Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Omelija tal-Isqof Mario Grech – Funeral ta’ Mons. Ġwann Mercieca

Omelija tal-Isqof Mario Grech – Funeral ta’ Mons. Ġwann Mercieca


It-Tnejn 5 ta’ Ġunju 2017: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, fil-Funeral ta’ Mons. Ġwann Mercieca, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, illum it-Tnejn 5 ta’ Ġunju 2017.

Mons. Gwann Mercieca

Mons. Gwann Mercieca

 

BDIEWA RESPONSANBLI MILL-GĦALQA TAD-DWIELI

Ftit ilu ġiet persuna qaltli espressjoni li bħal xafra taqta’ xaqqitli qalbi! Kellmitni dwar saċerdot li miet. Qaltli: “Nixtieq naqilgħu mill-qabar biex nobżoqlu f’wiċċu”. Meta dan il-kliem ħabat ma’ widnejja, ħassejtni nistħi, umiljat u mċekken! Naf li intom is-saċerdoti m’intomx tieħdu gost b’dan li qed ngħid, u forsi hawn min diġà ħareġ idejh biex jilqa’ billi jiskredita lil din il-persuna għax giddieba, qed tesaġera, tivvinta, u aktar. Mingħajr ma nidħol fil-mertu jekk din il-persuna kenitx qed tgħid il-verità, nistedinkom nagħmlu ftit eżami ta’ kuxjenza, għax mhux daqshekk impossibbli li b’xi mod jew ieħor inkunu weġġajna l-proxxmu u nqanqlu reazzjonijiet gravi bħal dawn! Din il-persuna weġġgħet għax għal diversi snin ħassitha użata.

Fil-Vanġelu tal-lum, meta jindirizza direttament lill-qassisin, lill-kittieba u lix-xjuħ tal-poplu (Mk 12:1-12), Ġesù għandu kelma li għandha tqajjem ġisimna xewk xewk. Huwa jgħid li s-sid tal-għalqa tad-dwieli “qabbilha lil xi bdiewa”. Dawn il-bdiewa huma l-qassisin li lilna ġiet fdata l-kura pastorali tal-bnedmin. Il-bdiewa huma l-establishment reliġjuż! Meta s-sid bagħat lill-qaddejja tiegħu “għand dawk il-bdiewa” biex jagħtuh rendikont, dawn ġabu ruħhom daqslikieku l-għalqa tad-dwieli kienet tagħhom. Ħatfuha u għamluha tagħhom. Għamluha proprjetà privata. Ippossedewha u riedu jamministrawha kif ifettlilhom. Minflok ma ħadu ħsieb l-għalqa f’isem is-sid, aġixxew f’isimhom proprju. Il-bdiewa sfruttaw l-għalqa għall-interessi u l-gwadann personali tagħhom. Dan ifakkarni fi kliem il-profeta Eżekjel lir-ragħajja ta’ Israel li flok jirgħu n-nagħaġ, kienu jirgħu lilhom infushom: “Intom tixorbu l-ħalib u tilbsu s-suf tagħhom, toqtlu n-nagħaġ imsemmna u l-merħla ma tirgħuhiex” (34:2-3).

Dak li jingħad għall-bdiewa xi drabi jista’ jgħodd għalina s-saċerdoti wkoll, jiena magħkom. Irridu ngħassu fuqna nfusna biex ma naħkmu jew nippossedu lil ħadd. Niżbaljaw bl-ikrah jekk nagħmlu mill-persuna jew mill-komunità proprjetà privata tagħna. Xi drabi nipprivatizzaw l-istess ministeru saċerdotali tagħna. Huwa possibbli li aħna niddubbaw bl-istess ministeru jew bil-komunità għall-interessi tagħna – jistgħu jkunu interessi qaddisa jew ta’ valur għoli, imma dejjem huwa ħażin, għax inkunu nużaw in-nies. Aħna ma aħniex sidien tal-għalqa tad-dwieli, imma sempliċi qaddejja. Gwaj jekk aħna nużaw il-ministeru biex nistagħnew f’kull sens tal-kelma! Aħna namministraw f’isem Alla u f’isem il-Knisja, u għalhekk jonqos gravament min jamministra għal rasu, b’għanijiet egoistiċi jew indipendentament mill-komunità. Agħar u agħar jekk nabbużaw mill-ministeru sagru tagħna biex neżerċitaw xi pressjoni ta’ kull xorta fuq ħaddieħor. Dan jista’ jseħħ meta aħna nippruvaw inxekklu l-libertà ta’ xi ħadd jew meta taħt il-pretest tar-reliġjon, nippromovu mġiba antievanġelika. Jista’ jseħħ ukoll meta niddominaw il-kuxjenza tal-oħrajn. Huwa dmir tagħna li aħna nipprietkaw il-verità biex indawlu l-kuxjenza, imma ma nistgħux naħtfu l-kuxjenza ta’ ħaddieħor.

Nosservaw ftit kif is-sid ħa ħsieb l-għalqa tad-dwieli: ħawwilha bid-dwieli, tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar u bnielha torri. Bħala amministraturi din hija l-missjoni tagħna: niżirgħu l-Kelma; nagħmlu lqugħ biex l-irjieħ li jonfħu fuq id-dwieli ma jkissruhomx; inħaffru magħsar biex ikollhom l-inbid, li huwa simbolu tal-ħajja u l-ferħ; u nibnu torri biex nindukraw l-għalqa!

F’din il-parabbola għadna teoloġija tal-istorja. Il-bdiewa daqqa huma fidili u daqqa nieqsa mill-fedeltà, daqqa huma leali u daqqa le, daqqa huma responsabbli u daqqa bil-kontra, daqqa jimxu wara Alla u daqqa jwarrbu lil Alla! Din hija l-istorja ta’ dejjem u ma għandniex għaliex ninħasdu jekk naraw dawn il-ġrajjiet iseħħu fi żminijietna! Imma ninnutaw il-paċenzja kbira li Alla għandu mal-bniedem! Għalkemm kull darba li kien jibgħatilhom qaddej biex jiġbor is-sehem li kien imiss lilu mill-frott tal-għalqa, il-bdiewa kienu jsawtuh, jibagħtuh ’il barra, jagħtuh fuq rasu u saħansitra joqtluh, Alla ma jaqtax qalbu minnhom, ma jitlaqhomx, anqas ma jikkastigahom, imma fl-aħħar bagħtilhom lil Ibnu l-għażiż. Imma Ibnu ġie, u l-istituzzjoni reliġjuża, li suppost qiegħda hemm biex tlaqqa’ lil Alla mal-bniedem, ma għarfitux! Dan ifakkarni fir-rumanz ta’ Dostoevskj L-aħwa Karamazov fejn Ivan jirrakkonta li meta fis-seklu sittax Kristu reġa’ ġie fid-dinja, eżattament f’Seviglia, qabel ma n-nies irrikonoxxietu, l-Inkwiżitur, uffiċċjal reliġjuż, arrestah u reġa’ bagħtu lura mnejn ġie – għax l-ideali evanġeliċi kienu ser iħarbtulu l-proġetti li kellu! Żgur li Kristu qiegħed fostna llum, imma jekk ma nkunux attenti, nagħmlu bħall-Inkwiżitur.

Sabiex meta nersqu quddiem Alla wiċċna ma jkollux għax jiħmar meta jistaqsina nagħtuh dak li jmiss lilu mill-għalqa tad-dwieli, aħna s-saċerdoti għandna bżonn inkunu “tiegħu”. Jekk inkunu bnedmin ta’ Alla, il-ħidma tagħna tkun waħda li għandha x’taqsam ma’ Alla. Ħa ngħinu lill-bniedem jiskopri mill-ġdid id-dimensjoni spiritwali; imma jekk ma nkunux mimlija bl-ispirtu ta’ Alla, ma nistgħux nagħtu minn dak li ma għandniex.

Dun Ġwann Mercieca, barra li kien għalliem, kien bniedem li jfittex lil Ġesù speċjalment fl-Ewkaristija. Jgħiduli li meta kull nhar ta’ Ħamis ikun hawn is-siegħa adorazzjoni għall-kleru, hu kien ikun hawn quddiem l-Ewkaristija (xi wħud minna jkollna ħafna x’nagħmlu u ma mmorrux!). Huwa minn din l-għajn li Dun Ġwann kien jixrob l-enerġija spiritwali biex seta’ jgħix is-saċerdozju tiegħu b’mod eżemplari. Jekk nittraskuraw it-talb, ma nkunux kapaċi nieħdu ħsieb l-għalqa tad-dwieli mqabbla għandna. Il-mistiku Meister Eckhart kien jgħid li “għandna bżonn nitolbu lil Alla biex neħilsu minn alla” – fis-sens li fit-talb veru aħna niskopru li għandna ċerti fehmiet dwar Alla, ir-reliġjon u s-saċerdozju, li forsi ltqajna magħhom fit-teoloġija li tgħallimna lbieraħ jew ħloqniehom aħna matul iż-żmien, li hemm bżonn nirriformawhom.

Dun Ġwann kien konfessur imfittex. B’ħafna tjubija kien jilqa’ lill-bniedem li jonqos mill-fedeltà tiegħu lejn Alla. Waqt li skont San Mark hu Ġesù nnifsu li jwieġeb għall-mistoqsija dwar x’ser jagħmel sid il-għalqa meta jara tant infedeltà, San Mattew ipoġġi t-tweġba fuq fomm il-qassisin u l-kittieba li jwieġbu hekk: “Jiġi jeqred il-bdiewa”. Tweġiba vjolenti u kollha rabja! Imma din mhix it-tweġiba t-tajba, tant li Ġesù jkompli jfakkarhom: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”. Għax il-ġebla mwarrba tirreferi għat-tradiment, il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu. Għalkemm il-ġebla titwarrab, Ġesù jibqa’ jħobb. Dan ifisser li anki meta aħna ma nkunux mismugħa, ma nsibux koperazzjoni, ma nkunux aċċettati, forsi wkoll jiddieħku bina għax nitkellmu f’isem Alla, aħna qatt ma għandna nikkundannaw jew numiljaw lil ħadd, imma nibqgħu nħobbu u naħfru. Meta mnħabba l-ministeru tagħna, aħna ngħaddu minn mument ta’ tbatija, inżommu quddiem għajnejna li fi kliem Kristu, il-ġebla mwarrba ssir il-ġebla li fuqha jistrieħ il-poplu ta’ Alla. Dun Ġwann bata ħafna għall-Knisja. Għalkemm għex ħajja sempliċi u fil-moħbi, iċ-ċirkustanzi poġġewh fil-qalba tal-Knisja lokali. Madwar il-fdalijiet tiegħu, niftakru li lkoll irridu nidhru quddiem Alla!

Poplu ta’ Alla, nirrakkomandalkom biex titolbu ħafna għalina biex ma nidħlux fit-tiġrib. Fuq kollox tkunux intom li ddaħħluna fit-tiġrib fis-sens li titolbu minna dak li ma għandux x’jaqsam mal-ministeru saċerdotali tagħna. Jekk titolbuna ħwejjeġ bħal dawn, flok ma tgħinuna, tkunu tfixkluna. Kull meta jonqos saċerdot, jien dejjem inħeġġeġ biex nitolbu għal aktar vokazzjonijiet. Il-vokazzjonijiet ma jiġux frott tal-attiviżmu tagħna jew il-kapaċità organizzattiva tagħna. Jista’ jkollna vokazzjonijiet saċerdotali biss jekk aħna s-saċerdoti nagħtu eżempju tajjeb. Wennsuna bit-talb u s-sagrifiċċji tagħkom.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: