Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta, Papa Franġisku > Il-paċi ta’ Ġesù hi paċi vera mhux illuppjata bħal dik li ttina d-dinja

Il-paċi ta’ Ġesù hi paċi vera mhux illuppjata bħal dik li ttina d-dinja


It-Tlieta 16 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

‘Inħallilkom il-paċi tiegħi, intikom il-paċi tiegħi.’ Dalgħodu l-Papa Franġisku bena l-omelija tiegħu fil-kappella tad-Dar Santa Marta fuq dal-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli waqt l-Aħħar Ċena.

 

 

Il-pass mill-Atti tal-Appostli li smajna fl-ewwel qari jirrakkuntalna tant taħbit li għaddew minnu Pawlu u Barnaba fil-vjaġġi tagħhom biex ixandru l-Vanġelu. Allura din hi l-paċi li jagħti Ġesù?, staqsa l-Papa. Il-paċi li jagħti Ġesù, osserva minnufih Franġisku, mhix dik li tagħti d-dinja.

Il-paċi li tagħti d-dinja hija paċi mingħajr tribulazzjonijiet. Id-dinja toffrilna paċi artifiċjali, paċi li aktar minn kollox hi ‘l-kalma’. Hija paċi li tħares biss lejn dak li hu madwarek, is-sigurtajiet tiegħek, li ma jkun jonqsok xejn, paċi ftit jew wisq bħalma kienet dik tal-għani Epulun. Paċi li tagħlqek fik innifsek biex ma tħarisx bogħod minnek.

Id-dinja tgħallimna t-triq tal-paċi lluppjata. Tilluppjana biex ma narawx veritajiet oħra tal-ħajja. Hu għalhekk li Pawlu jgħidilna li t-triq li twassalna għas-Saltna hi triq ta’ tribulazzjoni.

Imma jista’ jkollna l-paċi fost it-tribulazzjonijiet? Waħedna le: aħna m’għandniex ħila nnisslu paċi, paċi bla nkwiet, paċi psikoloġika, paċi home-made.  Għax it-tribulazzjonijiet qatt m’huma se jonqsu: min minħabba uġigħ, min minħabba mard, min minħabba xi mewt…. dejjem hemm qiegħdin.

Il-paċi li jtina Ġesù, issokta l-Papa, hija rigal: hija don tal-Ispirtu s-Santu. U dil-paċi tibqa’ għaddejja minn fost it-tribulazzjonjiiet, u tibqa’ miexja. Mhix xi għamla ta’ stoiċiżmu bħalma jagħmel min jimtedd fuq is-saqqu tal-imsiemer. Hija xi ħaġa oħra.

Il-paċi ta’ Alla, kompla l-Papa, hi rigal li bih nimxu ‘l quddiem. Wara li ta l-paċi lid-dixxipli, Ġesù bata fil-Ġnien tal-Ġetsemani u hemmhekk offra kollox lir-rieda tal-Missier, u bata, imma l-faraġ ta’ Alla ma naqsux. Infatti l-Vanġelu jgħidilna li deherlu anġlu mis-sema biex ifarrġu.

Il-paċi ta’ Alla hi paċi vera, li tidħol fir-realtajiet tal-ħajja, paċi li ma tiċħadx il-ħajja: hekk hi ħajjitna. Hemm it-tbatija, hemm il-mard, hemm tant affarijiet koroh, hemm il-gwerer.… imma dik il-paċi ġewwinija hija rigal, Ma nitilfuhiex, imma tibqa’ għaddejja filwaqt li ġġorr magħha s-salib u t-tbatija.

Paċi mingħajr tbatija mhix il-paċi ta’ Ġesù: hija paċi li nistgħu nixtruha, nistgħu noħolquha aħna, imma hi paċi li tintemm.

Meta xi ħadd jisbel, ikun tilef il-paċi, kompla Franġisku. Meta qalbi hi mħawda jfisser li jien miniex miftuħ għall-paċi ta’ Ġesù għax m’għandix ħila nieħu l-ħajja kif tiġi, bl-uġigħat u t-tbatijiet tagħha.

Iżda aħna għandna jkollna l-ħila nitolbu l-grazzja lill-Mulej biex itina l-paċi tiegħu. Irridu nidħlu fis-Saltna t’Alla mġarrbin bit-tribulazzjonijiet.

Il-paċi hi grazzja. Nitolbu biex ma nitilfux il-paċi ġewwinija. Dwar dan, fil-ktieb ‘Il-Belt ta’ Alla’, Santu Wisitn jgħid: il-ħajja tan-Nisrani hi mixja fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-faraġ li jtina Alla.

Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu tajjeb kif inhi dil-paċi li jtina Hu permezz tal-Ispirtu s-Santu, temm jgħid il-Papa Franġisku.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: