Il-Ġimgħa 19 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Id-duttrina vera tgħaqqad iżda l-ideoloġija tifred, qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Franġisku kien imnebbaħ mill-ewwel qari li tkellem dwar meta, madwar is-sena 49, tlaqqa’ l-ewwel Konċilju ta’ Ġerusalemm li kien qatagħha li l-pagani li jikkonvertu ma kellhomx għalfejn jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni kif kienet titlob il-liġi ta’ Mosè.
L-ewwel qari kien meħud mill-Atti tal-Appostli. Il-Papa osserva li diġà fl-ewwel komunità Kristjana kien hemm il-ġelożiji, it-taqbid għall-poter, u xi moħħ makakk li ried jirbaħ jew jixtri s-setgħa.
Ifisser li minn dejjem kien hemm il-problemi għax aħna lkoll bnedmin midinba u d-diffikultajiet jeżistu fil-Knisja wkoll. Imma meta nammettu li aħna midinbin, dan jgħinna nikbru fl-umiltà u nersqu lejn il-Mulej bħala s-Salvatur ta’ dnubietna.
Rigward il-pagani li l-Ispirtu jsejħilhom biex isiru Kristjani, il-Papa fakkar li l-Appostli u l-anzjani għażlu wħud minn fosthom biex imorru Antjokja flimkien ma’ Pawlu u Barnaba.
Hemm żewġ gruppi ta’ persuni li kienu qed jiddiskutu: dawk li kienu jitmasħnu imma bi spirtu tajjeb, u grupp ieħor li kien qed joħloq il-konfużjoni.
Il-grupp tal-Appostli li riedu jiddiskutu l-problema u l-oħrajn li bdew joħolqu l-problemi – li jifirdu l-Knisja, li bdew jgħidu li dak li kienu qed jipprietkaw l-Appostli mhux dak li kien qalilhom Ġesù, mhux verità – iddiskutew bejniethom u fl-aħħar waslu għal qbil.
Ma kienx qbil politiku; kien ispirat mill-Ispirtu s-Santu, tant li wassalhom jgħidu li ma kien hemm ebda ħtieġa oħra ħlief li ma jiklux il-laħam issagrifikat lill-idoli – għax kien ifisser li jkunu qed isiru komunjoni mal-idoli – u li jibqgħu bogħod mid-demm tal-annimali fgati u miż-żwiġijiet ħżiena.
Il-Papa qal li l-libertà tal-Ispirtu ġġib il-qbil, tant li b’dal-ftehim il-pagani setgħu jidħlu fil-Knisja mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħaddu mir-rit taċ-ċirkonċiżjoni.
Prattikament dan kien l-ewwel Konċilju tal-Knisja – l-Ispirtu s-Santu, il-Papa flimkien mal-isqfijiet, ilkoll flimkien miġburin biex jiċċaraw id-duttrina, u li warajh tul is-sekli kien hemm il-Konċilju ta’ Efesu sal-Konċilju Vatikan II. Dan għaliex hu dmir tal-Knisja li tiċċara d-duttrina, ħalli dak li qal Ġesù fil-Vanġeli jkun jinftiehem, u biex jinftiehem tajjeb liema hu l-ispirtu tal-Vanġeli.
Iżda minn dejjem kienu jeżistu nies, issokta l-Papa, li mingħajr ebda dritt ifixklu l-komunità Nisranija b’diskors li jħawwad l-imħuħ u jinterpretaw kollox kif jidhrilhom huma.
Dawn huma nies fanatiċi dwar ħwejjeġ li mhumiex ċari, bħal dawk il-fanatiċi tal-qari li jmorru jiżirgħu s-sikrana biex jifirdu l-komunità Nisranija.
Din hi l-problema: meta d-duttrina tal-Knisja, dik li ġejja mill-Vanġeli, dik li hi mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, dik li dwarha Ġesù qal: ‘Hu jgħallimkom u jfakkarkom dak li għallimtkom jien,’ issir ideoloġija. Dan hu l-iżball kbir ta’ dawn in-nies.
Dawn l-individwi, kompla jgħid Franġisku, ma kinux jemmnu, kellhom f’moħħhom biss ideoloġija li kienet tagħlqilhom qalbhom għal dak li jgħid l-Ispirtu s-Santu….. u wara d-diskussjoni dehrilhom l-Ispirtu s-Santu.
Għaldaqstant, il-Papa ħeġġiġna biex, quddiem l-opinjonijiet ta’ min mingħalih id-duttrina hi ideoloġija, ma nibżgħux. Il-Knisja, temm jgħid il-Papa, għandha l-maġisteru tagħha – il-maġisteru tal-Papa, tal-isqfijiet, tal-Konċilji – u dik hi t-triq li rridu ngħaddu minnha: dik li tiġi mill-predikazzjoni ta’ Ġesù u mit-tagħlim u l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, dejjem miftuħa u libera. Għax id-duttrina tgħaqqad, il-Konċilji jgħaqqdu flimkien lill-komunità Nisranija, filwaqt li l-ideoloġija tifred.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija