Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta, Papa Franġisku > In-Nisani għandu ħarstu lejn is-sema imma saqajh mal-art

In-Nisani għandu ħarstu lejn is-sema imma saqajh mal-art


Il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Post in-Nisrani hu fid-dinja biex iħabbar lil Ġesù, imma ħarstu hi lejn is-sema biex ikun magħqud miegħu, qal il-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

L-Iskrittura, qal Franġisku, tagħtina tliet kelmiet, tliet toroq tal-ħajja Nisranija. L-ewwel waħda hi l-memorja. Ġesù rxuxtat jgħid lid-dixxipli biex jipprietkaw dwaru fil-Galilija fejn seħħet l-ewwel laqgħa mal-Mulej.

Kull wieħed u waħda minna għandu l-Galilija tiegħu, il-post li fih Ġesù wera ruħu għall-ewwel darba, fejn sirna nafuH u fejn ksibna l-ferħ u l-entużjażmu li nimxu warajH.

Biex inkunu Nsara tajbin irid ikollna l-memorja tal-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù, u tal-laqgħat kollha li ġew warajha. Hija l-grazzja tal-memorja li fil-waqtiet tal-prova ttina ċ-ċertezza.

It-tieni punt huwa t-talb. Meta Ġesù tela’ s-sema – spjega l-Papa – ma nqatax minna. Fiżikament iva, imma hu dejjem magħqud magħna biex jinterċedi għalina. Lill-Missier jurih il-pjagi, il-prezz li ħallas għalina, biex isalvana.

Għaldaqstant aħna għandna nitolbu l-grazzja li nagħrfu nikkontemplaw is-sema, il-grazzja tat-talb, ir-relazzjoni ma’ Ġesù permezz tat-talb, li f’dal-ħin stess qiegħed jismagħna, jinsab magħna.

Imbagħad hemm it-tielet punt: id-dinja. Qabel ma telaq, Ġesù jgħid lid-dixxipli: ‘Morru fid-dinja kollha u xandru l-Kelma.’ ‘Morru’:  il-post tan-Nisrani hu fid-dinja biex iħabbar il-Kelma ta’ Ġesù, biex iħabbar li aħna salvi, li Hu ġie biex itina l-grazzja, u jeħodna lkoll miegħu quddiem il-Missier.

Din hi l-mappa tal-ispirtu Nisrani, osserva l-Papa, it-tliet punti tal-ħajja tagħna: il-memorja, it-talb, il-missjoni; it-tliet kelmiet li jmexxu ħajjitna: il-Galilija, is-sema u d-dinja.

In-Nisrani għandu jimxi f’dawn it-tliet direzzjonijiet u jitlob il-grazzja tal-memorja biex ma jinsiex li hu maħtur, biex ma jinsiex il-waqtiet li fihom iltaqa’ ma’ Ġesù.

Imbagħad irid jitlob, iħares lejn is-sema ħalli Ġesù jinterċedi għalina. U jmur fil-missjoni, li ma jfissirx li għandu jitlaq minn pajjiżu. Li jmur fil-missjoni jfisser li jgħix u jagħti xhieda tal-Vanġelu u juri lin-nies kif inhu Ġesù. Dan isir bix-xhieda u bil-kelma, għax jekk jien ngħid lil ħaddieħor kif inhu Ġesù u mbagħad ngħix qiesni pagan, ma jiswa xejn.

Iżda jekk ngħixu bil-memorja, bit-talb u bil-missjoni, il-ħajja Nisranija tkun sabiħa u tkun ukoll ferrieħa.

Din hi l-aħħar kelma li jgħid Ġesù fil-Vanġelu tal-lum: Fil-jum li fih intom tgħixu hekk, tkunu tafu kollox u ħadd ma jkun jista’ jeħdilkom il-ferħ tagħkom. Ħadd.

Għax jien għandi l-memorja tal-laqgħa tiegħi ma’ Ġesù, għandi ċ-ċertezza li Ġesù jinsab fis-sema u f’dan il-waqt qed jinterċedi għalija, jinsab miegħi, u jiena nitlob u għandi l-kuraġġ nitkellem, noħroġ minni nnifsi, inkellem lil ħaddieħor u nagħti xhieda b’ħajti li l-Mulej hu ħaj, qam mill-mewt. Memorja, talb, missjoni.

Jalla l-Mulej, temm il-Papa, itina l-grazzja li nifhmu din il-mappa tal-ħajja Nisranija biex nibqgħu mexjin bil-ferħ, b’dak il-ferħ li ħadd ma jkun jista’ joħdilna.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: