Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-paternità ta’ Alla, għajn tat-tama tagħna


25. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 7 ta’ Ġunju 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Kien hemm xi ħaġa li tiġbdek fil-mod kif kien jitlob Ġesù, tant tiġbdek li darba d-dixxipli tiegħu talbuh jurihom kif. L-episodju nsibuh fil-Vanġelu ta’ Luqa, li fost l-evanġelisti hu dak li l-aktar iddokumenta l-misteru ta’ Kristu “jitlob”: il-Mulej kien jitlob. Id-dixxipli ta’ Ġesù jintlaqtu mill-fatt li hu, speċjalment filgħodu u filgħaxija, kien jinġabar waħdu u “jintilef” fit-talb. U għalhekk, jum fost l-oħrajn, talbuh jgħallem lilhom ukoll (ara Lq 11:1).

U għalhekk Ġesù jgħaddilhom dik li saret it-talba Nisranija per eċċellenza: il-Missierna. Biex ngħidu kollox, Luqa, meta mqabbel ma’ Mattew, jagħtina t-talba ta’ Ġesù f’forma xi ftit iqsar, li tibda bl-invokazzjoni sempliċi: “Missier” (v. 2).

Il-misteru kollu tat-talb Nisrani jinġabar hawn, f’din il-kelma: li ssib il-kuraġġ issejjaħ lil Alla bl-isem ta’ Missier. Dan taffermah ukoll il-liturġija meta, hija u tistedinna ngħidu flimkien it-talba ta’ Ġesù, tuża l-espressjoni: “ejjew nitolbu”.

Fil-fatt, li nsejħu lil Alla bl-isem ta’ “Missier” xejn mhi ħaġa ovvja. Inħossuna aktar komdi ninqdew b’titli iktar għoljin, li jidhrilna li juru iżjed rispett lejn it-traxxendenza tiegħu. Imma meta nsejħulu “Missier”, insibu ruħna f’relazzjoni ta’ kunfidenza miegħu, bħal tfajjel li jdur lejn missieru, għax jaf li hu maħbub minnu u għażiż għalih. Din hi r-rivoluzzjoni l-kbira li l-Kristjaneżmu ġab fil-psikoloġija reliġjuża tal-bniedem. Il-misteru ta’ Alla, li dejjem isaħħarna u quddiemu nħossuna hekk żgħar, issa m’għadux ibeżżagħna, ma jkeċċiniex, ma jġagħalniex nistħu. Din hi rivoluzzjoni diffiċli biex nilqgħuha fir-ruħ tagħna ta’ bnedmin; tant hu hekk li mqar fir-rakkonti tal-Qawmien jingħad li n-nisa, wara li raw il-qabar vojt u l-anġlu, “tbiegħdu b’ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’” (Mk 16:8). Imma Ġesù jurina li Alla hu Missier twajjeb, u jgħidilna: “Tibżgħux!”.

Ejjew naħsbu fil-parabbola tal-Missier ħanin (ara Lq 15:11-32). Ġesù jirrakkonta l-istorja ta’ missier li għal uliedu għandu biss imħabba. Missier li ma jikkastigax lil ibnu għall-arroganza tiegħu u li jasal saħansitra biex jafdalu s-sehem tiegħu mill-wirt u jħallih jitlaq mid-dar. Alla hu Missier, jgħidilna Ġesù, imma mhux bil-mod uman, għax m’hemm l-ebda missier f’din id-dinja li kien sa jġib ruħu bħall-protagonista ta’ din il-parabbola. Alla hu Missier bil-mod tiegħu: twajjeb, ma jtellax ħitan quddiem l-għażla ħielsa tal-bniedem, kapaċi biss jikkonjuga l-verb “tħobb”. Meta l-iben ribelli, wara li jkun berbaq kollox, sa fl-aħħar jerġa’ lura d-dar, dak il-missier miegħu ma jħaddimx il-kriterji tal-ġustizzja umana, imma jħoss qabelxejn il-bżonn li jaħfer, u bit-tgħanniqa tiegħu juri lil ibnu li matul dak iż-żmien twil tan-nuqqas tiegħu hu bkieh, b’uġigħ ta’ qalb ħass in-nuqqas tiegħu għax ma setax jagħtih imħabbtu ta’ missier.

X’misteru bla qies hu dan Alla li għandu din it-tip ta’ mħabba għal uliedu!

Forsi għalhekk li, f’riflessjoni dwar il-qalba tal-misteru Nisrani, l-Appostlu Pawlu ma jħossx li jista’ jaqleb fil-Grieg kelma li Ġesù, fl-Aramajk, lissinha “abbà”. Għal darbtejn San Pawl, fl-ittri tiegħu (ara Rum 8:15; Gal 4:6), imiss dan is-suġġett, u għal darbtejn iħalli din il-kelma mhux tradotta, fl-istess forma li fiha feġġet fuq fomm Ġesù, “abbà”, terminu iżjed intimu minn “missier”, u li hawn min ittraduċieh “papà, pa”.

Għeżież ħuti, aħna m’aħna qatt waħidna. Nistgħu nkunu mbiegħda, ostili, forsi nistgħu wkoll nistqarru li aħna “bla Alla”. Imma l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jurina li Alla ma jafx joqgħod mingħajrna: hu qatt ma jista’ jkun Alla “mingħajr il-bniedem”; huwa hu li ma jistax jgħaddi mingħajrna, u dan hu misteru kbir! Alla ma jistax ikun Alla mingħajr il-bniedem: x’misteru kbir dan! U din iċ-ċertezza hi l-għajn tat-tama tagħna, li nsibuha miġbura fl-invokazzjonijiet kollha tal-Missierna. Meta niġu bżonn l-għajnuna, Ġesù ma jgħidilniex nirrassenjaw ruħna u ningħalqu fina nfusna, imma nduru lejn il-Missier u nitolbuh b’fiduċja. Il-ħtiġijiet kollha tagħna, minn dawk l-iżjed ċari għal dawk ta’ kuljum, bħall-ikel, is-saħħa, ix-xogħol, sa dak li nkunu maħfura u mwieżna qalb it-tentazzjonijiet, mhumiex il-mera tas-solitudni tagħna: hemm il-Missier li dejjem iħares lejna bi mħabba, u li żgur ma jitlaqniex waħidna.

Issa se nagħmlilkom proposta: kull wieħed u waħda minna għandu tant problemi u tant bżonnijiet. Ejja naħsbu ftit, fis-skiet, f’dawn il-problemi u f’dawn il-bżonnijiet. Naħsbu wkoll fil-Missier, fil-Missier tagħna, li ma jistax jgħaddi mingħajrna, u li bħalissa qed iħares fuqna. U lkoll flimkien, b’fiduċja u tama, nitolbu: “Missierna, li inti fis-Smewwiet…”.

Grazzi!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s