Il-Ħamis 18 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Fl-omelija li għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku beda bil-kliem ta’ Ġesù: ‘Kif il-Missier ħabb lili, hekk jien inħobb lilkom.’
Din l-affermazzjoni tfisser, spjega l-Papa, li Ġesù jħobbna bi mħabba infinita. Il-Mulej jitlobna nibqgħu fl-imħabba tiegħu għax hi l-imħabba tal-Missier u jistedinna nosservaw il-kmandamenti tiegħu.
M’hemmx għalfejn ngħidu li l-kmandamenti huma l-bażi, il-pedament, imma jeħtieġ li nimxu wara Ġesù f’dak kollu li għallimna: il-kmandamenti tal-ħajja ta’ kuljum, li jirrappreżentaw l-istil tal-ħajja tan-Nisrani.
Il-lista tal-kmandamenti ta’ Ġesù hi twila ħafna, issokta l-Papa, imma l-qofol hu wieħed: l-imħabba tal-Missier lejn Ġesù u l-imħabba ta’ Ġesù lejna.
Hemm imħabbiet oħra. Id-dinja wkoll tipproponilna ħafna mħabbiet: per eżempju, l-imħabba lejn il-flus, l-imħabba lejn il-vanità, l-imħabba lejn is-suppervja, l-imħabba lejn il-poter, anke jekk biex niksbuh nagħmlu l-inġustizzji. Dawn huma mħabbiet oħra imma mhumiex ta’ Ġesù u mhumiex tal-Missier.
Ġesù jitlob minna li nibqgħu f’imħabbtU li hi l-imħabba tal-Missier. U niftakru li dawn l-imħabbiet l-oħra jbegħduna mill-imħabba ta’ Ġesù. Hemm ukoll imħabbiet sfurzati: imħabba bin-nofs. Din mhix imħabba. Hi ħaġa meta dak li jkun ikollok rispett lejh, imma l-imħabba hi ħaġa oħra.
L-imħabba t’Alla m’għandhiex qies, hi ferm aktar minn sempliċi rispett. Allura liema hu l-qies tal-imħabba? Il-qies tal-imħabba hu li tħobb mingħajr limiti.
U b’hekk, meta nqiegħdu fis-seħħ dawn il-kmandamenti li tana Ġesù, nibqgħu f’imħabbtU li hi l-imħabba tal-Missier. Hija mħabba mingħajr limiti, mhux b’nofs qalb jew minħabba xi interessi.
Imma, allura, għaliex inti tfakkarhomlna dawn l-affarijiet, Mulej?, nistgħu nistaqsuh. ‘Sabiex il-ferħ tiegħi jkun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħih.’ Jekk l-imħabba t’Alla tasal għand Ġesù, Ġesù jgħallimna t-triq tal-imħabba: il-qalb miftuħa, imħabba bla limiti, ninsew imħabbiet oħra.
L-imħabba kbira lejH, kompla l-Papa, hi li nibqgħu f’din l-imħabba fejn insibu l-ferħ. L-imħabba u l-ferh huma rigali tiegħu, rigali li lill-Mulej irridu nitolbuhomlu.
F’dal-punt il-Papa rrakkonta storja u qal li ftit żmien ilu wieħed saċerdot sar isqof. Mar għand missieru biex itih l-aħbar. Dar-raġel xwejjaħ, pensjonant, raġel umli li ħadem ħajtu kollha, qatt ma kien mar l-università, imma kellu l-għerf tal-ħajja, lil ibnu tah żewġ pariri: ‘Obdi u nissel il-ferħ fin-nies.’
Dal-bniedem kien fehem dan: obdi l-imħabba tal-Missier, mingħajr ma jkollok imħabbiet oħra; obdi dan id-don u mbagħad nissel il-ferħ fin-nies.
U aħna l-Insara, lajċi, saċerdoti, isqfijiet, għandna nnisslu l-ferħ fin-nies. Għaliex? Minħabba t-triq tal-imħabba: mingħajr interessi, bit-triq tal-imħabba biss. Il-missjoni tagħna bħala Nsara hi li nnisslu l-ferħ fin-nies.
Jalla l-Mulej, kif tlabna fit-talba tal-bidu, temm Franġisku, iħares fina dan id-don li nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù biex inkunu nistgħu ngħaddu l-ferħ lill-oħrajn.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija