Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Kliem fejqani għal żminijietna


Iż-żjara ta’ Papa Franġisku li wettaq fl-Eġittu mill-Ġimgħa 28 sas-Sibt 29 t’April kienet mimlija fejqan. Fejqan li din iż-żjara kienet tħaddan deher fil-ġesti u, fuq kollox, fil-kliem “mimli ħlewwa li … [ħareġ] minn fommu” (Lq 4:22).

Illum nixtieq li nieqaf ftit fuq id-diskors li l-Papa għamel nhar il-Ġimgħa, 28 t’April, fil-Konferenza Internazzjonali tal-Paċi li tlaqqgħet fiċ-ċentru tal-konferenzi Al-Azhar fil-Kajr. Dan il-kliem daqstant importanti li ħareġ minn fomm Papa Franġisku intqal fil-bidu taż-żjara ta’ jumejn fl-Eġittu li għamel. Qabel dan id-diskors il-Papa għamel żjara ta’ kortesija lill-President Eġizzjan Abdel-Fattah Al-Sisi.

Wara li sama’ b’attenzjoni d-diskors tal-ftuħ tal-Konferenza mill-Gran Imam ta’ Al-Azhar, Sheik Ahmad Al-Tayeb, il-Papa tħaddet fuq “il-wirt kulturali inestimabbli” li jħaddan il-pajjiż tal-Eġittu. Quddiem dan l-għerf u l-ġenjalità matematika, astronomika, arkittetonika u artistika l-Papa qal li jinħtieġ ftuħ fil-mentalità biex il-paċi tkun assigurata kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti u kif ukoll għal dawk tal-ġejjieni. Huwa ħeġġeġ biex ikun hemm djalogu interreliġjuż immarkat bir-rispett. Fil-viżjoni tal-Papa Franġisku dan it-tip ta’ djalogu huwa l-unika għażla għall-kultura ta’ laqgħa ċivilizzata. Il-konflitt joħloq “inċiviltà”.

Fid-diskors tiegħu l-Papa fakkar fil-viżta li għamel San Franġisk lis-Sultan Malik al Kamil, fl-Eġittu, daqs tmien sekli ilu. Huwa awgura li, bit-talb ta’ San Franġisk, “ix-xemx ta’ fraternità mġedda f’isem Alla titla’ f’din l-art xemxija u li tkun l-għodwa ta’ ċivilazzjoni ta’ paċi u ta’ laqgħa”. Papa Franġisku sejjaħ għal djalogu imsejjes fuq is-sinċerità u l-kuraġġ li wieħed jaċċetta d-differenzi. Għalhekk qal: “Tlett oqsma bażiċi, jekk inhuma marbutin sewwa ma’ xulxin, jistgħu jgħinu f’dan id-djalogu: id-dmir li wieħed jirrispetta l-identità tiegħu u dik tal-oħrajn, il-kuraġġ li jilqa’ id-differenzi u s-sinċerità tal-intenzjonijiet”.

Fid-diskors tiegħu li ta l-Papa qal li l-Mulej ta patt lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj. Għalhekk, issokta l-Papa, ir-reliġjon m’għandha qatt tiġi relegata għall-isfera privata. Ir-reliġjon hija, jgħid il-Papa, “dimensjoni essenzjali tal-persuna umana u tas-soċjetà”. Madankollu r-reliġjon m’għandha qatt tiġi konfuża mal-isfera politika jew tħalli lilha nnifisha tiġi ittentata mill-qawwiet tad-dinja li jippruvaw jisfruttawha kemm jifilħu.

Waqt l-indirizz tiegħu l-Papa fakkar ukoll li l-fidi u l-vjolenza ma jmorrux flimkien. Fil-fatt, fil-qalba tal-liġi mogħtija lil Mosè hemm il-kmandament ‘La toqtolx”. Dan ifisser li l-“vjolenza hija ċ-ċaħda ta’ kull espressjoni awtentika reliġjuża”. Hawnhekk juri ruħu d-dmir ta’ kull mexxej reliġjuż, jiġifieri dak li “‘jikxef’ il-vjolenza u l-egoiżmu li jippożaw bħala qdusija mifhuma.” Għalhekk il-Papa appella bil-qawwa lill-mexxejja tar-reliġjonijiet l-oħra: “Flimkien ejjew nisħqu li l-vjolenza u l-fidi, it-twemmin u l-mibgħeda ma jmorrux flimkien”. Il-Papa appella għal darb’oħra: “Ejjew niddikjaraw flimkien is-sagralità ta’ kull ħajja umana kontra kull forma ta’ vjolenza, sew jekk inhi fiżika, soċjali, edukazzjonali jew psikoloġika”.

Bħalma qal qablu x-Xejik Al-Tayeb Papa Franġisku tenna wkoll l-appell tiegħu għat-tmiem tal-kummerċ tal-armi. Huwa qal li jekk l-armi huma maħduma u mibjgħuha, “illum jew għada se jkunu użati”. Huwa biss meta jinġiebu għad-dawl “il-manuvri mtajna li jitimgħu l-kankru tal-gwerra li l-kawżi tagħha jistgħu jiġu evitati”.

Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu l-Papa Franġisku saħaq dwar l-importanza li wieħed jaħdem biex jelimina l-faqar u jikkumbatti l-mewġa kurrenti tal-populiżmu li ma jipprommovix il-paċi u l-istabbiltà. Il-Papa qal li kull azzjoni parzjali li ma tipprommovix soluzzjonijiet kostruttivi u maqsuma bejn kulħadd hija “don għal dawk li jipproponu r-radikaliżmu u l-vjolenza”. Huwa issokta jgħid li “dak li llum hemm bżonn huma dawk li jġibu l-paċi u mhux dawk li jiffumentaw il-konflitt; dawk li jitfu n-nar u mhux dawk li jqabbduh; predikaturi tar-rikonċiljazzjoni u mhux instigaturi tat-tiġrif”.

Tajjeb li, fid-dawl ta’ dan kollu, nagħmlu xi mistoqsijiet bil-għan li jibnuna bħala familja waħda nazzjonali. L-ewwel, kemm qiegħdin napprezzaw il-wirt kulturali inestimabbli tagħna? Nemmnu li l-konflitt bejnietna joħloq inċiviltà? Meta niddjalogaw bejnietna kemm qiegħdin tabilħaqq nirrispettaw l-identità tagħna u tal-oħrajn? Kemm, b’kuraġġ, qiegħdin nilqgħu d-differenzi ta’ bejnietna? Kemm qiegħdin ikunu sinċieri fl-intenzjonijiet tagħna? Kemm qed nemmnu u naħdmu biex ir-reliġjon tkun tassew dimensjoni essenzjali tal-persuna u tas-soċjetà tagħna? X’aħna nagħmlu biex ma nħalltux ir-reliġjon mal-isfera politika? X’aħna nagħmlu biex innadfu s-soċjetà tagħna mill-vjolenza u mill-mibgħeda mill-mod kif nitħaddtu, inġibu ruħna u niktbu? Kemm qed niddefendu tabilħaqq is-sagralità tal-ħajja umana? Kemm qed nippromovu l-ġid komuni u mhux il-populiżmu? Kemm qed nippriedkaw u naħdmu favur ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi bejnietna u mhux niffumentaw il-ġlied u inqabbdu n-nar?

Grazzi Papa Franġisku tal-kliem tiegħek li jfejjaqna bħala soċjetà.

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s