It-Tnejn, 8 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Il-Papa Franġisku dalgħodu beda l-omelija tiegħu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta b’riflessjoni dwar l-ewwel qari tal-quddiesa meħud mill-Atti tal-Appostli.
Franġisku qal li l-Ispirtu s-Santu jmexxi l-Knisja, lill-komunità Nisranija. Dan jidher ċar mill-Atti tal-Appostli fejn hu l-Ispirtu s-Santu li jagħmel il-mirakli u jġedded. Iżda xi wħud kienu jibżgħu minn dawn in-novitajiet tal-Knisja.
L-Ispirtu huwa don ta’ Alla Missierna li jissorprendina dejjem għax hu Alla ħaj u jgħammar fina, imexxi qlubna, jinsab fil-Knisja u jimxi magħha. Dil-mixja tissorprendina dejjem għax, kif Hu kellu l-kreattività biex jaħlaq id-dinja, għandu wkoll il-kreattività li jaħlaq il-ġdid kuljum.
Dan jista’ jqanqal id-diffikultajiet bħalma ġara lil Pietru meta xi dixxipli ħaduha miegħu għax il-pagani wkoll kienu semgħu l-Kelma t’Alla. Dawn id-dixxipli kienu jaħsbu li Pietru kien abbuża. Għalihom dan kien skandlu tant li jaslu jgħidulu: ‘Int, Pietru, il-blata tal-Knisja! Fejn se teħodna?’
Pietru, fakkar il-Papa, jirrakkonta l-viżjoni li kellu, sinjal ta’ Alla li ġiegħlu jieħu deċiżjoni kuraġġuża. Pietru sab il-ħila li jilqa’ s-sorpriża ta’ Alla.
Quddiem is-sorpriżi, l-Appostli għandhom jiltaqgħu u jiddiskutu biex jaslu għal ftehim, biex jagħmlu l-pass li jrid minnhom il-Mulej.
Minn żmien il-Profeti sal-lum, kompla l-Papa, jeżisti d-dnub tar-reżistenza lill-Ispirtu s-Santu. Dan hu d-dnub li, minħabba fih, Stiefnu jċanfar lis-Sinedriju u jgħidilhom: ‘Intom u missirijietkom irreżistejtu lill-Ispirtu s-Santu.’
‘Imma dejjem hekk sar,’ hi l-iskuża, ‘tiġix b’ideat ġodda, ħu xi ħaġa biex tikkalmak…,’ żied jgħid b’ironija l-Papa. Dan hu l-għeluq għal-leħen ta’ Alla u s-Salm jgħidilna ‘twebbsux qalbkom bħalma għamlu missirijietkom.’
Il-Mulej, issokta l-Papa li kompla jirrifletti dwar il-Vanġelu tal-lum, li hu dwar ir-Ragħaj it-Tajjeb, dejjem jitlobna biex ma nwebbsux qalbna. Dawk li kienu jitqiesu pagani u jikkonvertu, kienu qishom ikundannati li jkunu Nsara tat-tieni klassi, minkejja li ħadd ma kien jistqarr dan fil-miftuħ.
L-iskuża li ‘dejjem hekk sar’ toqtol il-libertà, il-ferħ, il-fedeltà lejn l-Ispirtu s-Santu, li dejjem ikun qabilna jmexxi l-Knisja. Imma kif nagħraf ħaġa hix ġejja mill-Ispirtu s-Santu jew mill-mondanità? Għandna nitolbu l-grazzja tad-dixxerniment f’kull każ.
Hekk għamlu l-Appostli, iltaqgħu, iddiskutew u sabu t-triq tal-Ispirtu s-Santu. Iżda min m’għandux dan id-don u qatt ma talab għalih, baqa’ magħluq, bla ma jitħarrek.
Fost ħafna novitajiet, aħna l-Insara għandna nkunu nafu niddixxernu, nagħżlu ħaġa minn oħra, liema hu l-inbid it-tajjeb li ġej minn Alla, liema hi n-novità li ġejja mill-ispirtu tad-dinja u liema hi dik li ġejja mix-xitan.
Il-fidi qatt ma tinbidel, żied il-Papa, dejjem l-istess, imma miexja, tikber, tinfetaħ.
Franġisku kkwota lill-monaku tal-ewwel sekli, San Vinċenz ta’ Lerino, li kien qal li l-veritajiet tal-Knisja jinsabu f’mixja; jisseddqu mas-snin, jiżviluppaw maż-żmien, u jsiru aktar profondi mal-età.
Nitolbu l-Mulej, temm il-Papa, nitolbuH il-grazzja tad-dixxerniment biex ma niżbaljawx it-triq u ma nibqgħux weqfin inħarsu, ma ninħakmux mir-riġidità, u biex qalbna ma tkunx magħluqa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija