It-Tnejn 5 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
L-opri tal-ħniena m’għandhomx ikunu l-għoti tal-karità biex inserrħu l-kuxjenza, imma li naqsmu t-tbatija tal-oħrajn anke jekk dan ikun ta’ riskju għalina u jiskomodana. Dan qalu l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, festa ta’ San Bonifaċju martri, appostlu tal-Ġermanja.
Il-Papa ħa spunt mill-ewwel qari meħud mill-Ktieb ta’ Tobija. L-Għebrej kienu ġew eżiljati fl-Assirja. Raġel tajjeb, bl-isem ta’ Tobit, jgħin lil sħabu ko-nazzjonali foqra anke b’riskju personali, u bil-moħbi jidfen lill-Għebrej li kienu jinqatlu mingħajr ebda akkuża.
Tobit iħoss għafsa ta’ qalb quddiem it-tbatija tal-oħrajn. Minn hawn jiġi li rridu nagħmlu l-14-il opra tal-ħniena, is-7 korporali u s-7 spiritwali. Meta nwettquhom, qal Franġisku, ma jfissirx biss li aħna naqsmu ma’ ħaddieħor dak li għandna, imma jfisser ukoll li nikkumpatixxu.
Fi kliem ieħor, inbatu ma’ min ibati. Opra tal-ħniena mhix li tagħmel xi ħaġa biex isserraħ il-kuxjenza: nagħmel opra tajba u b’hekk inħossni kalm, qiesni neħħejt xi piż minn fuq spallejja….. Le!
L-opra tal-ħniena tfisser li jien inbati t-tbatija ta’ ħaddieħor. Il-qsim u l-kumpassjoni jmorru flimkien. Il-bniedem ħanin hu dak li jaf jaqsam u jitħassar il-problemi tal-ieħor.
Minn hawn toħroġ il-mistoqsija: Jiena naf naqsam? Jien ġeneruż/ġeneruża? Meta nara lil ħaddieħor qed isofri, jinsab f’diffikultà, insofri jiena wkoll? Naf inqiegħed lili nnifsi minflok l-ieħor?
Il-Lhud eżiljati fl-Assirja ma kellhomx permess li jidfnu lil sħabhom li jkunu nqatlu. Għalhekk Tobit kien qed jirriskja. Jiġifieri li l-opra ta’ karità mhix biss li taqsam u titħassar, imma wkoll li tirriskja, afferma l-Papa.
Nirriskjaw tant drabi. Jekk naħsbu x’ġara hawn f’Ruma fl-eqqel tal-gwerra, naraw kemm nies irriskjaw, ibda mill-Papa Piju XII, biex jaħbu lil-Lhud ħalli ma jinqatlux jew ikunu deportati. Kienu jirriskjaw ġildhom. Imma kienet opra tal-ħniena li ssalva l-ħajja ta’ dawk in-nies.
Il-Papa Franġisku tkellem ukoll dwar żewġ aspetti oħra. Min jagħmel opri tal-ħniena jaf isib min jiddieħak bih, kif ġralu Tobit, għax jitqies bħala bniedem li jagħmel affarijiet tal-ġenn minflok joqgħod bi kwietu.
L-opra tal-ħniena trid tiskomoda: jien għandi ħabib, ħabiba, morda, nixtieq immur narahom imma m’għandix aptit… nippreferi noqgħod nara t-televixin, nistrieħ… noqgħod bi kwieti. L-opra tal-ħniena hi minnha nfisha skomda. Iżda l-Mulej skomda ruħu għalina bis-salib. Skomda ruħu biex jagħtina l-ħniena.
Min għandu ħila jagħmel opra tal-ħniena, saħaq il-Papa, jaf li ħaddiehor kien ħanin miegħu qabel. Dan kien il-Mulej li wera ħnientu magħna.
U jekk aħna nagħmlu dawn l-opri nafu li l-Mulej għamilhom magħna qabel. Naħsbu ftit fi dnubietna, fl-iżbalji tagħna, u kif il-Mulej ħafrilna: ħafrilna kollox, kellu dil-ħniena magħna, u aħna għandna nagħmlu l-istess ma’ ħutna.
L-opri tal-ħniena, temm jgħid il-Papa Franġisku, huma dawk li jneħħu l-egoiżmu minna u jagħmluna xbieha ta’ Ġesù għax inkunu qed nimitawh aktar mill-qrib.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija