Omm it-Tama


21. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 10 ta’ Mejju 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja ta’ katekeżi tagħna fuq it-tama Nisranija, illum inħarsu lejn Marija, Omm it-tama. Marija għaddiet minn kemm-il lejl fil-mixja tagħha ta’ omm. Sa mill-ewwel darba li tidher fl-istorja tal-Vanġelu, il-figura tagħha tispikka bħallikieku kienet il-persunaġġ ta’ xi dramm.

Ma kinitx sempliċi tweġiba b’“iva” għall-istedina tal-anġlu: u hi, mara għadha fil-fjur ta’ xbubitha, wieġbet bil-kuraġġ, minkejja li ma kellhiex idea ta’ x’destin kien hemm jistennieha. Marija f’dak il-waqt tidher quddiemna bħala waħda mill-ħafna ommijiet tad-dinja tagħna, qalbiena sal-aħħar meta jiġu biex jilqgħu f’ġufhom l-istorja ta’ bniedem ġdid li qed jitwieled.

Dik l-“iva” hi l-ewwel pass f’lista twila ta’ ubbidjenzi – lista twila ta’ ubbidjenzi! – li sa jsieħbu l-mixja tagħha ta’ omm. Hekk Marija fil-vanġeli tidher bħala mara tas-skiet, li spiss ma tifhimx kulma qed iseħħ madwarha, imma li timmedita kull kelma u kull ġrajja fil-qalb tagħha.

F’din id-dispożizzjoni hemm parti sabiħa ħafna mill-psikoloġija ta’ Marija: mhix mara li taqta’ qalbha quddiem l-inċertezzi tal-ħajja, speċjalment meta donnu xejn ma jidher sejjer tajjeb. Lanqas mhi mara li tipprotesta bil-qawwa, li teħodha qatta’ bla ħabel kontra d-destin tal-ħajja li spiss jidher ostili. Imma hi mara li tisma’: tinsewx li dejjem hemm rabta kbira bejn it-tama u s-smigħ, u Marija hi mara li tisma’. Marija tilqa’ l-ħajja kif tasal għandna, bil-jiem hienja tagħha, imma anki bit-traġedji tagħha li ma nkunux xtaqniehom. Sa dak il-lejl l-aktar għoli ta’ Marija, meta Binha jiġi msammar mal-għuda tas-salib.

Sa dak il-jum, Marija kienet għoddha għebet mid-dramm tal-vanġeli: l-awturi sagri jħalluna nifhmu dan l-għajbien bil-mod il-mod tal-preżenza tagħha, il-fomm mitbuq tagħha quddiem il-misteru ta’ Iben li jobdi lill-Missier. Imma Marija terġa’ titfaċċa sewwasew fil-mument kruċjali: meta l-parti l-kbira tal-ħbieb tiegħu ħarbu għax beżgħu. L-ommijiet qatt ma jittradixxu, u f’dak il-waqt, f’riġlejn is-salib, ħadd minna ma jista’ jgħid x’kienet il-passjoni l-iżjed kiefra: jekk hux dik ta’ bniedem innoċenti qed imut fuq il-patibolu tas-salib, jew l-agunija ta’ omm li ssieħeb dawk l-aħħar mumenti fil-ħajja ta’ binha. Il-vanġeli huma ta’ ftit kliem, u diskreti ħafna. B’sempliċi verb ifissru l-preżenza tal-Omm: “kien hemm wieqfa” (Ġw 19:25), hi kienet hemm. Ma jgħidu xejn fuq ir-reazzjoni tagħha: jekk kinitx tibki jew le… xejn; l-ebda pinzellata biex ifissru t-tbatija ta’ qalbha: fuq id-dettalji mbagħad daħlet tiġri l-immaġinazzjoni tal-poeti u l-pitturi li tawna xbihat li daħlu fl-istorja tal-arti u l-letteratura. Imma l-vanġeli jgħidulna biss: “kien hemm wieqfa”. Kienet hemm, fl-ikreh mument, fl-iżjed mument kiefer, tbati ma’ binha. “Kienet hemm”.

Marija “kienet” hemm, sempliċement kienet hemm. Arawha mill-ġdid, ix-xebba ta’ Nazaret, issa xagħarha griż biż-żmien li għadda minn fuqha, għadha tissara ma’ Alla li għandu jiġi biss mgħannaq, u ma’ ħajja li waslet fuq l-għatba tal-eħxen dalma. Marija “kienet” tinsab fl-eħxen dalma, imma hemm “kienet”. Ma telqitx. Marija tinsab hemm, fedelment preżenti, kull darba li hemm bżonn iżżomm xemgħa mixgħula f’post iċ-ċpar u s-sħab. Lanqas hi ma tafu d-destin tal-qawmien li f’dak il-ħin Binha kien qed jiftaħ għalina l-bnedmin kollha: tinsab hemm b’fedeltà għall-pjan ta’ Alla li tiegħu stqarret ruħha b’qaddejja fl-ewwel jum tas-sejħa tagħha, imma anki minħabba fl-istint tagħha ta’ omm li sempliċiment tbati, kull darba li hemm xi ħadd minn uliedha li għaddej minn xi passjoni. It-tbatijiet tal-ommijiet: ilkoll xi darba ltqajna ma’ nisa qawwija, li affrontaw tant tbatijiet ta’ wliedhom!

Nerġgħu nsibuha fl-ewwel jum tal-Knisja, lilha, omm it-tama, qalb dik il-komunità ta’ dixxipli hekk dgħajfa: wieħed kien ċaħdu, ħafna kienu ħarbu, kollha kienu beżgħu (ara Atti 1:14). Imma hi sempliċiment kienet hemm, bl-iktar mod normali, bħallikieku kienet xi ħaġa għalkollox naturali għaliha: fl-ewwel Knisja mgeżwra mid-dawl tal-Qawmien, imma anki mit-tregħid tal-ewwel passi li kellha twettaq fid-dinja.

Għalhekk ilkoll kemm aħna nħobbuha bħala Omm. Aħna ltiema: għandna Ommna fis-Sema, li hi l-Omm Qaddisa ta’ Alla. Għax hi tgħallima l-virtù tal-istennija, anki meta kollox jidher bla sens: hi dejjem fiduċjuża fil-misteru ta’ Alla, anki meta hu jidher li qed jinħeba ħtija tal-ħażen fid-dinja. Fil-mumenti ta’ diffikultà, ħa tkun Marija, l-Omm li Ġesù ta lilna lkoll, li twieżen dejjem il-passi tagħna, u tgħid dejjem lil qalbna: “Qum! Ħares ’il quddiem, ħares lejn ix-xefaq”, għax hi l-Omm tat-tama. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.