Għemmaws, il-mixja tat-Tama


23. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 24 ta’ Mejju 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nixtieq nieqaf fuq l-esperjenza taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, li dwarha jitkellem il-Vanġelu ta’ Luqa (ara 24:13-35). Ejjew nistħajlu x-xena: żewġt irġiel mexjin qalbhom maqtugħa, imnikkta, konvinti li ħallew warajhom il-qsim il-qalb ta’ biċċa li spiċċat ħażin.

Qabel dak l-Għid kienu mimlija ħeġġa: konvinti li dawn il-jiem kellhom ikunu deċiżivi għal dak li kienu qed jistennew u għat-tama tal-poplu kollu. Ġesù, li f’idejh kienu fdaw ħajjithom, sa fl-aħħar deher li kien wasal għall-battalja deċiżiva tiegħu: issa kien se juri qawwietu, wara perjodu twil ta’ preparazzjoni u ta’ ħajja fil-moħbi. Dan hu li kienu qed jistennew. U ma seħħx hekk.

Iż-żewġ pellegrini kienu xettlu fihom tama li hi biss umana, li issa kienet ġiet fix-xejn. Dak is-salib mgħolli fuq il-Kalvarju kien l-iktar sinjal elokwenti ta’ telfa li ma kinux bassru. Jekk tassew dak Ġesù kien skont il-qalb ta’ Alla, kellhom jikkonkludu li Alla kien bla saħħa, bla difiża f’idejn il-vjolenti, bla ħila li jġib reżistenza għall-ħażen.

Hekk, dak il-Ħadd filgħodu, dawn it-tnejn kienu qed jaħarbu minn Ġerusalemm. Quddiem għajnejhom kien għad kellhom il-ġrajjiet tal-passjoni, il-mewt ta’ Ġesù; u ruħhom kienet għadha ħosbiena bit-turmenti ta’ dawk il-ġrajjiet, tul il-mistrieħ impost mis-Sibt. Dik il-festa tal-Għid, li kellha tintona l-għanja tal-ħelsien, minflok kienet inbidlet fl-iktar jum ta’ niket ta’ ħajjithom. Iħallu Ġerusalemm warajhom biex imorru band’oħra, f’raħal kwiet. Għandhom il-bixra kollha ta’ persuni li qed jaraw kif ikeċċu għal dejjem tifkira li għadha taħraq. Għalhekk jinsabu fit-triq, mexjin, imdejqa. Dan ix-xenarju – it-triq – diġà kien importanti fir-rakkonti tal-vanġeli; issa sa jsir dejjem iżjed, malli nibdew nisimgħu r-rakkont tal-istorja tal-Knisja.

Il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ dawk iż-żewġ dixxipli donnha kienet għalkollox b’kumbinazzjoni: tixbah lil ħafna mid-drabi fil-ħajja meta jiġrilna li naħbtu ġo xulxin fit-triq. Iż-żewġ dixxipli mexjin kollhom imħassba u wieħed barrani jidħol magħhom fit-triq. Hu Ġesù; imma għajnejhom ma setgħux jagħrfuh. U għalhekk Ġesù jibda t-“terapija tat-tama” tiegħu. Dak li jseħħ f’din it-triq hu terapija tat-tama. Min jagħmilha? Ġesù.

L-ewwel nett jistaqsi u jisma’: Alla tagħna mhux Alla invadenti. Anki jekk diġà jaf il-motiv tad-delużjoni ta’ dawk it-tnejn, jagħtihom iż-żmien biex setgħu jiflu fil-fond l-imrar li ħakimhom. Toħroġ stqarrija li hi ritornell tal-ħajja umana: “Aħna konna nittamaw, imma… Aħna konna nittamaw, imma…” (v. 21). Kemm dwejjaq, kemm telfiet, kemm fallimenti fil-ħajja ta’ kull persuna! Fl-aħħar mill-aħħar ilkoll kemm aħna xi ftit bħal dawk iż-żewġ dixxipli. Kemm drabi fil-ħajja tagħna ttamajna, kemm drabi ħassejna li konna pass biss bogħod mill-kuntentizza tagħna, u mbagħad spiċċajna mgħattna mal-art kollna delużi. Imma Ġesù jimxi mal-persuni kollha li jħossuhom qalbhom maqtugħa u li mexjin rashom baxxuta. Hu jimxi magħhom, bil-kwiet, u jirnexxielu jerġa’ jimlihom bit-tama.

Ġesù jkellimhom qabelxejn permezz tal-Iskrittura. Min jaqbad f’idejh il-ktieb ta’ Alla mhux sa jsib fih stejjer ta’ eroiżmu faċli, kampanji ta’ rebħa ta’ malajr. It-tama vera qatt ma tiġi bi prezz ċkejken: dejjem tgħaddi mit-telfiet. It-tama ta’ min ma jbatix, forsi lanqas hi tama. Alla ma jiħux pjaċir b’min iħobbu bħallikieku kien xi kaptan li jkaxkar għal warajh lejn ir-rebħa lill-poplu tiegħu jgħum fid-demm tal-għedewwa tiegħu. Alla tagħna hu dawl baxx li jnemnem f’jum ta’ kesħa u ta’ riħ, u li tidher kemm tidher dgħajfa l-preżenza tiegħu f’din id-dinja, hu għażel il-post li kollha nistmerru.

Imbagħad Ġesù jtenni għaż-żewġ dixxipli ­l-ġest li miegħu ddur kull Ewkaristija: jaqbad il-ħobż, ibierku, jaqsmu u jnewwilhulhom. Forsi f’din is-serje ta’ ġesti ma hemmx l-istorja ta’ Ġesù? U forsi f’kull Ewkaristija m’hemmx anki l-ħolma ta’ x’għandha tkun il-Knisja? Ġesù jaqbadna, iberikna, “jaqsam” il-ħajja tagħna – għax m’hemmx imħabba mingħajr sagrifiċċju – u joffriha lill-oħrajn, joffriha lil kulħadd.

Hi laqgħa ta’ malajr, dik ta’ Ġesù maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Imma fiha hemm id-destin kollu tal-Knisja. Tirrakkontalna li l-komunità Nisranija mhix magħluqa f’xi ċittadella ffortifikata, imma timxi fl-iżjed ambjent ħaj tagħha, jiġifieri fit-triq. U hemm tiltaqa’ mal-persuni, mat-tamiet u l-qtigħ il-qalb tagħhom, xi drabi tqal. Il-Knisja tisma’ l-istejjer ta’ kulħadd, kif joħorġu mis-senduq prezzjuż tal-kuxjenza personali; biex imbagħad toffri l-Kelma tal-ħajja, ix-xhieda tal-imħabba, imħabba fidila sat-tmiem. U hekk il-qalb tal-bnedmin terġa’ titkebbes bit-tama.

Ilkoll kemm aħna, fil-ħajja tagħna, kellna waqtiet diffiċli, mudlama; waqtiet li fihom imxejna bi qsim il-qalb, imħassba, bla xefaq, b’xi ħajt biss quddiemna. U Ġesù dejjem qiegħed magħna biex jagħtina t-tama, biex ikebbes mill-ġdid il-qalb u jgħidilha: “Ibqa’ miexja, jiena miegħek. Ibqa’ miexi”. Is-sigriet tat-triq li twassal għal Għemmaws kollu hawn qiegħed: anki meta kollox jidher bil-kontra, aħna nibqgħu maħbubin, u Alla mhu sa jieqaf qatt iħobbna. Alla jimxi magħna dejjem, dejjem, anki fil-waqtiet tal-ikbar tbatija, anki fil-waqtiet l-iżjed koroh, anki meta nħossuna telliefa: hemm hu l-Mulej. U din hi t-tama tagħna. Ejjew nibqgħu mexjin b’din it-tama! Għax hu jinsab magħna u jimxi magħna, dejjem!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.