Marija Maddalena, Appostlu tat-Tama


22. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 17 ta’ Mejju 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’dawn il-ġimgħat ir-riflessjoni tagħna qed iddur, biex ngħidu hekk, fl-orbita tal-Misteru tal-Għid. Illum se niltaqgħu ma’ dik li, skont il-vanġeli, kienet l-ewwel waħda li rat lil Kristu Rxoxt: Marija Maddalena. Kien għadu kemm intemm il-mistrieħ tas-Sibt. Fil-jum tal-passjoni ma kienx hemm ħin biex ilestu r-riti funebri; għalhekk, f’dik l-għodwa ta’ qsim il-qalb, in-nisa marru fuq il-qabar ta’ Ġesù bil-fwejjaħ tad-dlik.

L-ewwel li waslet kienet hi: Marija ta’ Magdala, waħda mid-dixxipli li kienu ma’ Ġesù sa mill-Galilija, għall-qadi tal-Knisja li kienet għadha titwieled. Fil-ġirja tagħha lejn il-qabar tidher il-fedeltà ta’ tant nisa li għal snin sħaħ tarahom fil-passaġġi taċ-ċimiterji, jiftakru f’xi ħadd li m’għadux iżjed. Ir-rabtiet l-iżjed awtentiċi ma jitkissrux, lanqas bil-mewt: hemm min jibqa’ jħobb, imqar jekk il-persuna maħbuba telqet għal dejjem.

Il-vanġelu (ara Ġw 20:1-2,11-18) jiddeskrivi lill-Maddalena billi dritt jgħid li kienet mara li malajr titħeġġeġ. Fil-fatt, wara l-ewwel żjara fil-qabar, hi terġa’ lura qalbha maqtugħa fil-post fejn id-dixxipli kienu mistħobija; tgħidilhom li l-ġebla tneħħiet mid-daħla tal-qabar, u l-ewwel ipotesi tagħha hi l-iktar waħda sempliċi li tista’ ssir: xi ħadd seraq il-ġisem ta’ Ġesù. Hekk, l-ewwel aħbar li ġġib Marija mhix dik tal-qawmien, imma ta’ serqa minn xi ħadd mhux magħruf, waqt li Ġerusalemm kollha kienet għadha rieqda.

Imbagħad il-vanġeli jirrakkuntaw it-tieni vjaġġ tal-Maddalena lejn il-qabar ta’ Ġesù. Rasha iebsa kienet! Marret, reġgħet marret… għax ma kinitx konvinta! Din id-darba l-pass tagħha hu bil-mod, tqil ħafna. Marija qed tbati doppjament: l-ewwel nett għax miet Ġesù, u mbagħad għall-għibien inspjegabbli ta’ ġismu.

Hu waqt li tinsab mixħuta ħdejn il-qabar, b’għajnejha mimlija dmugħ, li Alla jissorprendiha bl-aktar mod mhux mistenni. L-evanġelista Ġwanni jagħfas fuq kemm kien persistenti l-għama tagħha: lanqas tintebaħ bil-preżenza ta’ żewġ anġli li jistaqsuha, u lanqas jgħaddilha minn moħħha l-iċken suspett meta tara lil dak ir-raġel li tfaċċa minn wara spallejha, li hi ħasbitu għassa mal-ġnien. Imma hekk tiskopri l-aktar ġrajja straordinarja tal-istorja umana meta sa fl-aħħar tisma’ min isejħilha b’isimha: “Marija!” (v. 16).

Xi ġmiel meta naħsbu kif l-ewwel dehra tal-Irxoxt – skont il-vanġeli – seħħet b’mod hekk personali! Kif hemm xi ħadd li jafna, li qed jara t-tbatija u l-qtigħ il-qalb tagħna, u li jitqanqal għalina, u li jsejħilna b’isimna. Hi liġi li nsibuha mnaqqxa f’ħafna paġni tal-vanġelu. Madwar Ġesù hemm tant persuni li qed ifittxu lil Alla: imma l-aktar realtà tal-għaġeb hi li, ħafna qabel, hemm qabelxejn Alla li ħsiebu f’ħajjitna, li jrid jerġa’ jerfagħha ’l fuq, u biex jagħmel hekk isejħilna b’isimna, u jagħraf il-wiċċ personali ta’ kull wieħed u waħda minna. Kull bniedem hu storja ta’ mħabba li Alla jikteb fuq din l-art. Kull wieħed u waħda minna hu storja ta’ mħabba ta’ Alla. Kull wieħed minna Alla jsejjaħlu b’ismu: jafna b’isimna, iħares lejna, jistenniena, jaħfrilna, jistabar bina. Veru jew le? Kulħadd jgħaddi minn din l-esperjenza.

U Ġesù jsejħilha: “Marija!”: ir-rivoluzzjoni ta’ ħajjitna, ir-rivoluzzjoni ddestinata li tibdel il-ħajja ta’ kull bniedem, tibda bl-eku ta’ isem fil-ġnien tal-qabar vojt. Il-vanġeli jfissrulna l-ferħ ta’ Marija: il-qawmien ta’ Ġesù mhuwiex ferħ li jinżel qatra qatra, imma kaskata sħiħa li xxarrab għasra l-ħajja kollha. Il-ħajja Nisranija mhix minsuġa minn ferħ artab, imma minn mewġ qawwi li jkaxkar kollox. Ippruvaw aħsbu intom ukoll, bħalissa, bil-bagalja ta’ delużjonijiet u telfiet li kull wieħed qed iġorr f’qalbu, li hemm Alla qrib tagħna li jsejħilna b’isimna u jgħidilna: “Qum, tibkix iżjed, għax jien ġejt biex neħilsek!”. Xi ġmiel!

Ġesù mhux xi wieħed li jadatta ruħu għad-dinja, jew li ħa jittollera li fih sa jibqgħu jsaltnu l-mewt, id-diqa, il-mibegħda, it-tifrik morali tal-persuni… Alla tagħna mhux bla ħajja, imma Alla tagħna – ippermettuli l-kelma – hu ħalliem: joħlom it-trasformazzjoni tad-dinja, u wettaqha fil-misteru tal-Qawmien.

Marija riedet kieku tgħannaq lill-Imgħallem tagħha, imma hu issa orjentat lejn Missieru tas-Sema, waqt li lilha jibgħatha twassal l-aħbar lill-aħwa. U hekk dik il-mara, li qabel ma ltaqgħet ma’ Ġesù kienet ilsira tal-ħażin (ara Lq 8:2), issa kienet saret appostlu tat-tama ġdida u l-iżjed kbira. L-interċessjoni tagħha tgħinna ngħixu aħna wkoll din l-esprjenza: fis-siegħa tal-biki, u fis-siegħa tal-abbandun, nisimgħu lil Kristu Rxoxt isejħilna b’isimna, u b’qalbna mimlija ferħ immorru nxandru: “Rajt lill-Mulej!” (v. 18). Ħajti nbidlet għax rajt lill-Mulej! Issa jien differenti minn qabel, jien persuna oħra. Inbdilt għax rajt lill-Mulej. Din hi l-qawwa tagħna u din hi t-tama tagħna. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.