Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta, Papa Franġisku > L-Ispirtu s-Santu ma jistax jidħol f’qalb magħluqa

L-Ispirtu s-Santu ma jistax jidħol f’qalb magħluqa


It-Tnejn 22 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Huwa biss l-Ispirtu s-Santu li jgħallimna ngħidu: ‘Ġesù hu l-Mulej,’ afferma l-Papa dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-Vatikan. Jeħtieġ li niftħu qlubna biex nisimgħu l-Ispirtu s-Santu u b’hekk inkunu xhieda ta’ Ġesù Kristu.

‘Serrħu raskom għax mhux se nħallikom orfni, se nibagħtilkom avukat, l-Ispirtu s-Santu, biex jiddefendikom quddiem il-Missier.’ Is-silta tal-Vanġelu tal-lum, meħuda minn San Ġwann, teħodna mill-ġdid fl-Aħħar Ċena u hi silta mid-diskors twil li Ġesù jagħmel lid-dixxipli qabel ma jmur għall-passjoni.

L-enfasi hi dwar l-Ispirtu s-Santu, il-Paraklitu, li jakkumpanjana u jtina ċ-ċertezza li se nkunu salvati permezz ta’ Ġesù, qal il-Papa. Huwa biss l-Ispirtu s-Santu li jgħallimna ngħidu: ‘Ġesù hu l-Mulej.’

Ħadd minna m’għandu ħila jistqarr dan, iħossu u jgħixu mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

F’waqtiet oħra ta’ dan id-diskors twil Ġesù jgħid: ‘Hu jressaqkom lejn il-verità sħiħa. Hu jfakkarkom dak kollu li għidtilkom jien; jgħallimkom kollox.’

Ifisser li l-Ispirtu s-Santu hu l-kumpann tal-ħajja ta’ kull Nisrani u tal-mixja tal-Knisja. Dan hu r-rigal li jtina Ġesù.

L-Ispirtu s-Santu, kompla jgħid Franġisku, hu rigal kbir mogħti lilna minn Ġesù, dak li bis-saħħa tiegħu aħna ma niżbaljawx.

Imma fejn jgħammar l-Ispirtu s-Santu? Fl-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli niltaqgħu mal-figura ta’ Lydia, bejjiegħa tal-porpra, mara li l-Mulej fetħilha qalbha biex timxi skont il-Kelma t’Alla.

Il-Mulej fetħilha qalbha biex fiha jidħol l-Ispirtu s-Santu u hi ssir dixxiplu. Hu proprju fi qlubna li aħna nġorru l-Ispirtu s-Santu, issokta jgħid Franġisku.

Il-Knisja ssejjaħlu ‘l-mistieden ħelu tal-qalb’. Imma f’qalb magħluqa ma jistax jidħol. Allura mnejn nistgħu nixtru ċ-ċwievet biex niftħu qlubna? M’hemmx minn fejn għax anke dan hu rigal ta’ Alla: ‘Mulej iftaħli qalbi biex jidħol fiha l-Ispirtu s-Santu u jgħinni nifhem li Ġesù hu l-Mulej.’

Dit-talba għandna ntennuha spiss, insista l-Papa, l-aktar f’dawn il-ġranet: ‘Mulej iftaħli qalbi biex nifhem dak li għallimtna Int, biex inkun nista’ niftakar kliemek, biex inkun nista’ ngħix kliemek, biex nimxi wara kliemek, ħalli nasal għall-verità sħiħa.’

Allura nżommu qalbna miftuħa biex jidħol fiha l-Ispirtu s-Santu u aħna nkunu nistgħu nisimgħuH, kompla jgħid Franġisku.

Jien se nagħmel żewġ mistoqsijiet li joħorġu minn dan il-qari. L-ewwel: Nitlob lill-Mulej il-grazzja li qalbi tkun dejjem miftuħa? It-tieni: Nagħmel ħilti biex nisma’ l-Ispirtu s-Santu, l-ispirazzjonijiet li jtini, dak li jgħid lil qalbi ħalli nkun nista’ nimxi ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija tiegħi u nkun xhud li Ġesù hu l-Mulej?

Aħsbu ftit dwar dawn iż-żewġ affarijiet, temm il-Papa: qalbi miftuħa, nagħmel ħilti biex nisma’ dak li għandu jgħidli? B’hekk nimxu ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija tagħna u nkunu aħna wkoll xhieda ta’ Ġesù Kristu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: