Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-fidi ssir kiesħa u ideoloġika jekk ma nagħtux widen għall-Ispirtu s-Santu

Il-fidi ssir kiesħa u ideoloġika jekk ma nagħtux widen għall-Ispirtu s-Santu


It-Tnejn 29 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-qlub, jispira, iqanqal l-emozzjonijiet. Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Hi u tistenna l-Pentekoste l-Knisja ssejħilna biex nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jinżel fi qlubna, fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet.

Il-Papa kien qed jikkummenta l-ewwel qari tal-liturġija tal-lum. Il-komunità ta’ Efesu kienet irċeviet il-fidi imma lanqas biss kienet taf li jeżisti l-Ispirtu s-Santu. Kienu nies twajbin, nies ta’ fidi, imma ma kellhomx ħjiel ta’ dar-rigal tal-Missier.

Meta Pawlu qiegħed idejh fuqhom, niżel fihom l-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu ħafna lingwi. Infatti l-Ispirtu jqanqal il-qlub kif naqraw fl-Vanġeli fejn Nikodemu, il-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm, is-Samaritana, il-midinba, kollha kienu mbuttati biex jersqu lejn Ġesù mill-Ispirtu s-Santu.

Allura liema post għandu fi qlubna l-Ispirtu s-Santu?, staqsa l-Papa. Għandi ħila nisimgħu? Għandi ħila nitolbu jnebbaħni biex nieħu deċiżjoni, ngħid xi kelma, jew nagħmel xi ħaġa? Jew qalbi hi kalma, mingħajr emozzjonijiet, qalb fissa?

Kieku lil ċerti qlub, kompla jgħid il-Papa, nagħmlulhom l-ECG spiritwali, insibu li s-sinjali kollha jibqgħu ċatti. Fil-Vanġeli wkoll insibu minn dawn in-nies, per eżempju d-dutturi tal-liġi: kienu jemmnu f’Alla, jafu l-kmandamenti kollha, imma qalbhom kienet magħluqa, wieqfa, ma kinux iħalluha tinkwetahom.

Għandna nħallu lill-Ispirtu s-Santu ‘jinkwetana’. Irridu nisimgħu u niddixxernu dak li jnebbaħ fi qlubna l-Ispirtu s-Santu, li hu l-Imgħallem tad-dixxerniment.

Persuna li ma tħossx dan it-tqanqil f’qalbha, li ma tagħrafx tiddixxerni dak li jkun qed jiġri, hija persuna bil-fidi kiesħa, fidi ideoloġika.

Dan kien id-dramm ta’ dawn id-dutturi tal-liġi li kienu jħaqquha ma’ Ġesù. Għaldaqstant aħna għandna nistaqsu lilna nfusna kif inhi r-relazzjoni tagħna mal-Ispirtu s-Santu.

Irrid nitolbu jmexxini fit-triq li għandi naqbad fil-ħajja ta’ kuljum. Itina l-grazzja li nagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin. It-tajjeb u l-ħażin mill-ewwel jintgħarfu minn xulxin, imma hemm ħażen moħbi li rridu noqogħdu attenti minnu. Nitlobha dil-grazzja?, staqsa mill-ġdid il-Papa, li kompla jgħid li dil-mistoqsija jixtieq idaħħalha f’qalb kulħadd.

Allura rridu nistaqsu lilna nfusna jekk qalbna hix inkwieta għax imqanqla mill-Ispirtu s-Santu. Kull meta nkunu se nagħmlu xi ħaġa nitolbu d-dawl mill-Ispirtu s-Santu biex inebbaħna għandniex ngħidu ‘iva’ jew ‘le’. Ma nistgħux nagħmlu l-kalkoli b’moħħna biss.

Fl-Apokalissi, San Ġwann jibda billi jistieden lis-seba’ Knejjes, is-seba’ djoċesijiet ta’ dak iż-żmien, biex jisimgħu dak li jgħidilhom l-Ispirtu s-Santu.

Ejjew nitolbuha aħna wkoll dil-grazzja, temm Franġisku, il-grazzja li nisimgħu dak li l-Ispirtu s-Santu qed jgħid lill-Knisja tagħna, lill-komunità tagħna, lill-parroċċa tagħna, lill-familja tagħna. U kull wieħed u waħda minna nitolbu l-grazzja li nitgħallmu l-lingwaġġ tas-smigħ biex nisimgħu lill-Ispirtu s-Santu.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: