Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Taqbadlix diskors!

Taqbadlix diskors!


Kont qed nieħu naqra kafè tajba filgħodu. Imsieħba sintendi minn biċċa ħobż bil-perżut u l-ġobon kif jafu jagħmlu tar-restorant. Kemm niżluli għasel! Sħan u tajbin! Bħall-pastizzi li jagħmel u jbiegħ dan ir-restorant partikulari.

Avolja kien il-Ġimgħa imma xorta waħda għażilt li nikolha. Ħeqq! Konna għadna fl-istaġun tal-Għid. Konna kważi kważi se nittrakkaw mas-solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej! Mela l-Għarus, li hu Ġesù, kien għadu magħna! U allura ejjew ħa “nagħmlu festa u nifirħu!” (Lq 15:32).

Kif kont qiegħed hemm, fir-restorant, ħiemed ħiemed, f’bidu ta’ jum ġdid u sabiħ kif taf tagħti r-Rebbiegħa Maltija, nixrob il-kafè u nżellaq ferħan ferħan dik il-biċċa ħobż tajba li kienet inxtewiet fit-toaster, tgħaddi persuna nafha. U, bħalma dejjem ngħidu, id-diskors dejjem idur. Waqt it-taħdit tagħna, u ma nafx kif, spunta dan il-kliem: “Kos hux! Tinnota kemm meta naqbżu l-erbgħin nibdew nagħmlu l-affarijiet aktar bil-mod? Int ġieli jiġrilek hekk? L-għaliex, ngħid għalija, jien dejjem hekk qed jiġrili”.

Ma kinitx kelma! Li kont infaqqalgħha bomba f’idejha żgur li ma kinitx taħsadha daqskemm ħasditha din l-imbierka kelma! Għalhekk, pronta pronta, qaltli: “Patri! Taqbadlix diskors!” Mill-mod kif kellimttni ntbaħt li kont qbiżt iż-żona l-ħamra. U allura l-klieb tar-rabja kienu hemm, lesti, ġejjin għalija b’ħeffa li ma ngħidilkomx! Iżda l-ħajja għallmittni li l-isfidi tagħha m’għandhiex nibża’ minnhom. Anzi! Għandi indawwarhom f’opportunitajiet!

U hekku li malli sibt ir-roqgħa tiegħi bdejt nitlob, naħseb, nirrifletti u nixtarr … Kemm hija suġġett iebes hux ix-xjuħija għal xi wħud! U kemm tabilħaqq ma jifilħuhiex! Ngħiduha kif inhi, is-soċjetà tagħna titfagħna ħemel snin lura dwar dan is-suġġett li m’huwa ippreferut xejn magħha! Is-soċjetà qatt ma tasal li tilqa’ x-xjuħija. Anzi! Il-moda tallum tara x’tagħmel biex lix-xjuħija tostorha kemm jista’ ikun! Tant li lanqas biss tażżarda issemmieha! Ix-xjuħija! Mà x’biża’!

Għax ix-xjuħija toffri problema kbira! Ċertu pjaċiri, bix-xjuħija, jkollhom, iridu jew ma jridux, jispiċċaw. Ċertu avventuri jkollhom josfru minn fuq il-mappa tad-divertiment uman. U, ċertu ħruġ ikollu jmajna sa ma jintemm fix-xejn! U din tassew li hi problema kbira ħbieb! Imma, u l-agħar tbatija li wieħed jgħaddi minnha fix-xjuħija hija dik li ma jsibx min jgħaddilu l-kumplimenti li kien jgħaddilu jew kien jgħaddilha meta kienu iżgħar. L-għaliex issa jien qed nixjieħ! M’għadnix il-mara ħelwa u r-raġel sabiħ ta’ qabel. Allura qed nirriskja li jitfgħuni f’ġenb u qajla jkunu jridu jafu bija!

Issa quddiem din il-problema jew virus ikrah li hawn idur, u li jismu stmerrija lejn ix-xjuħija, jiena irrikorrejt ftit sal-Ispiżerija tal-Ispiżeriji. Li hi l-Kelma ta’ Alla, il-Bibbja. U fiha rajt x’inhi l-viżjoni li toffrilna dwar ix-xjuħija. U x’sibt ħbieb?

L-anzjani huma dawk li jħaddnu ħafna għerf u jagħtu ħafna pariri. Il-ktieb ta’ Bin Sirak jgħidilna hekk: “Tonqosx tagħti kas ta’ kliem ix-xjuħ, għax huma wkoll tgħallmu mingħand missirijiethom; mingħandhom titgħallem tkun bil-għaqal, u meta jenħtieġ tkun tista’ tagħti tweġiba” (Sir 8:9). Minn naħa tiegħu l-ktieb ta’ Ġob jgħidilna: “M’hux fix-xjuħija ssibu l-għerf? M’hux il-ħajja twila li ġġib d-dehen?” (Ġob 12:12). Fl-istess ktieb insibu hekk: “Kont inżomm li l-jiem jitkellmu, u l-ħafna snin jgħallmu l-għerf” (Ġob 32:7). Ix-xjuħija hija l-inkurunazzjoni tal-glorja. Isimgħu xi jgħid il-ktieb tal-Proverbji: “Il-foħrija taż-żgħażagħ hi saħħithom, u l-bjuda ta’ xagħarhom il-ġieħ tax-xjuħ” (Prov 20:29). Barra minhekk il-Mulej jisma’ it-talb tal-anzjani. Jgħidilna l-ktieb tal-Ġenesi: “U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u għamel magħha dak li kien wegħedha. U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla. U Abraham semma ‘l ibnu li twelidlu, li kienet wilditlu Sara, Iżakk” (Ġen 21:1-3).

Għall-Kelma ta’ Alla l-anzjani għandhom jiġu rispettati bil-bosta. Tgħidilna l-Ewwel Ittra lil Timotju: “Lil min hu mdaħħal fiż-żmien tiħdux bl-aħrax, imma wissih qisu missierek” (1 Tim 5:1). Filwaqt li l-ktieb tal-Levitiku jgħidilna: “Qum quddiem ix-xiħ, b’xagħru abjad, u agħtih qima u ibża’ minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej” (Lev 19:32).

U issa isma’ kelma ta’ tħeġġiġa lilek għażiż azjan, għażiża anzjana, minn anzjan bħalek, Papa Franġisku. Kelma li sa tagħmillek ħafna kuraġġ f’ħajtek! Din il-kelma dan il-Papa anzjan qalha nhar L-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2015.

“Għeżież nanniet, għeżież anzjani, ejjew nimxu fuq l-istess passi ta’ dawn ix-xjuħ straordinarji [Xmun u Anna]! Insiru aħna wkoll xi ftit poeti tat-talb: nieħdu gost nagħżlu l-kliem tagħna, nagħmlu tagħna dak li tgħallimna l-Kelma ta’ Alla. Hu don kbir għall-Knisja, it-talb tan-nanniet u ta’ l-anzjani! It-talb ta’ l-anzjani u tan-nanniet hu don għall-Knisja, hu għana kbir! Injezzjoni kbira ta’ għerf anki għas-soċjetà umana kollha kemm hi: fuq kollox għal dik li hi wisq medhija, wisq imħabbta, wisq aljenata”.

Mela nannu, nanna, anzjan u anzjana, oħroġ dik il-kuruna mill-pocket tagħha u żebbeġ! Iva żebbeġ! U żebbeġ kemm tiflaħ ir-Rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina! Issa għal dawk. Imbagħad għall-oħrajn. Issa għall-pajjiżna u mbagħad għad-dinja. Issa għal dawk li joqgħodu fil-Belt jew raħal tiegħek u mbagħad għal dawk li joqgħodu f’oħrajn. Qiegħdin fejn qiegħdin. Mhux importanti biss għal min titlob. Imma mportanti ħafna, u fuq kollox, għal min il-Mulej, bl-Ispirtu Qaddis tiegħu, jurik li għandek titlob. Oh x’missjoni kbira għandek bit-talb tiegħek! Lanqas int stess ma taf! Jew aħjar tkun taf meta tkun fil-Ġenna miegħu. Imbagħad tkun tista tara l-bizzilla kollha maħduma quddiem għajnejk! U aqta’ kemm tieħu gost! Tifraħ! U tinfexx f’għana ta’ tifħir lilu għal kemm ittul l-eternità. Jiġifieri għal dejjem!

U għalik, li għadek qed tikber, u li tibża’ mix-xjuħija, dan il-Papa anzjan, f’diskors li għamel nhar l-4 ta’ Marzu 2015, jgħidlek: “Il-Knisja ma tistax u ma tridx taqa’ għall-mentalità ta’ nuqqas ta’ sabar, u wisq inqas ta’ indifferenza u ta’ disprezz, fil-konfront tax-xjuħija. Jeħtieġ inqajmu mill-ġdid is-sens kollettiv ta’ gratitudni, ta’ apprezzament, ta’ ospitalità, li lil min hu anzjan jagħmlu jħossu parti ħajja mill-komunità tiegħu.” Wara kollox hemm il-Kelma ta’ Alla li, kontinwament, tfakkarni biex qatt u qatt ma naħsel idejja milli nwettaq dan id-dmir daqshekk importanti għas-soċjetà tagħna, għall-Knisja u għad-dinja.

“Ibni, ieqaf ma’ missierek fi xjuħitu, u matul ħajtu tweġġagħlux qalbu. Ukoll jekk moħħu jeħfief, għadru, u tonqsux mill-ġieħ meta għadek b’saħħtek, għax il-ħniena ma’ missierek ma tintesiex, imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek. F’jum l-għawġ tiegħek il-Mulej jiftakar fik, u hekk jgħibu dnubietek bħal ġlata fix-xemx. Daqs midgħi min jitlaq lil missieru waħdu, u misħut mill-Mulej min jgħaddab lil ommu” (Sir 3 :12-16).

Mulej, nitolbok aqbadli d-diskors dwar ix-xjuħija. Fakkarni fiha. Ħa nara kif ħa nħallik tagħmel ħafna ġid bija. Anki f’dan l-istat ta’ ħajti. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: