Int il-wiċċ daħkani tiegħi!

Print Friendly, PDF & Email

Sur Editur,

Dan l-aħħar il-Mulej tani grazzja li nikteb talba għall-istatus tiegħi ta’ kuljum ta’ Facebook lill-Ispirtu s-Santu. Din it-talba tgħid hekk: Spirtu s-Santu, int il-wiċċ daħkani tiegħi meta ħaddieħor joqgħod ikabbar ħtijieti fil-widnejn. Jiena nħobbok u nadurak. Amen. 

Kemm ferħittni din it-talba meta ktibtha! Kos hux! L-Ispirtu s-Santu dejjem jibqa’ jitbissimli. Anki meta nkun imqareb u mqarrba. U min ma jkunx imqarreb u mqarrba? Mhux kollha aħna hekk? Anzi, gwaj għal min jgħid li mhux u mhuwiex! L-għaliex ikun jew tkun qed tgħix gidba.

Ejja nibqa’ inħares lejn il-wiċċ għażiż tal-Ispirtu s-Santu. Iva, speċjalment meta niżbalja! U meta nintebaħ li nkun żbaljat nitolbu jaħfirli. Nitolbu jimlini bih. Nitolbu jsibli, kif għallimni ngħid Ġorġ tal-Mużew, Patri jew qassis bid-daħka f’wiċċu għax lilu l-midneb imur ifittxu! Nitolbu jsaħħaħli r-rieda dgħajfa tiegħi ħalli nagħmel is-sewwa skont kif jarah Hu!

Kuraġġ! U tagħtix każ x’jgħid fuqek ħaddieħor. Ħaddieħor dejjem se jgħid. L-importanti hu li int tmur fejn hu tassew tiegħek: għand il-Missier tagħna tas-Sema!

Mela, meta tiżbalja, kien x’kien l-iżball, bħalma niżbalja l-ewwel wieħed jien, dur lejn l-Ispirtu s-Santu u itolbu hekk: Spirtu s-Santu, int il-wiċċ daħkani tiegħi meta ħaddieħor joqgħod ikabbar ħtijieti fil-widnejn. Jiena nħobbok u nadurak. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: