Home > Ġenerali > Taħt it-tieqa ta’ kamarti

Taħt it-tieqa ta’ kamarti


Intfajt nistrieħ. L-għaliex kelli bżonn. Kien wara nofsinnhar. U, ftit tal-ħin wara, kelli nibda’ naħdem billejl. Meta ħaddieħor ikun qed ininni. U jien, għaddej, irrankat. Fl-Isptar. 

Kont għajjien. Ħeqq! Għejja mfaddla sieħbi! Ma jimpurtax! U minix ingerger. Anzi! Nirringrazzja lill-Kbir Alla Ħanin li tani s-saħħa nissokta naħdem. Intfajtlu. Bħalma tintefagħlu int meta tgħejja. Bid-differenza li l-ħin ikun differenti. U ħdejja, għalkemm ma kontx qed narah, kien hemm hu, l-Anġlu Kustodju tiegħi. Li, bi ġwenħajħ, jekk dejjem għandu, (almenu hekk iġibuh fuq is-santi), aktar għeni ninżel l’ isfel l’isfel fid-dinja tal-irqad u tal-ħolm. Tal-inkonxju! Ala l-psikoanaliżi.

Imbagħad, fis-skiet u x-xbiehat, ta’ pajjiżi mbiegħda imma, fl-istess ħin, tant qrib tiegħi, kien wasalli l-waqt li nirritorna lura lejn id-dinja li jisimha rejaltà. U nżilt, b’kemm nimxi. Ftaħt għajnejja u, fis-skiet u d-dlam tal-kamra, ġew xi viżitaturi li laqgħuni b’dak li kellhom fuqhom. Fis-skiet, u ġej mit-triq, bdejt nisma’ ilħna ġejjin lejja. Dawk ilħna! Ma domtx ma ntbaħt, mit-ton tagħhom, li l-ilħna kienu tal-bnedmin. Imma, aktar ma beda għaddej il-ħin, aktar bdejt nagħrafhom ta’ min kienu. Kienu tat-tfal, imsieħba mill-ġenituri tagħhom, ġejjin mid-duttrina. Tibżax! Malajr bdew iġibuni f’tiegħi. Qajmuni waħda sew!

Ġieli, taħt it-tieqa ta’ kamarti, nisma’ l-ħsejjes tal-karozzi. Issa dawn daqqa jimxu bil-mod u forsi ħa, jpaqpu waħda ‘l hawn u l’hemm għal kirjanza. U ġieli, minħabba li ta’ ġo fihom jew ikunu mgħaġġlin inkella maħruqin, aqta’ kemm ipaqpu! U jpaqpu bla ħniena ta’ xejn! Xejn ħi! Jaqbdu dik il-kantaliena ta’ tpapqiq u l-Mulej biss irid iwaqqafhom. Kieku b’daqshekk ma jimpurtax. L-agħar meta ikun hemm min jibda jżarżar. L-għaliex jinfexx jidgħi u jitkellem ħażin. Mela, filwaqt li dan iqażżeż lil ta’ madwaru, jew illum anki ta’ madwarha, l-għaliex id-dagħa qiegħed jittieħed daqskemm qed tittieħed l-influwenza, dawn l-aħwa, mingħajr ma jafu, ikunu qegħdin jifgaw kamarti wkoll. Ħallieha li minn dejjem kien hemm flitt tal-apposta biex jitfa’ d-dagħa u l-kliem oxxen ‘il barra minn djarna. Dan il-flitt jismu Ikun imbierek Alla fl-Anġli u l-Qaddisin kollha tiegħu. Tajjeb ta! L-għaliex aktar ma jippruvaw initnuli l-imsejkna kamrti aktar sirt niflittja minnu fl-arja billi nitlob minn qalbi din il-ġakulatorja b’saħħitha. U xi jkun ir-riżultat? Jibda’ jaħdem dritt! Mela hemm garanzija fit-tħaddim tal-prodott!

Xi kultant naħseb li kamarti hija bħall-Arka ta’ Noè. Li madwarha għandha minn kull xorta ta’ nies. Fil-fatt, taħt it-tieqa ta’ kamarti, mhux l-ewwel darba li nisma’ b’ilsna li qatt ma nkun smajthom qabel. Wara li xi wħud jitħaddtu bl-Ilsien Malti imbagħad nibda’ nisma’ ilsna oħra. Li, f’widnejja, inħosshom strambi. Imma dawk ukoll jagħmlu parti mill-pakkett li joħroġ il-kunvent tad-dinja taħt it-tieqa ta’ kamarti.

Imbagħad, bħalissa, waqt li qed inferra’ dawn il-ħsibijiet, hawn xi ħadd li ma waqafx ipaqpaq. Ħa mmur nittawwal ftit ara ħa nara jekk reġgħux hawn karozzi fit-triq … Le ħbieb! It-triq ħielsa minn kull traffiku. Imma, fil-karozza li hemm eżatt taħt it-tieqa tiegħi, f’karozza, hawn tifel li l-ħin kollu jdoqq il-ħorn. Filwaqt li qed nara xi nies qegħdin jidħkulu. Anki jien spiċċajt nitbissimlu. Mur ara! Mhux tifel! Imma, u din importanti wkoll, mhux għax ikun tifel jew tifla ċkejknin nagħtuhom xi naqra riħ żejjed. Filwaqt li niggustawhom, l-għaliex tfal huma, irridu wkoll nedukawhom. Ħalli, fil-gost tagħhom ta’ tfal, ma jdejqux lill-oħrajn.

Għax tiskanta u titnixxef nies kif inhi l-ħajja! Għal uħud għal kull xejn taf tinbidel f’ġenna u għall-oħrajn, mal-iċken inkonvenjent jaf ikun il-punt fejn l-ajruplan ta’ ħajjithom jibda’ jagħtiha għal ġol preċipizzju! U ma tagħtihomx tort jekk jirrikorru għall-iment!
Fl-aħħar nett, taħt it-tieqa ta’ kamarti hija għalija talba kontinwa biex, fit-talb tiegħi, intella’ fuq l-artal tal-Mulej, fil-Quddiesa Mqaddsa, lin-nisa, lill-irġiel, lit-tfal, liż-żgħażagħ, lix-xjuħ, lill-emigranti, insomma, … lil dawn kollha, flimkien max-xuffiera, fuq l-Altar Imqaddes tas-Sagrifiċċju.

L-għaliex, taħt it-tieqa ta’ kamarti, m’hijiex biss l-għalqa tal-inkonvenjent, u lanqas tal-ilment imma wkoll tar-rikonoxximent! Inħobbkom, inberikkom u nitlob ħafna għalikom ħuti, intom li tgħaddu minn taħt it-tieqa ta’ kamarti!

Patri Mario Attard OFM Cap

Categories: Ġenerali
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: