Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta, Papa Franġisku > Ngħidu le lil min hu riġidu u jgħix ħajja doppja, fil-Knisja hemm bżonn il-ġentilezza

Ngħidu le lil min hu riġidu u jgħix ħajja doppja, fil-Knisja hemm bżonn il-ġentilezza


Il-Ġimgħa, 5 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Illum il-ġurnata wkoll hemm min juża r-riġidità biex jaħbi dnubietu. Din kienet it-twissija li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Fir-riflessjoni dwar l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli, il-Qdusija Tiegħu tkellem dwar il-figura ta’ San Pawl li minn persekutur riġidu sar ġentili u ħabbâr paċenzjuż tal-Vanġelu.

 

L-ewwel darba li jidher isem Sawlu, osserva l-Papa, hu waqt it-tħaġġir ta’ Stiefnu. Sawlu kien żagħżugħ riġidu, idealista, u kien konvint mir-riġidità tal-liġi.

Sawlu kien riġidu imma kien onest, filwaqt li għandna niftakru li Ġesù kkundanna bl-ikrah lil dawk li kienu riġidi għax ma kinux onesti.

Dawn in-nies għandhom ħajja doppja: jidhru sbieħ, onesti, imma meta ħadd ma jkun qed jarahom jagħmlu affarijiet koroh.  Imma daż-żagħżugħ kien onest f’dak li kien jemmen.

Jien u ngħid dan, kompla l-Papa, jiġuni f’moħħi tant żgħażagħ fil-Knisja tal-lum, li waqgħu fit-tentazzjoni tar-riġidità. Uħud minnhom huma tajbin, onesti u għandna nitolbu għalihom biex il-Mulej jgħinhom jikbru fit-triq tal-ġentilezza.

Oħrajn, issokta jgħid, jużaw ir-riġidità biex jaħbu d-dgħufijiet, id-dnubiet, mard tal-personalità, ħalli jkunu jistgħu jiddominaw fuq l-oħrajn. Sawl, osserva Franġisku, li kiber f’dir-riġidità, ma setax jittollera dak li għalih kien ereżija. Għalhekk beda jippersegwita lill-Insara.

Tal-anqas, ikkummenta b’ton ironiku l-Papa, kien iħalli lit-tfal jgħixu: illum lanqas dan ma jsir.

Sawlu jmur Damasku biex jaqbad lill-Insara u jitfagħhom fil-ħabs f’Ġerusalemm. Mat-triq kellu laqgħa ma’ bniedem li jitkellem bil-lingwaġġ tal-ġentilezza: ‘Sawl, Sawl, għaliex qed tippersegwitani?’

Iż-żagħżugħ, kompla l-Papa, il-bniedem riġidu, li kien trabba riġidu imma kien onest, reġa’ sar tfal u ħalla lill-Mulej imexxih fejn ried Hu. Il-qawwa tal-ġentilezza tal-Mulej! Għalhekk Sawlu sar Pawlu, u baqa’ jħabbar lill-Mulej sal-aħħar u bata għalih.

B’hekk, dal-bniedem beda jipprietka kull fejn mar: kien ippersegwitat, kellu bosta problemi anke fil-Knisja, u kellu jsofri wkoll minħabba li l-Insara bdew jillitikaw bejniethom. Iżda hu, li kien persekutur bis-saħħa u ż-żelu tal-liġi, kellu jibda jgħid lill-Insara: ‘Bl-istess ħwejjeġ li bihom tbegħidtu mill-Mulej, li bihom dnibtu bil-moħħ, bil-ġisem, b’kollox, bl-istess ħwejjeġ issa kunu perfetti, agħtu glorja lil Alla.’

Nitolbu għal min hu riġidu, issokta Franġisku, ħalli jibda jimxi bil-ġentilezza ta’ Ġesù. Hemm djalogu bejn ir-riġidità u l-ġentilezza, djalogu bejn bniedem onest u Ġesù li jkellmu bil-ħlewwa. B’hekk bdiet l-istorja ta’ dal-bniedem li rajnieh bħala żagħżugħ waqt it-tħaġġir ta’ San Stiefnu, u li ntemmet billi safa ttradut mill-ġlied intern bejn l-Insara. Għal xi wħud, il-ħajja ta’ San Pawl hija falliment bħal dik ta’ Ġesù.

It-triq tan-Nisrani din hi: li jimxi ‘l quddiem fuq il-passi li ħallielna Ġesù, passi ta’ predikazzjoni, ta’ sofferenza, tas-salib, il-passi tal-qawmien mill-mewt.

Ejjew nitolbu lil Sawlu llum, b’mod speċjali, għal dawk fil-Knisja li huma riġidi, għar-riġidi onesti bħalma kien hu, li huma mimlijin żelu, imma qed jiżbaljaw. U nitolbu wkoll għar-riġidi ipokriti, dawk li jgħixu ħajja doppja, dawk li Ġesù kien jgħid dwarhom: ‘Agħmlu dak li jgħidulkom imma tagħmlux bħalhom.’  Illum nitolbu għal min hu riġidu, temm jgħid il-Papa Franġisku.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: