L-ipokrisija teqred il-komunitajiet – il-lingwaġġ tan-Nisrani għandu jkun il-verità

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 6 ta’ Ġunju 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-ipokrisija mhix il-lingwaġġ ta’ Ġesù u lanqas għandha tkun il-lingwaġġ tan-Nisrani għax l-ipokrisija taf toqtol il-komunitajiet. Hekk afferma l-Papa Franġisku llum, waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, filwaqt li żied li, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, il-lingwaġġ tan-Nisrani għandu jkun il-verità.

 

L-omelija tal-Papa kienet dwar l-ipokrisija, dil-kelma li Ġesù juża tant drabi biex jiddeskrivi d-dutturi tal-liġi. Huma ipokriti għax juru ħaġa imma jkunu jaħsbu oħra, kif juri l-istess oriġini tal-kelma.

Dawn id-dutturi tal-liġi, issokta Franġisku, ilabalbu, jiġġudikaw, imma jaħsbu differenti. Din hi l-ipokrisija.

L-ipokrisija mhix il-lingwaġġ ta’ Ġesù u lanqas tal-Insara, tenna l-Papa. In-Nisrani ma jistax ikun ipokrita u ipokrita ma jistax ikun Nisrani. Dan hu ċar. Dan hu l-aġġettiv li Ġesù juża bosta drabi ma’ dawn in-nies: ipokriti.
L-ipokrita dejjem hu impostur; kemm jekk ħafna u kemm jekk ftit, xorta waħda jibqa’ impostur.

Dawn in-nies jippruvaw jonsbu lil Ġesù. Min hu impostur jaf ma jgħidx il-verità, jesaġera, tikber fih il-vanità.

Hawnhekk il-Papa fakkar storja ta’ qassis li kien jafu żmien ilu li kien jintefaħ b’kull kumpliment li kienu jagħmlulu. Din kienet id-dgħufija tiegħu. L-impostur dejjem ikollu xi għan ħażin, kompla jgħid Franġisku. Hu proprju l-każ tad-dutturi tal-liġi, kif jirrakkuntalna l-pass tal-Vanġelu tal-lum. Huma jippruvaw jonsbu lil Ġesù biex iġagħluh jiżbalja: ‘Hu sew li nħallsu t-taxxi lil Ċesri?’

L-ipokrita għandu żewġ uċuħ. Imma Ġesù, li jaf bl-ipokrisija tagħhom, jgħidilhom ċar u tond: ‘Għaliex tridu ġġarrbuni? Ġibuli dinar biex narah.’

Lill-ipokriti u lil min hu idealista, Ġesù dejjem iweġibhom bir-realtà. Iweġibhom bl-għerf tiegħu ta’ Mulej: ‘Agħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri u lil Alla dak li hu ta’ Alla.’

It-tielet aspett, issokta jgħid il-Papa, hu li l-lingwaġġ tal-ipokrita hu lingwaġġ ta’ ingann, l-istess lingwaġġ tas-serpent ma’ Eva.

Jibda bl-impostura biex jeqred il-persuni u saħansitra jċarrat il-personalità u r-ruħ ta’ dak li jkun. Jeqred il-komunità.

Meta f’komunità jkun hemm l-ipokriti – widdeb il-Papa – ikun hemm periklu kbir, periklu ikrah ħafna.

Il-Mulej Ġesù qalilna: ‘Ħallu kliemkom ikun iva, iva, u le, le. Il-kliem żejjed jiġi mill-malinn.’

Kemm tagħmel ħsara lill-Knisja l-ipokrisija!, ilmenta l-Papa. U wissa biex nitħarsu minn dawk l-Insara li jaqgħu f’dan l-atteġġjament ta’ dnub qerriedi.

L-ipokrita jaf jeqred komunità, tenna l-Papa. Kliemu ħelu imma l-ġudizzju tiegħu ħażin. Allura rridu niftakru li lill-impostur irridu nweġbuh bil-verità, bir-realtà. Fl-aħħar mill-aħħar l-ipokrisija hi l-lingwaġġ tax-xitan li jiżra’ l-ilsna doppji fil-komunitajiet biex jeqridhom.

Nitolbu lill-Mulej biex jeħlisna milli naqgħu f’dal-vizzju tal-ipokrisija, li nirtukkaw l-atteġġjament tagħna b’intenzjonijiet ħżiena. Jalla l-Mulej itina dil-grazzja, temm jgħid il-Papa:  Mulej, tħalli qatt li jien inkun ipokrita.  Agħmel li nagħraf ngħid il-verità, u jekk ma nkunx nista’ ngħidha, nagħlaq ħalqi, imma qatt u qatt ma nkun ipokrita.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: