Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta, Papa Franġisku > Nilqgħu l-Kelma bil-manswetudni biex inkunu twajbin, ikollna l-paċi u nkunu ġentili

Nilqgħu l-Kelma bil-manswetudni biex inkunu twajbin, ikollna l-paċi u nkunu ġentili


It-Tlieta, 9 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-quddiesa li ċċelebra l-Papa Franġisku dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta offrieha għas-sorijiet li jieħdu ħsieb l-istess dar, li llum qed ifakkru lill-fundatriċi tagħhom, Santa Luisa di Marillac.

 

Fl-omelija l-Papa beda biex qal li fil-jiem li għaddew rajna lil San Stiefnu jċanfar lid-dutturi tal-liġi għax kienu jirreżistu lill-Ispirtu s-Santu. Illum, bil-maqlub, il-qari jitkellem dwar atteġġjament kuntrarju, il-manswetudni, id-doċilità lejn l-Ispirtu s-Santu.

Wara l-martirju ta’ Stiefnu kienet qamet persekuzzjoni ħarxa f’Ġerusalemm, tant li l-Appostli biss baqgħu hemmhekk. Ħafna minn dawk li kienu jemmnu, il-lajċi, osserva l-Papa, tferrxu f’Ċipru, fil-Feniċja u f’Antjokja, kif jgħidilna l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli.

Xi wħud f’Antjokja, però, bdew iwasslu lil Ġesù Kristu lill-Griegi, lill-pagani, għax kienu jħossu li l-Ispirtu kien qed jimbuttahom biex jagħmlu dan. Dawn kienu doċli, mansweti, spjega l-Papa Franġisku.

Kienu l-lajċi li wasslu l-Kelma wara l-persekuzzjoni, għax kienu doċli għall-Ispirtu s-Santu. Fl-ewwel ittra tiegħu l-Appostlu Ġakbu jħeġġeġ biex nilqgħu l-Kelma bil-manswetudni.

Għaldaqstant jeħtieġ li aħna nkunu miftuħin, ma nkunux riġidi, għax l-ewwel pass tal-manswetudni hu li ‘nilqgħu l-Kelma’, jiġifieri niftħu qlubna.

It-tieni pass hu li l-Kelma nkunu nafuha, li nkunu nafu lil Ġesù. Għalhekk irridu nġorru l-Kelma magħna l-ħin kollu, naqrawha, niftħu qlubna għall-Ispirtu s-Santu biex idawwalna ħalli nifhmu l-Kelma. Il-frott li jġib miegħu dan l-għarfien huwa kbir għax l-imġiba ta’ min jagħmel dan tkun ta’ tjubija, ta’ ħniena, ta’ ferħ, ta’ paċi, jikkontrolla lilu nnifsu u jkun manswet. Dan hu l-istil li jkollna jekk nagħtu widen għall-Ispirtu, kompla jgħid il-Papa.

M’għandi qatt nirreżisti lill-Ispirtu s-Santu.  Għandi nilqa’ l-Kelma bid-doċilità u nitlob lill-Ispirtu l-grazzja li nifhem il-Kelma dejjem aħjar u nwassalha lill-oħrajn bħal żerriegħa li tinbet u tagħti l-frott. Dan hu l-istil tan-Nisrani, saħaq il-Papa.

Fl-ewwel qari naqraw ukoll li meta waslet l-aħbar f’Ġerusalemm, li nies minn Ċipru u Ċireni bdew iħabbru l-Kelma lill-pagani ta’ Antjokja, daħal il-biża’ u ntbagħat Barnaba hemmhekk biex jaraw kif il-Kelma qed titħabbar lil min ma’ kienx ċirkonċiz, u għaliex kienu qed jipprietkaw dawn il-barranin u mhux l-Appostli.

Iżda, issokta l-Papa, meta Barnaba jasal Antjokja jara li hemm il-grazzja t’Alla, jifraħ u jħeġġiġhom biex jibqgħu sħaħ u fidili lejn il-Mulej, għaliex kien bniedem mimli bl-Ispirtu s-Santu.

Huwa l-Ispirtu li jmexxina biex ma niżbaljawx, biex nilqgħuH bid-doċilità, biex nagħrfuH fil-Kelma u ngħixu skont il-preċetti tiegħU.

Dan hu l-maqlub ta’ dak li minħabba fih Stiefnu ċanfar lill-mexxejja, lid-dutturi tal-liġi.

Aħna nirreżistuh lill-Ispirtu s-Santu?, staqsa l-Papa, jew nilqgħuH bid-doċilità?  Ir-reżistenza kontra l-manswetudni:  Nitolbu dil-grazzja tal-manswetudni, żied jgħid il-Papa, li temm b’nota ftit ‘il barra mill-ħsieb tal-omelija meta qal li kien proprju f’Antjokja li tawna kunjomna. Infatti, kien f’Antjokja li, għall-ewwel darba, id-dixxipli bdew isejħulhom “Kristjani”.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: