Kemm idaħħkuni l-ħassieba tagħkom. Meta mingħalihom jien ma neżiżtix. Kemm jilgħaquni jkunu b’għerfhom kollu meta lili jaħsbuni li jien biss ideja jew kunċett!
Ħa nuriekom jien x’insarraf! Jiena bħalkom nattendi għall-quddiesa. U nattendieha ta’ nhar ta’ xogħol u nhar ta’ Ħadd. Bħalkom naf nindiehes, saħansitra nitla’ niġri fuq l-artal! Bija ma tintebħux għaliex denbi jien naħbih. Lanqas bil-qrejjen tiegħi ma tintebħu għalkemm xogħli nagħmlu sħiħ! Jien nħobb noqgħod bilqiegħda bħalkom fuq dawk il-bankijiet. U hekk kif intom troddu s-salib tal-quddiesa tagħkom jien nagħmel qrun kbir u nibda’ dawn il-ġrajjiet.
L-ewwel indur dawra sewwa mal-Knisja, ħa nara min ġie għal dik il-quddiesa. U hekk kif nagħmel il-kontijiet sewwa nibda’ l-ewwel round mal-qassiesa! Immur ngħid lil Karmnu, dak li joqgħod fuq il-bank. Ġo widnejh, waqt il-vanġelu, moħħu nagħmilulu xarabank! Nibda’ ngħidlu: “Ara Karm, dik! Ara x’libbset illum! Ittawlilha! X’għarakuża hux! Mela x’inhuma n-nisa tallum! Dawn in-nisa li hawn fostna! Kif jilbsu trid trodd is-slaleb kulfejn tkun!” U Karmnu, miskin, xi ħaġa hekk ikun irid! Biex moħħu jibda’ jitħawwad. U, fil-furja, malajr jaħseb li għadu ta’ xi għoxrin!
U hekk kif innissillu f’moħħu, ħsieb wara l-ieħor fuq dik u fuq l-oħra, Karmnu mill-ewwel idur lejn Ġustu, u jgħidlu kollox, basta mhux kelma b’oħra. Lil Ġustu wkoll ifixklu, għax jimlielu moħħu bit-tqassis. U jista’ jgħid biex insoddu widnejna għall-kliem fieragħ dak l-imsejken li hemm hemm fuq, il-qassis! Ara taħsbu li dak ma jgħaddix minn taħt idejja, l-għaliex jien lil kulħadd inpoġġi fil-prova. Ħalli mbagħad tassew jingħaraf min hu dgħajjef u min għandu fidi soda.
Mela jitla’ jippriedka l-Patri, minn fuq dak l-ambone tal-irħam. U jiena immur ħdejn dak li joqgħod, kważi kważi l-aħħar bank. U waqt li l-Patri jkun qed jitħaddet, b’dak in-Nar tal-għadu tiegħi, l-Ispirtu Qaddis, jien lil dan ir-raġel nimlielu rasu b’ħafna kliem ta’ tinġiż. Ngħidlu: “U dan il-Patri kemm se jdum iparla, ħlief iħarref ma joqgħodx. U int għamel xenata imbagħad tara jekk jiskotx! Oqgħod għid man-nies kemm idejqek. Imlielhom rashom b’ħafna gideb kontrieh. U mbagħad tara kif dawn l-imzazen jibilgħu kliemek. Li bih int taħqarhom għax isir jweġġa’ daqs l-eħrex vireg!
U mbagħad mhux ħa nibqa’ indur mar-raġel imma nittanta lil mara jiena wkoll. U waqt il-quddiesa nibda’ nbejtilha f’qalbha lil min għandha tħobb. “U għalfejn”, infesfsilha, “int għandek ikollok raġel wieħed? Kemm int belha! Il-ħajja tgħaddi! Imbilli jkollok miegħu sieħeb?” Inpinġilha l-isbaħ dinja tant li tiġri tixgħel it-3G. U waqt l-omelija tmur tfittex fuq l-internet għatxana lil min ġie ġie! Imbagħad f’widintha infesfsilha biex ma’ sħabha tmur ixxandar li l-quddiesa tal-qamel, ħela ta’ ħin. Għalhekk huma m’għandhomx għalfejn imorru biex bħalha jaħlu l-ħin!
U liż-żgħażugħ li ommu, tgħidx kemm ilha tgħidlu jmur għall-quddiesa. X’ngħidlu jekk mhux biex jixgħel il-mowbajl ħalli jiffranka l-kantaliena! Hekk insejħilha jien meta l-qassis li jemmen jibda’ jwiddeb lill-ġemgħa li tant iħobb. Għax kelma tajba lili iddejjaqni għax mal-infern lili tibda’ tross!
Imma l-għors tiegħi jkun meta nħuf ‘l hawn u l’hemm, mal-artal fejn ikun il-qassis. Kemm nieħu gost meta jseħħli ndawwarlu kliemu u minn qassis inġibu xi tabib! Irrid nisimgħu jittejorizza. Irrid narah isir l-aqwa professur. Imma ħej kemm ibeżżagħni meta jsir umli! Hemm iġibni mingħajr unur! Kemm ibeżżagħni fil-quddiesa dak il-Patri li jitlob. Li dejjem jħeġġeġ lin-nies ħa jitolbu bħalu. Kemm ikeċċini ‘l barra mill-Knisja meta f’kull kelma u ġest liturġiku li jagħmel iħobb minn qalbu lil għajru!
Intom mela, issa tafuni. Jiena x-xitan tal-qrun. Ħallikom miċ-ċuċċati u itolbu biex ittuni bil-bastun. Għax min imur u joqgħod attent għall-quddiesa, u jagħmel dak li jisma’ hemm, lili ikeċċini minn ħajtu u jerġa’ jitfagħni bil-ġiri fl-abbissi tal-infern!
Patri Mario Attard OFM Cap