Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

L-Ispirtu s-Santu jkattar fina t-Tama


24. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 31 ta’ Mejju 2017.

Hekk kif qed toqrob is-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, ma nistgħux ma nitkellmux fuq ir-rabta li hemm bejn it-tama Nisranija u l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu hu r-riħ li jimbuttana ’l quddiem, li jżommna mexjin, li jgħinna nħossuna pellegrini u għorba, u ma jħalliniex noqogħdu komdi u nsiru poplu “wieqaf”.

L-Ittra lil-Lhud tqabbel it-tama ma’ ankra (ara 6:18-19); u ma’ din ix-xbieha nistgħu nżidu dik tal-qlugħ. Jekk l-ankra hi dik li tagħti s-sigurtà lid-dgħajsa u żżommha “ankrata” qalb it-taqlib tal-mewġ, il-qlugħ hu dak li jmexxiha ħa ssalpa qalb l-ilmijiet tal-baħar. It-tama hi tassew bħal qlugħ; hi tiġbor ir-riħ tal-Ispirtu s-Santu u tibdlu f’qawwa li ċċaqlaq id-dgħajsa, skont il-każ, ’il barra fil-fond jew lejn ix-xatt.

L-Appostlu Pawlu jagħlaq l-Ittra tiegħu lir-Rumani b’dan l-awgurju: isimgħu tajjeb, isimgħu sew x’awgurju sabiħ: “U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (15:13). Ejjew nirriflettu ftit fuq il-kontenut ta’ din il-kelma hekk sabiħa.

L-espressjoni “Alla tat-tama” mhux biss tfisser li Alla hu l-oġġett tat-tama tagħna, jiġifieri Dak li nittamaw li għad nilħqu jum wieħed fil-ħajja ta’ dejjem; tfisser ukoll li Alla hu Dak li diġà minn issa jagħtina t-tama, anzi jagħmilna “hienja fit-tama” (Rum 12:12): hienja issa li qed nittamaw, u mhux biss nittamaw li għad inkunu hienja. Hu l-ferħ tat-tama, diġà minn issa, u mhux nittamaw li xi darba għad nifirħu. “Sakemm hemm il-ħajja, hemm it-tama”, jgħid qawl popolari; u hu minnu wkoll il-maqlub ta’ dan: sakemm hemm it-tama, hemm il-ħajja. Il-bnedmin għandhom bżonn tat-tama biex jgħixu u għandhom bżonn tal-Ispirtu s-Santu biex jittamaw.

San Pawl – kif smajna – jattribwixxi lill-Ispirtu s-Santu l-ħila li jagħmel ukoll li “t-tama tagħkom toktor”. Li t-tama tagħna toktor ifisser li ma naqtgħu qalbna qatt; ifisser li nittamaw “kontra kull tama” (Rum 4:18), jiġifieri nittamaw ukoll meta jonqosna kull motiv uman biex nittamaw, kif ġralu Abraham meta Alla talbu biex joffrilu lil ibnu l-waħdieni, Iżakk, u kif seħħ, iżjed u iżjed, lill-Verġni Marija taħt is-salib ta’ Ġesù.

L-Ispirtu s-Santu jagħmel possibbli din it-tama qatt mirbuħa u ġo fina jixhed li aħna wlied Alla u werrieta tiegħu (ara Rum 8:16). Kif jista’ Dak li tana lil Ibnu l-waħdieni ma jagħtiniex kull ħaġa oħra miegħu (ara Rum 8:32)? “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:5). Għalhekk ma tqarraqx, għax hemm l-Ispirtu s-Santu fina li jimbuttana ’l quddiem, dejjem! U għalhekk it-tama ma tqarraqx.

Hemm iżjed minn hekk: l-Ispirtu s-Santu mhux biss jagħmilna kapaċi nittamaw, imma anki li niżirgħu t-tama, li nkunu aħna wkoll – bħalu u bil-qawwa tiegħu – “parakliti”, jiġifieri farraġa u difensuri ta’ ħutna, persuni li niżirgħu t-tama. Nisrani jista’ jiżra’ d-dwejjaq, jista’ jiżra’ t-taħwid, u dan mhuwiex Nisrani, u min jagħmel dan ma hux Nisrani tajjeb. Għax dan jiżra’ t-tama: jiżra’ ż-żejt tat-tama, jiżra’ l-fwieħa tat-tama u mhux il-ħall tal-imrar u tan-nuqqas ta’ tama. Il-Beatu Kardinal Newman, f’diskors tiegħu, qal hekk lill-fidili: “Mgħallma mill-istess tbatijiet tagħna, mill-istess uġigħ tagħna, anzi, mill-istess dnubiet tagħna, ikollna l-ħsieb u l-qalb tagħna mħarrġa għal kull opra ta’ mħabba lejn dawk li għandhom bżonnha. Inkunu, skont il-ħila ta’ kull wieħed u waħda, farraġa fuq ix-xbieha tal-Paraklitu – jiġifieri tal-Ispirtu s-Santu –, u f’kull sens ta’ din il-kelma: avukati, assistenti, dawk li jġibu l-faraġ. Il-kliem u l-pariri tagħna, l-imġiba tagħna, leħinna, ħarsitna, ikunu twajba u sereni” (Parochial and plain Sermons, vol. V, Londra 1870, pp. 300s.). U huma fuq kollox il-foqra, l-imwarrba, dawk mhux maħbuba, li għandhom l-aktar bżonn ta’ xi ħadd li jkun għalihom “paraklitu”, jiġifieri farraġ u difensur, bħalma l-Ispirtu s-Santu jagħmel ma’ kull wieħed u waħda minna, li ninsabu hawn fil-pjazza, farraġ u difensur. Aħna rridu nagħmlu l-istess ma’ dawk l-iktar fil-bżonn, mal-iktar mormija, ma’ dawk li l-aktar għandhom bżonn, dawk li qed ibatu l-iżjed. Difensuri u farraġa!

L-Ispirtu s-Santu jseddaq it-tama mhux biss fil-qalb tal-bnedmin, imma anki fil-ħolqien kollu. Jgħid l-Appostlu Pawlu – din donnha ftit stramba, imma hi vera: li anki l-ħolqien “jistenna bil-ħerqa” l-ħelsien u “jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (ara Rum 8:20-22). “L-enerġija li kapaċi ċċaqlaq lid-dinja mhix xi qawwa anonima u għamja, imma hi l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li ‘kien jittajjar fuq wiċċ l-ibħra’ (Ġen 1:2) fil-bidu tal-ħolqien” (Benedittu XVI, Omelija, 31 ta’ Mejju 2009). Anki dan iġagħalna nirrispettaw il-ħolqien: ma tistax tħammeġ kwadru u ma toffendix l-artista li ħolqu.

Ħuti, jalla l-festa li ġejja ta’ Għid il-Ħamsin – li hu jum għeluq snin il-Knisja – issibna f’għaqda waħda fit-talb, ma’ Marija, Omm Ġesù u ommna. U d-don tal-Ispirtu s-Santu jkattar fina t-tama. U ngħidilkom iżjed: ħa tgħinna naħlu t-tama ma’ dawk kollha li huma l-iktar fil-bżonn, l-iżjed mormija u għal dawk kollha li għandhom bżonnha. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s