knisja għandha tkun taf tisma’ l-preokkupazzjonijiet, l-ansjetajiet li hemm fil-qalb tan-nies tal-lum.
Il-bnedmin kollha għandhom dwar xiex jitħassbu. Isma’ dik il-preokkupazzjoni, ara x’inhi. L-Ispirtu lil Filippu ma jgħidlux biex jagħmel il-prożeliti, jgħidlu biss ‘mur u isma’’. Allura t-tieni pass hu li nisimgħu.
Għandu jkollna l-ħila nisimgħu xi jħossu n-nies. Qed jaħsbu xi ħaġa żbaljata? Jien irrid nismagħha biex nifhem sew fejn tinsab il-preokkupazzjoni. Allura t-tieni pass tal-Knisja hu li tmur tfittex l-ansjetajiet tan-nies.
Imbagħad ir-raġel mill-Etjopja, meta ra lil Filippu riesaq lejh, staqsieh dwar min kien qed jitkellem il-Profeta Iżaija u jtellgħu miegħu fuq il-karru. Allura, bil-kalma, Filippu beda jipprietka, osserva l-Papa.
L-ansjetà ta’ dak il-bniedem issib spjegazzjoni li timlielu qalbu bit-tama. Imma dan sar possibbli, kompla jgħid Franġisku, għax Filippu resaq qribu u semgħu.
Għalhekk, filwaqt li l-Etijopu kien qed jisma’, il-Mulej kien qed jaħdem f’qalbu. B’hekk dar-raġel fehem li l-profezija kienet qed tirreferi għal Ġesù.
B’hekk kibret fih il-fidi, tant li meta waslu f’post fejn kien hemm l-ilma, talab biex jitgħammed. Kien hu stess li talab il-Magħmudija għax l-Ispirtu s-Santu kien ħadem f’qalbu. Għalhekk aħna għandna nħallu lill-Ispirtu jaħdem fina u fil-qalb tan-nies.
U meta, wara l-Magħmudija, l-Ispirtu, li hu dejjem preżenti, jieħu lil Filippu post ieħor, l-ewnuku, mimli ferħ, jibqa’ għaddej fi triqtu. Allura t-tielet frażi li semma l-Papa kienet ‘il-ferħ tan-Nisrani’.
Il-Papa Franġisku temm l-omelija billi awgura li l-Knisja tibqa’ dejjem fuq saqajha, omm li tisma’, u biex bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu ssib il-kelma addattata li għandha tgħid.
Il-Knisja Omm, li twelled tant ulied, mhix Knisja li tagħmel il-prożeliti, imma Knisja li tagħti xhieda tal-ubbidjenza, Knisja li turi li n-Nisrani hu hieni anke fil-waqtiet l-aktar koroh, għax wara t-tħaġġir ta’ Stiefnu, faqqgħet persekuzzjoni kbira u l-Insara tferrxu ma’ kullimkien qieshom mitfugħin mir-riħ li jġorr miegħu ż-żerriegħa. U kienu huma li pprietkaw il-Kelma ta’ Ġesù.
Jalla l-Mulej itina l-grazzja li ngħixu fi Knisja bħal din: wieqfa, li toħroġ, li tisma’ l-ansjetajiet tan-nies, u tkun dejjem ferrieħa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija