Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta, Papa Franġisku > Jeħtieġ nibdlu l-istil ta’ ħajjitna u minn biered nibdluh f’tħabbir ferrieħ ta’ Ġesù

Jeħtieġ nibdlu l-istil ta’ ħajjitna u minn biered nibdluh f’tħabbir ferrieħ ta’ Ġesù


It-Tlieta 23 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jeħtieġ nibdlu l-istil ta’ ħajjitna u minn biered nagħmluh tħabbira ferrieħa ta’ Ġesù.  Din kienet l-eżortazzjoni tal-Papa dalgħodu, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Franġisku kien qed jirrifletti dwar il-kapitlu 16 tal-Atti tal-Appostli li jirrakkuntalna episodju mill-ħajja ta’ Pawlu u Sila ġo Filippi.  Hawnhekk, ilsira saħħara bdiet tiġri warajhom u tindikahom bħala ‘qaddejja ta’ Alla’.

Kienet għajta ta’ tifħir, imma billi Pawlu kien jaf li dil-mara kellha spirtu ħażin fiha, ġurnata waħda kien keċċieh minnha.  Pawlu fehem li dik ma kinitx it-triq li minnha kellu jgħaddi biex in-nies jikkonvertu għax kollox baqa’ kalm.  Kulħadd kien jaċċetta d-duttrina imma ħadd ma kien jikkonverti.

Dan itenni ruħu fl-istorja tas-salvazzjoni: meta l-Poplu t’Alla kien kalm, ma kienx jirriskja jew inkella kien jaqdi lill-mondanità, spjega l-Papa.  Allura l-Mulej kien jibgħat lill-Profeti li kienu jisfaw ippersegwitati għax jiskomodaw lin-nies, l-istess bħalma ġralu Pawlu.

Pawlu fehem l-ingann u keċċa minn dik il-mara l-ispirtu li, minkejja li kien qed jgħid il-verità – jiġifieri li Pawlu u Sila kienu bnedmin ta’ Alla – kien spirtu ta’ bruda li kien jagħmel bierda anke lill-Knisja.

Meta fil-Knisja xi ħadd jiddenunzja l-mondanità, jibdew iħarsu lejh bl-ikrah.  Dan mhux sew, osserva l-Papa, li kompla jgħid: Fl-art fejn kont noqgħod, tant nies ikkonsagrati u twajbin kienu jgħidu: ‘Il-Knisja ta’ Ġesù hekk trid tkun….  Dan komunista, inkeċċuh!.’  U kienu jbiegħdu n-nies.  Niftakru l-Beatu Romero xi ġralu għax kien jgħid il-verità.

Kien hemm tant oħrajn minn dawn fl-istorja tal-Knisja, anke hawn fl-Ewropa!  Għaliex?  Għax l-ispirtu ħażin jippreferi Knisja kalma, mingħajr riskji, Knisja tan-negozju, Knisja komda, fil-kumdità tal-bruda.

Fil-kapitlu 16 tal-Atti nsibu li sidien l-ilsira siblu: kienu tilfu t-tama li jaqilgħu aktar flus għax dil-mara ma baqgħetx taqra x-xorti.  Il-Papa saħaq li l-ispirtu ħażin dejjem jidħol mill-but.

Meta l-Knisja tkun kalma, rieqda, kollox organizzat, ma jkunx hemm problemi, nibdew naraw fejn jista’ jsir in-negozju.

Iżda minbarra l-flus hemm kelma oħra li l-Papa rrifletta fuqha waqt l-omelija: il-ferħ.  Pawlu u Sila jitressqu mis-sidien tal-iskjava quddiem il-maġistrati, li jsawtuhom u jitfgħuhom il-ħabs.

L-għassies tefagħhom ‘il ġewwa kemm seta’.

Pawlu u Sila bdew ifaħħru lil Alla u madwar nofsillejl għamel terremot li minħabba fih infetħu l-bibien kollha tal-ħabs.

L-għassies kien se jneħħi ħajtu b’idejh għax kien jisfa maqtul kieku ħarbulu l-priġunieri.  Imma Pawlu jgħidlu biex ma jagħmilx ħsara lilu nnifsu għax kulħadd kien baqa’ ġewwa.

Allura, l-għassies talab li jikkonverti, ħaslilhom il-ġrieħi, tgħammed u, jgħidilna l-qari, imtela bil-ferħ.

Din hi l-mixja ta’ kuljum tal-konverżjoni tagħna: li ngħaddu minn stat ta’ ħajja mondana, kalma, mingħajr riskji – inkunu Kattoliċi, imma bierda – u minflok, insiru ħabbara ta’ Kristu.  Ngħaddu minn reliġjożità li tħares wisq lejn il-qligħ, għall-fidi u x-xandir li Ġesù hu l-Mulej, kompla jgħid Franġisku.

Dan hu l-miraklu li jagħmel l-Ispirtu s-Santu.  Għaldaqstant il-Papa ħeġġiġna naqraw il-kapitlu 16 tal-Atti tal-Appostli biex naraw kif il-Mulej, flimkien mal-martri tiegħu, imexxi ‘l quddiem il-Knisja.

Knisja mingħajr martri, osserva l-Papa, hi Knisja bla fiduċja, li ma tirriskjax, li tibża’ tħabbar lil Ġesù Kristu u tkeċċi x-xjaten, l-idoli, lill-alla l-ieħor: il-flus.  Dik mhix il-Knisja ta’ Ġesù.

Fil-kolletta tlabna l-grazzja u rringrazzjajna lill-Mulej għaż-żgħożija mġedda li jtina Ġesù u tlabnieh il-grazzja li din iż-żgħożija mġedda jżommha ħajja fina.

Dil-Knisja ta’ Filippi ġġeddet u saret Knisja żagħżugħa: żgħożija mġedda, konverżjoni tal-mod tal-għajxien li minn biered sar tħabbira ferrieħa li Ġesù hu l-Mulej, temm il-Papa.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: