Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ir-Ragħaj li jifhem li hu mhux iċ-ċentru tal-istorja jaf jinqata’ mill-merħla

Ir-Ragħaj li jifhem li hu mhux iċ-ċentru tal-istorja jaf jinqata’ mill-merħla


It-Tlieta 30 ta’ Mejju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ir-ragħaj veru jaf jinqata’ mill-merħla tiegħu, għax jaf li hu mhux iċ-ċentru tal-istorja imma bniedem ħieles, li serva mingħajr kompromessi u mingħajr ma għamel lill-merħla proprjetà tiegħu, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

L-omelija tal-Papa Franġisku kienet dwar l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli li, fil-fehma tal-Papa, nistgħu ntuh it-titlu: Il-firda tal-Isqof – Pawlu jsellem lill-Knisja ta’ Efesu li kien waqqaf hu stess, imma issa jeħtieġ li jitlaqha.

Aħna r-rgħajja kollha, xi darba jew oħra jkollna ninfirdu. Jasal il-waqt li l-Mulej jgħidilna: ‘mur xi mkien ieħor’, ‘mur hemm’, jew ‘ejja hawn’, jew ‘ejja għandi.’ U waħda mill-affarijiet li għandu jagħmel ir-ragħaj hi li jħejji ruħu biex jitlaq verament u mhux taparsi.

Ir-ragħaj li ma jitgħallimx kif jinfired mill-merħla aktarx għandu xi rabta li mhix imsoffija bis-Salib ta’ Ġesù.

Għalhekk, issokta Franġisku, Pawlu jsejjaħ lill-presbiteri kollha ta’ Efesu, qiesu qed ilaqqa’ kunsill presbiterjali, biex isellmilhom.  Franġisku nnota tliet atteġġjamenti tal-Appostlu: l-ewwel, hu jafferma li qatt ma qagħad lura: ‘Mhux att ta’ vanità,’ għax Pawlu jistqarr li hu l-akbar fost il-midinbin – jafu dan u jgħidu. Sempliċement jirrakkonta l-istorja.

Waħda mill-aktar affarijiet li tnissel paċi fil-qalb tar-ragħaj li jkun qed isellem għall-aħħar darba hi li jiftakar li qatt ma kien ragħaj tal-kompromessi, li ma mexxiex il-Knisja bil-kompromessi. Ebda ħin ma qagħad lura… u dan irid ikollok il-kuraġġ biex tgħidu.

It-tieni punt: Pawlu jgħid li sejjer Ġerusalemm għax imġiegħel mill-Ispirtu, mingħajr ma jaf dak li hemm jistennieh. Jobdi lill-Ispirtu għax ir-ragħaj jaf li jinsab f’mixja.

Waqt li kien imexxi l-Knisja, osserva l-Papa, Pawlu kellu l-atteġġjament li ma jagħmilx kompromessi; issa l-Ispirtu qed jistiednu biex jibqa’ miexi, mingħajr ma jaf x’se jiġri.

U jibqa’ miexi għax jaf li xejn m’hu tiegħu, li hu ma sarx is-sid tal-merħla. Qeda. Issa Alla jridni nitlaq? Nitlaq mingħajr ma naf x’se jiġri minni. Naf biss – l-Ispirtu kien nebbħu b’dan – li minn belt għal oħra qed jistennewni ktajjen u għawġ. Dak kien jafu.

Ma rtirax bil-pensjoni imma mar jaqdi Knejjes oħra. Dejjem b’qalb miftuħa għal-leħen ta’ Alla: dan li għandi, nitilqu, u mbagħad nara xi jrid minni l-Mulej. U r-ragħaj mingħajr kompromessi huwa ragħaj f’mixja.

Il-Papa spjega għaliex Pawlu ma ħassx li l-merħla kienet xi proprjetà tiegħu.

It-tielet punt: B’ebda mod ma nqis ħajti bħala xi ħaġa prezzjuża: mhix iċ-ċentru tal-istorja, kbira jew żgħira, imma hija qadi.

Kif tgħix tmut, kompla l-Papa, u kif tgħix ikollok ħila tinqata’ minn dawk li tkun taqdi. Pawlu jsellem bil-libertà, mingħajr kompromessi. Hekk għandu jagħmel ir-ragħaj.

B’dan l-eżempju tant sabiħ, temm il-Papa, nitolbu għar-rgħajja, għar-rgħajja tagħna, għall-kappillani, għall-isqfijiet, għall-Papa, sabiex ħajjithom tkun mingħajr kompromessi, tkun ħajja ta’ mixja u ħajja li fiha ma jidhrilhomx li jinsabu fiċ-ċentru tal-istorja, ħalli jitgħallmu jinqatgħu. Nitolbu għalhekk għar-rgħajja tagħna.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: